Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru ta’ Matul il-Jum – persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7414, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm minn dawn il-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali msemmija li jattendu f’dawn iċ-Ċentri, jagħmlu użu minn dawn iċ-Ċentri regolarment kull ġimgħa? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra jekk iċ-Ċentru taż-Żejtun għadux jiffunzjona/miftuħ billi mhux identifikat f’din ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari?’

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7414 kienet tirreferi għal Mental Health Clinics; rigward iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, preżentament f’dak tal-Furjana jattendu 49 persuna, fiż-Żejtun 47, Ħal Qormi 62, Bormla 57 persuna u f’ta Raħal il-Ġdid 44. Ninfurmah ukoll li fiċ-ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Furjana hemm 44 persuna li tattendi regolarment kull ġimgħa, taż-Żejtun 40, f’ta Ħal Qormi 57, Bormla 45 persuna u f’ta Raħal il-Ġdid 44.

Strateġija Nazzjonali kontra l-Obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk għandniex Strateġija Nazzjonali kontra l-obeżità? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ din l-istrateġija kontra l-obeżità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta għandna Strateġija Nazzjonali ‘A Healthy weight for life’ kontra l-obeżita’. Nfakkru illi ttieħdu diversi inizzjattivi sabiex il-problema tal-obeżita’ f’Malta tonqos, fosthom l-Avviż Legali numru: 266 tal-2018 fejn għal aktar dettalji dwar ikel u xorb bnin fl-iskejjel jista’ ukoll jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6921. Kien hemm ukoll d- Design of Healthy Plate guidelines fejn din id-dieta kienet ibbażata fuq dik Mediterranja, Lunch box campaign u proġett ieħor li kien ko-iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għan li jippromwovu l-attività fiżika fost l-adoloxxenti fl-iskejjel u fil-komunità permezz tal-kollaborazzjoni ta' diversi Kunsilli Lokali. L-evalwazzjoni ta 'dan il-proġett wriet impatt fuq l-ammont ta' attività fiżika mwettqa. Dan il-proġett konġunt qed ikompli fi skejjel interessati. Inizzjattivi oħra jinkludu diversi kampanji li jsiru kull sena, fosthom fil-komunitajiet u l-postijiet tax-xogħol fejn ommijiet ġodda ikunu nfurmati dwar l-importanza tat-treddigħ lit-trabi tagħhom speċjalment fl-ewwel sitt xhur tal-ħajja, isiru ukoll Weight Management Programmes fil-komunita għal-adulti, Provvista ta' servizzi f'Dar Kenn għal-Saħħtek għal nies obeżi u fost inizzjattivi oħrajn ingħata ukoll appoġġ lin-nisa tqal u ommijiet ġodda biex jadottaw drawwiet alimentari tajbin għalihom infushom u l-familji tagħhom permezz ta' inizzjattivi edukattivi u komunitarji. Dan is-servizz qed ikun offrut mill- parentcraft.

Sptar Mater Dei – Servizz ta’ Ħidma Soċjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fid-dettal fiex jikkonsisti s-servizz ta’ Ħidma Soċjali għall-pazjenti fl-Isptar Mater Dei? X’għandu jagħmel pazjent – jew il-qraba tiegħu - biex jagħmel użu minn dan is-servizz waqt li jkun l-isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz ta’ Ħidma Soċjali fl-isptar Mater Dei huwa servizz olistiku għall-pazjenti li jsofru minn diffikultajiet psikosoċjali minħabba l-kundizzjoni u s-sitwazzjoni medika tagħhom. Dan is-Servizz jgħin lill-pazjenti u lill-familji tagħhom li jkollhom trawmi fiżiċi u emozzjonali li kienu kkawżati mid-dħul tagħhom fl-isptar. Is-servizz ta’ Ħidma Socjali jassisti wkoll lill-pazjenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tħejjija għal meta dawn ikunu ser jiġu discharged mill-istess sptar. Kull pazjent fl-Isptar Mater Dei jista' jibbenefika mis-Servizz ta’ Ħidma Soċjali billi jitlob lill-uffiċjal infermier inkarigat mis-sala, tabib, konsulent, fiżjoterapista jew occupational therapist sabiex jagħmel kuntatt ma’ dan il- Unit. Barra minn hekk u fejn meħtieġ, kull professjonist li jaħdem fl-Isptar Mater Dei jista' jirreferi lil kwalunkwe pazjent għas-Servizz ta' Ħidma Soċjali wara li l-pazjent jagħti l-kunsens tiegħu biex tkun tista’ ssir din ir-referenza. Għal aktar informazzjoni l-Onor. Interpellant jista’ jirreferi għal- link t’hawn taħt. https://deputyprimeminister.gov.mt/en/ahcs/Pages/social-work/mater-dei-hospital-social.aspx

Sptar il-Ġdid f’Għawdex

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jibda jopera l-Isptar il-Ġdid f'Għawdex u dan peress li f'Konferenza Stampa li kienet ġiet irrapurtata fil-mezzi tax-xandir fit-18 ta' Ġunju 2016 kien tenna li dan l-Isptar ġdid kellu jkun fih 450 sodda, 250 acute beds u 200 geriatric beds? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta' kostruzzjoni ta' dan l-Isptar, issa li għaddew aktar minn sentejn, bediex? Jista’ jgħid jekk inħarġux il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva x'numru fih dan il-permess? Jekk għadhom ma nħarġux il-permessi, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-kampus tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex miexi sew. Tant hu hekk illi fil-ġranet li ġejjin ser tiġi inawgurata l-Anatomy School ġdida waqt illi x-xogħol fuq il-Medical School ta’ Barts issa tela’ sat-tielet sular.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — servizzi ta’ konsulenza minn individwu

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, x'impjieg, x’servizzi ta' konsulenza jew xort'oħra kellu jew għad għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, mal-Ministeru tiegħu u mal-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll, sena b'sena, kemm tħallas dan l-individwu għas-servizzi tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u l-individwu msemmi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ngħata l-ebda impjieg jew servizzi ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament la mill-Ministeru għas-Saħħa u lanqas mill-entitajiet u/jew mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.

Entitajiet – impjegati ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 739 u jgħid kemm-il impjegat ġdid, full-time jew part-time, ġew impjegati minn kull entità li għaliha huwa responsabbli, bejn l-1 ta’ Marzu 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’Marzu 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017 ġew impjegati 78 ħaddiem full-time u 5 ħaddiema part-time fid-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa. Fl-isptar Boffa, fl- Entitlement Unit , fl-isptar Ġenerali t’Għawdex, fin- National Blood Transfusion Centre , fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fis-CPSU u l-isptar Karen Grech ġie impjegat persuna waħda, fl-isptar Mater Dei 27, fl-isptar Monte Carmeli 6 persuni, fl- Information Management Unit u l-POYC 2, 31 mal- Foundation for Medical Services , fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija u fid-Dipartiment tal-Kura Primarja 4. Dawn l-impjegati jinkludu fost l-oħrajn nurses , tobba u dentisti, qwiebel, spiżjara, allied health professionals u speċjalisti fl-IT.

Thyroid tablets – pilloli out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm se jdumu out of stock, it-thyroid tablets Carbimazole 5?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għandu nformazzjoni żbaljata għaliex it-thyroid tablets Carbimazole 5 qatt ma kienu out of stock.

Twaqqif ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jitwaqqfu aktar Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u fejn sejrin jitwaqqfu dawn iċ-Ċentri u min se jkun responsabbli tat-tmexxija ta’ dawn iċ-Ċentri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7254, u nista’ nħabbar illi fil-5 ta’ Diċembru li ġej sejra ssir Konferenza Nazzjonali bil-parteċipazzjoni tal-istake holders kollha biex jiġi varat u diskuss d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjan Strateġiku għas-Saħħa Mentali 2020-2030.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru tiegħu talabx għajnuna finanzjarja Ewropea għas-servizzi indirizzati lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali f’dawn l-aħħar ħames snin bħal ma għamlu l-Aġenzija Sapport tal-Ministeru tal-Familja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li aktar kmieni din is-sena l-Ministeru għas-Saħħa applika b’suċċess għal proġett The Provision of a Sustainable Mental Health Care Service to Asylum Seekers and Refugees in Malta taħt il-fond Ewropew Asylum, Migration & Integration Fund (AMIF) fejn b’total ta’ €3 Miljun Ewro, il-Ministeru għas-Saħħa se jkun jista’ jiġbor spejjeż li jkun ħareġ sabiex jingħataw kura dawn il-pazjenti u biex b’hekk permezz ta’ dawn il-flus is-servizz tas-saħħa mentali jibqa’ wieħed sostenibbli filwaqt li dawn il-flus se jkunu jistgħu jiġu investiti mill-ġdid fil-qasam tas-saħħa mentali sabiex is-servizz u / jew il-faċilitajiet ikunu jistgħu jitjiebu. Barra minn hekk, permezz ta’ proġett ieħor bl-isem ta’ Non-Technical skills Training for Healthcare Personnel taħt il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) li ġie approvat fis-sena 2017, b’total ta’ €3.4 miljuni, l-impjegati tal-Gvern fid-Dipartiment tas-Saħħa li jaħdmu dirett mal-pazjenti, inkluż dawk pazjenti li jkollhom bżonn ta’ kura mentali, se jingħataw taħriġ f’Non Technical Skills bi skop li ntejbu u noffru dejjem l-aħjar servizz ta’ kura u b’sodisfazzjon akbar għall-pazjent.

Sptar Mater Dei – Operazzjonijiet ta’ Breast removal

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinvestiga l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jgħid jekk qattx saret operazzjoni ta’ breast removal fl-Isptar Mater Dei? Jekk ġieli saret, jista’ jgħid kemm-il darba u għaliex it-talba tal-individwu qed tiġi rrifjutata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-ġimgħa stess it-Tabib Ewlieni tal-Gvern bagħat ċirkulari lit-tobba kollha ta’ Malta u Għawdex biex iħabbar il-ftuħ ta’ klinika multidixxiplinarja illi issa bdiet tilqa’ appuntamenti għal konsultazzjoni dwar servizzi mediċi lill-persuni trans. Dan is-servizz jista’ jinkludi kirurġija fuq parir tat-tim professjonali.

Magni taz-Zokkor — skeda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi l-iskeda ta’ kif qed jitqassmu l-magni taz-zokkor lill-persuni li huma dijabetiċi biex huma stess jiċċekkjaw iz-zokkor, lokalità waħda wara l-oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ din is-sena l-magni taz-zokkor ser jitqassmu fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Birkirkara, Birżebbuġia, Fleur-de-Lys, l-Iklin, Ħal Luqa, l-Mosta, Paceville, Pembroke, Tas-Sliema, u Sant Andrija San Ġiljan. B’hekk dawn il-magni ikunu tqassmu fil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex sal-aħħar ta din is-sena, kif kien dejjem ippjanat.

Ħal Kirkop – Ċentru tas-Saħħa — ħinijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid x’ħinjiet jiftaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop? X’ħinijiet ikun hemm tabib? X’ħinijiet ikun hemm nurse?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Kirkop jiftah kuljum bejn is-7 ta’ fil-għodu sat-8 ta’ fil-għaxija. It-Tabib tal-Familja jara l-pazjenti mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8 ta’ fil-għodu sat-8 ta’ fil-għaxija u s-Sibtijiet mit-8 ta’ fil-għodu sas-1 ta’ wara nofsinhar. L-infermiera tkun qed tagħti servizz fiċ-ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7 ta’ fil-għodu sat-8 ta’ fil-għaxija.

Ħal Kirkop – Ċentru tas-Saħħa — pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid minn meta beda jopera ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop? Kemm attendew pazjenti s’issa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta beda’ jopera ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Kirkop igifieri mit-Tnejn 17 ta’ Settembru 2018 sas-29 t’ Ottubru 2018 attendew 7,050 persuna.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Persuni li jsofru mill-Anorexia jew Bulimja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk għandux data rigward kemm mill-popolazzjoni Maltija, issofri mill-kundizzjonijiet tal-Anorexia jew Bulimja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda statistika regolari ma tinżamm fuq il-prevalenza ta’ kundizzjonijiet relatati mal-ikel, bħall-anoressja, bulimja jew inkella ikel f’daqqa, apparti n-numru ta’ klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ Dar Kenn għal Saħħtek.

Sptar Monte Karmeli – pazjenti barranin jew immigranti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li huma immigranti u/jew barranin li qed jieħdu kura fl-Isptar Monte Karmeli u jista’ jgħid x’kundizzjonijiet qed ibatu minnhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm 49 persuni barranin għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli.

Għawdex – konsulenti fl-Isptar Ġenerali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm bħalissa hemm konsulenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista' jagħti lista ta' dawn il-konsulenti u f’liema qasam qed jagħtu s-servizz tagħhom? Jista' jgħid minn dawn kemm huma full-time u kemm minnhom huma part-time? Jista' jgħid min qed iħallas għal dawn il-konsulenti? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar tliet snin kemm kien in-numru ta' konsulenti li spiċċaw mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u x'kienet ir-raġuni f'kull każ għaliex dawn spiċċaw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2016 kien hemm 22 konsulent li ta servizz fl-isptar Ġenerali t’Għawdex li minnhom 1 kien part time. Fl-2017 kien hemm 26 konsulent li minnhom 1 kien part time, filwaqt li matul din is-sena hemm 28 konsulenti li qed jagħtu s-servizzi tagħhom fl-istess sptar u li minn dawn 1 huwa part time. Apparti minn hekk matul din is-sena ukoll, kien hemm ukoll 32 konsulenti li kienu shared, iġifieri li kellhom sessions extra fl-isptar Ġenerali t’Għawdex speċifikament għal pazjenti għawdxin.

Ċentru ta’ Matul il-Jum – persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jattendu regolarment f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum? X’etajiet għandhom u minn liema lokalità ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Mosta preżentament jattendu 677 persuni, dak ta’ Bormla 327, tal-Furjana 748, tal-Mosta 253, tal- Gżira 125, ta’ Ħal Qormi 1,002 u ta’ Raħal Ġdid 1,266. Dawn il-persuni ġejjin mill-maġġoranza tal-lokalitajiet f’Malta.