Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xiri ta' ċens

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27509, jista' l-Ministru jara li jsir l-appuntament lill-istess individwu għax minkejja li għaddew ix-xhur, għadu ma rċieva xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif kien ġie riferit fi tweġibiet għall-mistosijiet parlamentari 27509 u 28722 fuq l-istess suġġett, dan id-dipartiment għamel diversi tentattivi biex jikkuntattja lill-individwu ħalli jingħata appuntament sabiex it-tekniċi tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-gvern imorru jieħdu l-qisien tad-dar tiegħu sabiex isiru l-pjanti meħtieġa ħalli l-proprjetà tkun tista’ tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet. Però minkejja dawn it-tentattivi, l-individwu mhux qiegħed iwieġeb għat-telefonati fuq in-numru li huwa stess kien ipprovda. Id-Dipartiment saħansitra anke bagħat lit-tekniċi fuq il-post però xorta ma rnexxielohomx jieħdu l-qisien peress li l-individwu ma kienx fil-post. Nitlob lill-Onorevoli Membru biex, jekk huwa jrid, jinforma lill-individwu sabiex jikkuntattja hu lid-Dipartiment biex ikun jista’ jingħatalu appuntament.

Servizz tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nqatgħalhom id-dawl mill-bidu tas-sena 2011? Kemm hemm persuni li reġa' ngħatalhom id-dawl? Kulħadd ħallas il-kontijiet biex reġa' ngħatalhom id-dawl? Jista' jgħid kemm hawn persuni li jinsabu bla dawl għax ma ħallsux il-kontijiet u kemm ilhom bla dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-bidu tas-sena l’hawn in-numru ta’ postijiet li nqatgħalhom id-dawl kien ta’ 956, filwaqt li in-numru ta’ postijiet li reġa ngħatalhom id-dawl kien ta’ 508. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ postijiet li jinsabu bla dawl għax ma ħallsux il-kontijiet huwa ta’ 448. F’każijiet fejn reġa ingħata d-dawl lura, dan sar minħabba li jew jkun sar il-ħlas tal-bilanċ dovut kollu, jew inkella jkun sar xi forma ta’ ftehim biex jsiru pagamenti bin-nifs. F’każ ta’ ftehim għal-ħlas bin-nifs; qabel ma jerġa jingħata lura s-servizz, isir l-ewwel pagament bħala depożitu fuq il-ftehim stess. Il-perjodu ta’ żmien sakemm jerġa’ jingħata d-dawl ivarja skond il-każ. Dan jiddependi minn meta jkun inqata’ s-servizz u jekk jkunx sar kuntatt mal-ARMS għall-ħlas.

Stallazzjoni tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex tiddaħħal il-provista tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm erba' mija u żewġ (402) applikazzjonijiet pendenti għas-servizz tad-dawl: tliet mija sitta u sebgħin (376) f’Malta u sitta u għoxrin (26) f’Għawdex.

Servizz tal-ilma — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jiddaħħal is-servizz tal-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li sa nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru kien hemm 473 applikazzjoni għal servizz ġdid fir-reġjuni. Minn dawn 285 daħlu fl-aħħar 4 ġimgħat. Apparti dawn hemm 179 applikazzjoni oħra li għadhom ma ġewx ipproċessati minħabba li l-korporazzjoni għadha qed tistenna li jsir xi pagament fuq kontijiet pendenti li l-applikant ikollu jew inkella minħabba li l-applikant ma jkunx ipproduċa d-dokumenti kollha meħtieġa meta applika.

Dejn Nazzjonali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29758, jista' l-Ministru jgħid kemm jammonta d-dejn nazzjonali llum f'ċifra ta' flus globali? Jista' jagħti breakdown sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdxin li jħallsu l-kont tad-dawl u ilma bin-nifs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni f'Għawdex li daħlu fi ftehim mal-ARMS Ltd biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bin-nifs?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ ftehim li hemm bejn persuni Għawdxin u l-ARMS biex jitħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bin-nifs, huwa ta’ 262

dħul tal-gvern minn liċenzji, taxxi u multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid a bażi ta' xiex il-gvern qed jikkalkula li se jdaħħal xi €36 miljun aktar minn liċenzji, taxxi u multi fis-sena finanzjarja li ġejja? Huma kontemplati xi żidied f’dawn it-tariffi eċċ. matul is-sena finanzjarja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ż-żieda prevista minn liċenzji, taxxi u multi fis-sena finanzjarja li ġejja meta mqabbla mal-Estimu Rivedut għall-2011 hija primarjament magħmula minn: - żieda ta’ 11-il miljun ewro mit-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti peress li hu maħsub li jkun hemm żieda fil-bejgħ ta’ proprjeta’ matul is-sena d-dieħla; - żieda ta’ 8.5 miljun ewro fil-liċenza ta’ Ċirkolazzjoni b’riżultat tal-iskema mħabbra fil-Baġit biex persuni li għandhom ħlasijiet pendenti ta’ liċenżji jew ħlasijiet ammisnistrattivi marbuta mal-karrozzi jkunu jistgħu jirregolarizzaw ruħhom, żieda fin-numru ta’ vetturi u żieda marġinali fil-liċenza mis-seba’ sena biex tinkoraġġixxi l-bdil ta’ vetturi qodma, kif imħabbar fid-diskors tal-baġit għall-2009; - żieda ta’ 8.3 miljun ewro mit-taxxa fuq ir-registrazzjoni ta’ vetturi, li tinkludi t-taxxa ta’ registrazzjoni ta’ vetturi ġodda flok karrozzi qodma skrappjati taħt l-iskema ta’ inċentivi mogħtija għat-tieni sena konsekuttiva biex nilħqu l-miri ambjentali u l-bdil fit-taxxa ta’ reġistrazzjoni għall-karrozzi privati fuq il-Euro standard biex nippromwovu karozzi b’emissjonijiet inqas, kif imħabbar fid-diskors tal-baġit għall-2012; - żieda fuq il-fuel għall-bunkering tal-vapuri barra l-ibħra nazzjonali (6.55 miljun ewro), imħabbra fid-diskors tal-Baġit u li mhu se taffettwa bl-ebda mod il-preżż ta’ fuel mibjugħ f’Malta. Mhumiex kontemplati żidied f’dawn it-tariffi matul is-sena finanzjarja.

dħul tal-gvern minn VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid a bażi ta’ xiex il-gvern qed jikkalkula li se jdaħħal €45 miljun aktar f’VAT matul is-sena finanzjarja li ġejja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istima tal-gvern, inkluż dik tad-dħul mill-VAT, huma kkalkolati abbażi tat-tkabbir ekonomiku.

dħul tal-gvern minn miscellaneous receipts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’wassal lill-gvern biex għas-sena finanzjarja li ġejja qed ibassar li jdaħħal €22 miljun aktar f’dawk li huma miscellaneous receipts meta fis-sena li qegħdin fiha skont ir-revised figures mistenni jdaħħal €6 miljun anqas mis-sena ta’ qabel?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji tad-dħul għall-2012, kif ipparagunat ma’ dak tas-sena 2011, huwa kif elenkat fid-diversi revenue items inkluzi taħt miscellaneous receipts, kif spjegat fl-Estimi Finanzjarji għall-2012.

Estimi tal-Budget, — dividends on investments

Question

B’referenza għal-line item 0639 SectionX, Dividends on Investments tal-Estimi tal-Budget, billi fis-snin imgħoddija l-gvern daħħal bejn €1 miljun u €1.4 miljun bħala medja, jista' l-Ministru jgħid a bażi ta' xiex din is-sena qed ibassar li jdaħħal madwar €5.2 miljun?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dħul taħt Dividends on Investments kif ipproġettat fl-Estimi Finanzjarji tal-2012, huwa mistenni li joriġina l-aktar minn entitajiet tal-gvern.

Tfaddil ta' flus mill-poplu Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġemma l-poplu Malti matul is-snin 2008, 2009, 2010 u l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-istatistika hi limitata għal tfaddil mal-banek u teskludi tifdil ieħor bħal flus miżmuma d-dar jew investimenti f’assi oħra.

informazzjoni dwar is-segretarjat tal-Finanzi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29109, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet u l-karigi relattivi tal-persuni kollha konċernati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-membri u l-karigi tagħhom fis-Segretarjat Ministerjali tiegħi huma dawn li ġejjin: Colin Calleja - Head of Secretariat Anna Aquilina - Private Secretary Keith Zahra - Communications Coordinator Ivan Debono - Policy Coordinator Robert Attard - Secretariat Officer Duncan Xuereb - Secretariat Officer Elizabeth Vella - Secretariat Officer Jacqueline Pace Delicata - Secretariat Officer Charmaine Fenech St John - Secretariat Officer Daniela Scalpello - Secretariat Officer Keith Cauchi - Secretariat Officer Alexia Demicoli - Secretariat Officer Anna Coppola - Secretariat Pool James Azzopardi - Driver/Security Officer Bernard Pisani – Driver/Security Officer Dawn jitħallsu skont il-linji gwida li jinsabu fl-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats maħruġ f’Ottubru 2007 u li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reverse Osmoses — produzzjoni ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-ilma mir-Reverse Osmoses matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Jista' jipprovdi kemm kienet ikkalkulata l-ispiża sena b'sena abbażi għal din il-produzzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Imtarfa bypass — xogħol tar-relief main tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta tlesta x-xogħol tar-relief main tad-drenaġġ fil-bypass tal-Imtarfa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol tar-relief main tad-drenaġġ fil-bypass tal-Imtarfa tlesta fis-sena 2005.

Budget 2012 — bolla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk b'konsegwenza tal-Budget 2012, il-bolla hijiex se togħla jew le matul is-sena finanzjarja l-ġdida? Jekk iva, b'kemm?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lil Onor Interpellant illi, bħal ma jiġri kull sena, il-bolla togħla bl-effett tal-COLA hekk kif jiġu applikati il-persentaġġi viġenti skont il-kategorija ta’ kontribuzzjoni. Hemm ukoll żieda fil-bolla għall-dawk li huma taħt il-50 sena, skont ir-riforma fil-pensjonijiet li bidet fl-2007, fejn: · Fil-każ ta’ impjegati, dawk li għandhom salarju li jeċċedi €378.50 fil-gimgħa, se tiżied b’€2.46 fil-gimgħa; u · Fil-każ ta’self employed, dawk li għandhom net profit li jeċċedi €19,682 fis-sena se tiżied b’€3.70 fil-gimgħa.

Bank of Valletta — Chairman

Question

Jidhirlu l-Ministru li meta rrisponda għal mistoqsija parlamentari 27593 dwar il-ħatra taċ-chairman tal-Bank of Valletta fuq il-Bord tal-Air Malta billi qal li qiegħed jagħmel l-indaġini ulterjuri minflok ma kkonfermali b’mod kategoriku li l-appointment tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bħala direttur tal-Air Malta ma tikkostitwixxi l-ebda problema legali taħt il-Banking Act, dan jikkostitwix evidenza li ma sarx due diligence min-naħa tal-Ministeru tal-Finanzi qabel l-istess appointment, jekk addirittura ma jindikax nuqqas ukoll mir-regolatur, l-Awtorità dwar is-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta? Jekk kemm-il darba l-appointment tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fil-fatt jikkostitwixxi ksur tal-Artiklu 15 tal-Banking Act minħabba faċilitajiiet ta’ kreditu li jagħti l-istess Bank lill-Air Malta, u li dan allura jkun jikkostitwixxi offiża kriminali li skont l-istess att tista’ tkun punibbli bi priġunerija u b’multa sa €1,164,686 għal kull persuna li kienet tagħmel parti mill-istess ksur, jista' l-Ministru jinforma lilll-Kamra x’passi se jittieħdu skont il-liġi?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara d-domanda tiegħu billi din qed titlaq minn premessa skorretta għall-fatt li din ma tirriflettix ir-risposta li tajt għal din id-domanda.

Taxxi u tariffi — prinċipju tal-polluter pays

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-taxxi u tariffi viġenti li japplikaw il-prinċipju tal-polluter pays? X'inhu d-dħul tal-gvern minn dawn it-taxxi u tariffi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Strateġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jelenka kif żvolġiet l-istrateġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sena 2000 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab informat li l-istrateġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sena 2000 ġiet żviluppata wara l-evalwazzjoni tal-impjanti tal-ġenerazzjoni kurrenti tal-Enemalta u ż-żieda tad-domanda tal-elettriku. It-tfassil ta’din l-istrateġija kkunsidra: · Il-kundizzjoni tal-impjanti eżistenti u kemm ilhom joperaw; · L-effiċjenza tal-operat tal-impjanti eżistenti; · Il-livell tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-bżonn għal riżerva suffiċjenti; · Il-kwalità tal-ambjent u li tkun konformi mal-obligazzjonijiet tar-regoli ambjentali; · Iż-żieda fid-domanda taħt diversi xenarji ta’ load għolja, medja u baxxa flimkien mal-impatt ta’ żviluppi ġodda; · It-tip ta’ fuel li jintuża, jekk hux zejt, faħam jew gas jew xi alternattivi oħra u l-ispejjeż flimkien ma’ xi tibdil fl-infrastruttura li jista’ jkun hemm bżonn; · Il-possibiltà tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija; · L-Introduzzjoni ta’ ġenerazzjoni alternattiva. L-għażla teknika tal-impjant il-ġdid hija mfassla fuq il-bżonn għall-operazzjoni flessibbli u effiċjenza ikbar meta topera fuq load baxx. L-impjant irid ikollu l-kapaċita’ li jopera b’dan il-mod biex ilaħħaq mad-domanda ta’ kuljum u l-varjazzjonijiet fuqha, kif ukoll fuq shifting modes apparti mill-operazzjoni għall-load massima fissa. Numru ta’ alternattivi tekniċi ġew identifikati u kkunsidrati: 1. Magni tad-diesel, li huma mqassmin fi tlett tipi – high-speed, medium-speed u low-speed units. Il-magni tal-high-speed huma ratati ghal 5MW u mhux ta’ soluzzjoni prattika ghall-użu tal-power stations tal-Enemalta. Il-medium-speed units jintużaw l-iktar fuq vapuri żgħar filwaqt li l-low-speed units jintużaw l-iktar fuq vapuri kbar ta’ tip kummerċjali; 2. It-turbini tal-kombustjoni, kemm li huma heavy-duty jew aero-derivative li huma kemm dawk li joperaw fuq open-cycle jew combined-cycle 3. Li jerġa’ jitħaddem l-impjant eżistenti bl-isteam permezz ta’ steam li jiġi prodott minn heat-recovery boilers u turbini tal-kombustjoni, biex jifforma l-impjant tas-CCGT; 4. Cable tal-elettriku li għalkemm ma jiġġenerax minnu nnifsu, jirrapreenta t-tibdil tal-ġenerazzjoni lokali ma’ ġenerazzjoni barra minn Malta. Biex tinżamm is-sigurtà tal-elettriku, din tal-aħħar ikun bżonn li jkollha wkoll magni biex jipprovdu alternattiva oħra; 5. Tibdil minn żejt għal natural gas. Il-Gvern segwa r-rakkomandazzjonijiet tal-Generation Plan u għażel li jibni generating plant ġdida fil-power station ta’ Delimara u interconnecting cable mal-grid Ewropew fi Sqallija. L-estensjoni tal-power station ta’ Delimara waslet biex titlesta. Il-generators ġew installati, flimkien mas-sistema ta’ desulphurisation, li tassigura emissjonijiet konformi mar-regoli strinġenti tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett kien maħsub li jiġi kummissjonat f’Settembru tal-2011, iżda minħabba oġġezzjonijiet miġjuba mill-Oppożizzjoni, kien hemm dewmien fl-iskeda. L-interconnector cable jirrappreżenta pass importanti ħafna għal Malta. Għall-ewwel darba, mhux se nibqgħu iżolati mis-sistema Ewropea ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan jassigura l-provvista tal-elettriku mingħajr il-bżonn li tinbena power station oħra, u għandu jwassal biex il-power station tal-Marsa tkun tista’ tingħalaq. Ta’ min jgħid li r-rata ta’ żieda fil-konsum tal-elettriku qed tinbidel, minħabba kuxjenza ambjentali akbar, u investimenti mill-Gvern f’enerġiji alternattivi, il-Generation Plan qed jiġi rivedut fid-dawl taċ-ċirkostanzi ġodda, u dan għandu jitlesta fl-2012.

Enemalta — telf

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm hu stmat it-telf tal-Korporazzjoni Enemalta għal din is-sena 2011; b) jekk il-priċipju ta' full-cost recovery għadux fis-seħħ; u ċ) jekk se jkun hemm xi telf, dan se jidher fis-sena 2011 jew fis-sena li ġejja 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li it-telf tal-Korporazzjoni Enemalta għal din is-sena 2011 huwa stmat li ser jammonta għal €17,858,844. Il-prinċipju ta’ full-cost recovery għadu fis-seħħ, għalkemm il-prezz taż-żejt preżenti qiegħed viċin U$ 110 il-barmil. L-istrateġija hija illi l-Korporazzjoni Enemalta tkun viġilanti fuq is-swieq biex malli jinżel il-prezz, tillokja l- exposure għas-sena dieħla. It-telf dejjem jiġi iddikjarat fis-sena li jkun seħħ.