Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel primarji u Sekondari statli — minor staff

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu responsabbli mill-minor staff fl-iskejjel primarji u sekondarji statali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kapijiet tal-Iskejjel huma direttament responsabbli mill-minor staff fl-iskejjel primarji u sekondarji statali, filwaqt li l-College Principal u l-Precincts Officer jissorveljaw ix-xogħol meħtieġ u n-numru ta’ minor staff fl-iskejjel.

Activity teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid mis-sena 2002 sal-lum, kemm daħlu activity teachers u f'liema skejjel jinsabu? Kemm hemm il-ħsieb li jiddaħħlu matul is-sena li ġejja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel statli — formative assessment tal-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal ix-xogħol dwar formative assessment tal-istudenti fl-iskejjel statali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-eżercizzju li jqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-assessjar formattiv fil-klassi ilu dawn l-aħħar snin li beda mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Inħolqot sezzjoni apposta fid-Dipartiment tal-Kurrikulu u eLearning li hija responsabbli għal dan il-għan u ġġib l-isem Assessment for Learning . Saru laqgħat ma’ Kapijiet ta’ Skejjel biex tingħata informazzjoni u appoġġ lill-iskola dwar Assessjar Formattiv filwaqt li saru korsijiet ta’ taħriġ lill-Assistenti Kapijiet ta’ Skejjel u għalliema fuq strateġiji tal-assessjar formattiv kif ukoll saru Professional Development Sessions. Qed isiru sessjonijiet ta’ żvilupp professjonali ma’ year groups individwali fl-iskejjel Primarji waqt il- curriculum time u qed isiru sessjonijiet mal-għalliema tas-suġġetti differenti fl-iskejjel sekondarji waqt il-ħin dedikat għas- subject meetings . Huwa ppjanat li din il-prattika titwessa’ kemm jista’ jkun fl-iskejjel sekondarji kollha u għal numru aktar wiesa’ ta’ suġġetti. Inkiteb ktejjeb fuq strateġiji bażiċi tal-assessjar formattiv li qed jibda jintuża minn xi skejjel bħala appoġġ għall-għalliema. Inkitbu diversi artikli fuq strateġiji tal-assessjar formattiv fuq il-pubblikazzjoni tad-Direttorat Resources u jinsabu ukoll fuq il- website tad-dipartiment. http://www.curriculum.gov.mt/assessment_for_learning.htm Iċ-Ċertifikat ta’ Tmiem l-iSkola Sekondarja ġie mogħti valur miżjud għax kull tip ta’ tagħlim li l-istudent se jgħaddi minnu tul il-perjodu tal-iskola sekondarja se jingħata l-importanza valutattiva li ħaqqu. Dan iqarreb l-Assessjar Summattiv lejn dak Formattiv u jagħmel it-tagħlim iktar sħiħ u l-iżvilupp iktar ħolistiku.

Guardianship Act — persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Gvern rigward il-Guardianship Act għall-persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Guardianship Act tagħmel parti mill-programm leġislattiv tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Din il-liġi għandha diffikultajiet legislattivi u għalkemm kien sar xogħol fuq abbozz fil-passat, jeħtieġ li jiġi maħdum mill-ġdid u għalhekk se titkompla il-ħidma fuq l-abbozz il-ġdid fl-2011.

Supported employment — persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'politika, pjanijiet u programmi għandu l-gvern għas-supported employment għall-persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bil-għan illi persuni b’diżabilità u li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol jingħataw attenzjoni partikolari, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) topera Registered Disabled Persons Unit fi ħdan is-Supported Employment Section tagħha. Tali Klijenti huma eligibbli għall-skema partikolari ta’ work exposure imsejħa Bridging the Gap Scheme. Permezz ta’ din l-iskema l-klijent ikollu iċ-ċans li jipprova lilu nnifsu fuq post tax-xogħol propriju mingħajr il-ħtieġa li jinfetaħ il-ktieb tax-xogħol. Matul din il- work exposure l-klijent jirċievi mill-ETC ‘allowance’ ta’ 80% tal-paga minima nazzjonali mingħajr il-ħtieġa li jirrinunzja minn xi benefiċċji li jkun qed jirċievi mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali, jekk dan il-perjodu ma jeċċediex it-28 ġimgħa. Tul dan il-perjodu l-ETC tipprovdi s-servizz ta’ job coaching fejn ikun meħtieġ. Minn ħdan l-Employment Aid Programme li hija inizjattiva ko-finanzjata mill-European Social Fund, Employer li jingaġġa miegħu persuna b’diżabilità, jingħata sussidju ta’ 75% fuq is-salarju li jħallas, għall-ewwel sena tal-ingaġġ u 60% sussidju għas-sentejn ta’ wara. Barra minhekk, tali Employer ikun eliġibbli ukoll għall tlett snin rifuzjoni tal-bolla tas-Sigurtà Soċjali li huwa jkun ħallas bħala employer . L-ETC għadha kemm issottomettiet proposta sabiex jiġi mniedi proġett ko-finanzjat mill-ESF sabiex fost servizzi oħra, jkunu jistgħu jiġu offruti servizzi ta’ job coaching u personal assistance anke waqt l-impieg propriju.

Unjoni Ewropea — assoċjazzjoni tas-supported employement

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk pajjiżna jieħux sehem jew għandux xi kuntatti mal-assoċjazzjoni tas-supported employment tal-Unjoni Ewropeja ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma għandiex kuntatt mal-assoċjazzjoni tas-supported employment tal-Unjoni Ewropea.

Equality Mark

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed isir xi eżerċizzju biex jiġi stabbilit jekk il-Ministeri u d-dipartimenti governattivi kollha jikkwalifikawx għall-Equality Mark tal-NCPE?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-NCPE tagħti l-Marka tal-Ugwaljanza lil dawk l-entitajiet, kumpaniji u dipartimenti li jissodisfaw kriterji speċifiċi u li huma relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi. Kull entità tal-gvern tkun trid tapplika separatament biex tingħata l-Marka tal-Ugwaljanza u trid ukoll tissodisfa l-kriterji msemmija diġà skont kif jitolbu l-proċeduri.

Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja — laqgħat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa u/jew attività saru mill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Famlija minn kemm ilha li reġgħet ġiet komposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja ma reġgħetx ġiet komposta.

Community Work Scheme

Question

Peress li sar magħruf li taħt l-iskema tal-Community Work Scheme minn madwar 400 persuna li ilhom jirreġistraw, kienu biss 160 li kienu involuti f’din l-iskema, tista’ l-Ministru tgħid: a) jekk hux minnu li hemm uħud minn dawn l-400 li qatt ma ġew imsejħa biex jaħdmu fil-Community Work Scheme; b) għalfejn fost l-400 li setgħu ġew involuti s’issa, hemm min diġà qed jagħmel it-tielet perjodu ta’ sitt xhur taħt din l-iskema u hemm min lanqas biss ddaħħal darba; ċ) ma taħsibx li wara sena titħaddem din l-iskema, l-iskema għandha tiġi riveduta u rranġata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa fl-Iskema Xogħol fil-Komunità hemm 160 parteċipant, iżda dawn ma kienux l-uniċi persuni eleġibbli li daħlu fl-Iskema s’issa. Ma’ dawn wieħed irid iżid 72 persuna oħra li minn meta bdiet taħdem l-Iskema ftit aktar minn sena ilu ġew assenjati ma' xi entità imma għal ragunijiet varji jew : 1 Ma osservawx ir-regoli ta' l-Iskema, ma attendewx fejn ġew assenjati u allura ġew maqtugħa mir-reġistru tal-qagħad. 2 Kif ġew magħżula biex jidħlu fl-iskema jew waqt li kienu fiha ġabu ċertifikat mediku li jirrendihom m`humiex tajba għax-xogħol u allura ġew referuti lill-Bord li hemm apposta biex jinqatgħu mir-reġistru tax-xogħol u jmorru fuq l-assistenza socjali. Persuna li ġġib ċertifikat mediku li jkun jgħid li mhix tajba għax-xogħol ma tistax tibqa' tirreġistra għax-xogħol. 3 Kif appena ġew magħżula biex jidħlu fl-Iskema jew waqt li kienu fiha ddikjaraw li sabu impjieg. Tajjeb li wieħed jgħid li fil-bidu l-iskema kienet waħda pilota u kien hemm jipparteċipaw fiha mitt persuna biss. Biex dawn intgħażlu twaqqfet proċedura li tkun ġusta u trasparenti. Ittieħdet il-lista tal-persuni eleġibbli skond Novembru 2008. Minn dawn intagħżlu bl-ordni dawk li kienu ilhom jirreġistraw u ma qabżux l-età ta’ ħamsin sena. Sa’ illum diġa` saru mat-350 intervista lil dawk eleġibbli li fiha kienet imfissra kif taħdem l-iskema u x'inhuma l-kundizzjonijiet li jirregolawha. Dan ifisser li kważi kull min hu eleġibbli ġie nfurmat biex meta jinstab post fejn jistgħu jiġu assenjati isir dan mill-ewwel. Persuni ġodda jiddaħħlu minn żmien għal żmien fl-iskema l-aktar f`ċirkostanzi fejn jirtiraw persuni li diġà qegħdin fl-iskema jew meta ikun hemm talbiet u jkunu jistgħu jintlaqgħu. Iva hemm min qed jipparteċipa għat-tielet darba fl-iskema, li jfisser li se jkun ilu sena u nofs. Dan ġara għax ħafna mill-entitajiet li qed jibbenifikaw talbu biex iġeddu t-terminu ta' dawn il-persuni meta skadew l-ewwel u t-tieni sitt xhur peress li huma kienu sodisfatti u kuntenti bil-ħidma mwettqa minn dawn il-persuni assenjati lilhom. Qed ikunu pproċessati mal-erbgħin talba oħra u sa tmiem is-sena se jiżdiedu man-numru eżistenti. Wieħed irid iqis li biex persuna eleġibbli tidħol fl-iskema irid ikun hemm talba minn xi entità. Din tkun tinkludi l-ħiliet rikjesti li mhux dejjem dawk eleġibbli jkollhom. Il-lokalità minn fejn ikunu ġejjin il-parteċipanti toħloq restrizzjonijiet mhux facli minħabba waħda mill-kundizzjonijiet li tgħid li meta l-entità tkun kunsill lokali l-ebda parteċipant ma jista' jkun ġej mill-istess lokalità. Barra dan jitqies ukoll li kull parteċipant ma jkollux għaliex jaqbad aktar minn karozza tal-linja waħda u dan biex ma jiżdidulux l-ispejjeż. Mhux dejjem jistgħu jkunu akkomodati t-talbiet kollha. Illum jista’ jingħad li l-għanijiet li għalihom saret din l-iskema qed jigu milħuqa. I. Persuni eleġibbli jħossu li huma wkoll jistgħu jikkontribwixxu bil-ħidma tagħhom tkun xi tkun. Dan jagħtihom sens ta` dinjita` u fiducja fihom infushom. II. § Il-Komunità li mit-taxxi tagħha jiġu sostnuti fost kollox il-beneficcji socjali tieħu xi ħaġa ta' fejda lura mill-ħidma mwettqa mill-parteċipanti. § Għajnuna lill-entitajiet permezz tar-riżors uman. § Instab xi ftit bilanċ bejn min jaħdem u jħallas it-taxxa u min għal raġuni jew oħra ilu għal żmien konsiderevoli jirċievi l-benefiċċji tal-qagħad għax ma jaħdimx. § B`dan ukoll l-istess benefiċċju soċjali hu aktar sostenibbli. III. Jiġu mrażżna l-abbużi fejn u jekk ikun il-każ. Bħalissa l-ETC qed tagħmel evalwazzjoni ta’ l-iskema biex tanalizza u toħroġ proposti ta’ kif din l-iskema tista’ tiġi mtejba u ssir aktar effettiva.

Skola tal-bniet taż-Żejtun

Question

Tikkonferma l-Ministru li hemm ħsieb li l-istudenti bniet mill-lokalità taż-Żejtun mhux se jibqgħu jmorru fl-iskola sekondarja li tinsab fiż-Żejtun stess imma se jibdew jattendu xi skola oħra aktarx dik ta' Santa Luċija? X'inhi r-raġuni għal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti bniet taż-Żejtun se jkunu mal-kulleġġ tagħhom, dak ta’ San Tumas More, fejn l-iskola sekondarja tal-bniet se tkun dik ta’ Santa Luċija. Nixtieq infakkar li hija prattika komuni, għal ħafna snin, li għas-sekondarja t-tfal imorru skola f’lokalità oħra.

Rabat Malta — Għajn Qajjet Block A - Lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex jinbena lift ġewwa il-qasam tal-bini tal-gvern f'Għajn Qajjet fil-Rabat Malta fi Block A? Meta huwa ikkalkulat li dan ix-xogħol jitlesta meta f'dan l-istess blokk hemm anzjani li għandhom bżonn dan is-servizz mill-iktar fis possibli minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni għall-installar ta’ lift fil-blokk insemmi kienet ġiet ikkunsidrata xhur ilu mill-Awtorità tad-Djar. L-applikanti kienu ġew infurmati li f’dan il-blokk mhuwiex teknikament possibbli li jiġi akkomodat lift.

nies li jirreġistraw u jfittxu x-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li kien ilhom perjodu twil ta' żmien jirreġistraw u li kellna nibagħtuhom jaħdmu għal numru ta' sigħat fil-ġimgħa waqt li kienu ukoll se jitħallew ifittxu xogħol permanenti? Minn liema lokalitajiet huma dawk li fil-fatt ingħataw dawn il-ħlasijiet biex jidħlu f'din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-djar — problema tad-drains tal-banju

Question

Tista' l-Ministru tara li l-ħaddiema tal-Awtorità tad-Djar, wara rapport li għamel il-persuna li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament minħabba drains tal-banju peress li meta ċemplu lill-Awtorità tad-Djar qallulhom li se jiġu u ħadd ma mar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li fis-16 ta’ Novembru 2010, saret spezzjoni fil-post li d-dettalji nagħtaw separatament. Instab li fil-bitħa li qegħda fuq wara tal-post, hemm kaxxa tad-dranaġġ fejn il-katusa vertikali tisbokka f’waħda ħorizontali. Tlett appartamenti oħra qegħdin jużaw l-istess katusa vertikali. Fil-preżent id-dranaġġ jagħddi, iżda hemm indikazzjoni ta’ sadd fis-sistema tal-apparament imsemmi. Għalhekk huwa neċessarju li tinfetah il-kaxxa tad-dranaġġ sabiex jiġi stabbilit jekk il-kawża li qiegħed jinstadd bilmogħod hiex ħsara fis-sistema jew nuqqas ta’ tindif. Il-Ftehim sar bejn l-inkwilin u l-kuntrattur għal għada 23, ta’ Novembru, 2010 biex isir ix-xogħol meħtieġ u b’hekk s-sistema tad-dranaġġ terġa taħdem normali.

Korsijiet mogħtija bla ħlas fl-Università

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11106 li ngħatat sena ilu, tista' l-Ministru tgħid kemm qed tiġi l-ispiża ta' kull kors mogħti fl-Università ta' Malta? Tista' tindika ukoll kemm hija l-ispiża ta' kull ġurnata għall-kull student li jattendi l-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Universita’ ta’ Malta bdiet il-proċess biex tikkalkula l-ispiża ta’ kull kors li jingħata mill-Universita’ stess abbażi tar-riżultati finanzjari tas-sena akkademika 2009-10. Fil-preżent, l-Universita’ qiegħda tagħlaq il-kontitijiet għas-sena indikata, li hija wkoll is-sena finanzjarja tagħha, u għalhekk bħallissa qiegħed issir l-awditjar ta’ t-tali kontijiet. Kif dan il-proċess jitlesta, tibda tinġabar kull informazzjoni oħra relevanti għall-eżerċizzju. Madanakollu jrid jiġi apprezzat il-fatt li dan il-proċess ser jieħu ammont ta’ żmien mhux ħażin minħabba l-fatt li biex tinħareġ l-ispiża ta’ kull kors l-ewwel trid tibda mill-ispiża ta’ kull ‘ study unit’ li jingħata fl-Universita’, liema ‘units’ jammontaw għall-eluf. Għal kull ‘study unit’ jridu jiġu ikkalkulati il-pagi tan-nies li jaħdmu direttament fuq il-kors, l-ispejjeż ta’ dawl, ilma, sigurta’, insurance , etc. għal kull unit , u l-ispejjeż l-oħra kollha ndiretti, bħall-amministrazzjoni, etc. Wara dan irid jiġi kkalkulat kemm ser issir allokazzjoni ta’ l-ispiża ta’ kull ‘study unit’ fuq kull kors għax il-maġġoranza ta’ dawn jingħataw fuq korisijiet varji. L-Universita’ toffri ‘l fuq minn 900 kors u għalhekk dan il-proċess ser jieħu ħin konsiderevoli.

Care orders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20403, tista' l-Ministru tgħid fejn qegħdin jgħixu l-57 tifel u tifla li ħarġitilhom care order matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-57 minuri li ħarġitilhom care-order matul l-aħħar tnax-il xahar qed jgħixu jew fi djar residenzjali tat-tfal jew ma’ foster carers kif ukoll f’arranġamenti oħra familjari fl-aħjar interess ta’ l-istess minuri.

Università ta' Malta — informazzjoni dwar studenti li gradwaw

Question

Tista' l-Ministru tgħid din is-sena, 2010 kemm gradaw mill-Università ta' Malta? Kemm hu n-numru ta' Maltin? Kemm hu n-numru ta' barranin? Minn liema lokalitajiet ġejjin il-Maltin? Minn liema nazzjonitajiet ġejjin il-barranin? Kemm gradaw minn kull fakultà?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC — Żgħażagħ li qed jirreġistraw

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-ammont ta' żgħażagħ ta' bejn is-17 u l-25 li qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ xahar b'xahar bejn l-aħħar ta' Jannar 2010 u l-aħħar t'Ottubru 2010 taħt: a) part 1 jiġifieri jirreġistraw u ma jaħdmux u b) part 2 jiġifieri jirreġistraw għax-xogħol imma jaħdmu? Tista' ssir ukoll distinzjoni skont is-sess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Finanzi li l-Gvern jagħti lill-PBS

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20703, fejn il-Ministru tat dettalji għas-snin 2007/2008 u 2008/2009, tista' l-Ministru tagħti dettalji għas-snin 2009/2010 għax dawn diġà intnefqu u għas-sena 2010/2011 għax diġà kommessi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-PBS tkun tista’ tissottometti d-dettalji mitluba għas-snin 2009/2010 u 2010/2011 meta jiġu awditjati.

PBS — trasferiment ta' TVM u Radju Malta

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim iffirmat bejn il-Public Broadcasting Services u l-Maltacom għat-trasferiment ta' TVM/Radju Malta lill-Public Broadcasting Services?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jeżisti l-ebda ftehim bejn il-Public Broadcasting Services u l-Maltacom għat-trasferiment ta’ TVM/Radju Malta lill-Public Broadcasting Services.

Equal Partners Foundation — servizzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' ftehim hemm il-ħsieb li jiġi negozat mal-Equal Partners Foundation? Għal liema tip ta' servizzi? Għal kemm żmien, u x'inhu l-ammont ta' finanzi ppjanat għal dan il-ftehim?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F'dawn l-aħħar xhur kien hemm diskussjonijiet bejn il-Ministeru, d-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi u l- Equal Partners għal ftehim ta' servizzi edukattivi għal tfal b'diżabilità. Dan il-ftehim hu maħsub li jkun fuq l-istess kriterji li huma stabbiliti fi ftiehim oħra simili li għandu l-Ministeru ma' għaqdiet volontarji fis-settur edukattiv u soċjali. L-ammont ivvotat huwa madwar Euro100,000 fis-sena. Il-ftehim jista' jsir għal perjodu ta' tlett snin.