Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Kirkop – Sqaq/Triq l-Imdina – one way

Question

Fid-dawl li waslu diversi ilmenti minn persuni li jmorru jimxu bit-tfal tagħhom fi Sqaq/Triq l-Imdina, Kirkop li hi trejqa dejqa ħafna li ma jagħtix lok li jgħaddu żewġt karozzi minħabba d-djuq tiegħu u tgħaddi minn qalb l-għelieqi li minn Ħal Kirkop tagħti għall-by pass ta’ Valletta Road, Żurrieq u billi dan l-isqaq/triq jużawh bosta karozzi ħafna drabi bi speed esaġerat, , jaqbilx il-Ministru li wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, Sqaq l-Imdina ssir one way qabel ma jiġri inċident serju li jistgħu jweġġgħu n-nies u saħansitra tfal? Billi dan l-isqaq hu mfittex ħafna minn familji li jmorru jimxu qalb l-għelieqi bi tfal u trabi, jista’ l-Ministru jew Transport Malta u l-Kunsill Lokali jikkolaboraw bejniethom u ġentilment jikkunsidraw bis-serjetà li dan is-suġġeriment jiġifieri li din it-trejqa/sqaq isir one way, jiġi milqugħ liema suġġeriment ġie mgħoddi lili minn diversi familji li jmorru jimxu f’dan l-isqaq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità m’għandha ebda talba f’dan ir-rigward mill-kunsill lokali rispettiv u lanqas mir-residenti. Transport Malta ser tkun qiegħda tirreferi għand il-kunsill.

Transport Malta – Sospensjoni ta’ ħlasijiet

Question

Fid-dawl li l-Awtorità tat-Turiżmu ġustament issospendiet il-ħlas tal-liċenzji tal-lukandi peress li ma jistgħux u mhumiex jaħdmu, jista’ l-Ministru jara li Transport Malta tilqa’ l-karba ta’ sidien ta’ dgħajjes li jagħmlu tours ta’ turisti li sa dil-ġimgħa stess irċievew talba għall-ħlas għall-berthing fees meta dawn ilhom ma jaħdmu sentejn u baqgħu jintalbu jħallsu kemm il-berthing fees, kif ukoll liċenzji u ħlas ta’ rotot tal-istess dgħajjes tat-turisti, coaches, double deckers u trackless trains minn Transport Malta u dan minkejja li għalkemm ilhom ma jaħdmu sentejn, qed jintalbu ħlas li hu government incurred, meta dawn diġà għandhom ħafna spejjeż u dħul ta’ xejn? Jista’ ġentilment jikkunsidra bis-serjetà din it-talba ta’ sospensjoni ta’ dawn il-ħlasijiet, fid-dawl tad-deċiżjoni li ħadet l-Awtorità tat-Turiżmu minħabba li dawn il-ħlasiiet mitluba minn Transport Malta jistgħu jkunu kaġun li dawn is-sidien ifallu u magħhom ibatu mijiet ta’ familji li l-għajxien tagħhom u tal-familji tagħhom jiddependu minn dawn il-kumpaniji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta tiġbor il-ħlasijiet li huma dovuti lejha mingħand kull operatur, filwaqt li tibqa’ disposta li jkollha ftehim neċċessarju dwar il-pagamenti dovuti. Għandu jingħad ukoll li l-operaturi bbenefikaw minn għajnuniet oħrajn mogħtija mill-Gvern waqt il-pandemija.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – ħaddiema minn Ħad-Dingli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni minn Ħad-Dingli li jaħdmu fid-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nies li jaħdmu fil-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet, Entitajiet u Aġenziji jiġu minn madwar il-pajji¿ kollu, u jaħdmu għal ġid tal-pajjiż kollu. Xhieda ta’ dan huma l-proġetti w inizjattivi li qed jagħmel dan il-Ministeru u l-Gvern kollu kemm hu. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll, li ninsab infurmat li l-ammont totali tal-persuni minn Ħad-Dingli li jaħdmu fid-dekasteru tiegħi huwa ta’ 62 minn total ta’ 2004 ħaddiem!

Residenti Għawdxin – vetturi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi reġistrati lil sidien li huma residenti t’Għawdex? Jista’ jaqsam dan l-ammont f’karozzi, vetturi kummerċjali u muturi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport bl-ammont ta’ vetturi ta’ sidien li huma residenti t’Għawdex.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — impjieg, tender jew direct order lill-persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx xi impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 s’issa? Jekk iva, x’inhu l-irwol tagħha u kemm tħallset għal dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qatt ma ngħatat xi impjieg, tender jew direct order mill-2013 s’issa.

Il-Mellieħa – pjan għal tnaqqis ta’ konġestjoni tat-traffiku

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20699, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan jew studji li saru jew qed isiru sabiex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku mix-Xemxija? Jista’ jindika kif dan il-pjan se jaffettwa l-bypass tal-Mellieħa u l-bypass ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20699 tas-Seduta 453.

Il-Mellieħa – Bajja tal-Għadira – proposta tal-estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20696 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji, inkluż studji li saru (jekk saru) b'rabta mal-proposta tal-estensjoni tal-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-istudji b’rabta ma’ dan il-proġett għadhom għaddejjin. La darba jkunu konklużi, se jkunu qed jiġu ppubblikati.

Miżuri għall-inkonvenjent tal-irwejjaħ tat-tankijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu sabiex l-inkonvenjent tal-irwejjaħ li r-residenti tal-Kalkara damu s-snin jilmentaw minnhom minħabba l-attività relatata mal-użu tat-tankijiet ġewwa Ricasoli, ma jiġix trasferit lill-Marsa b’detriment għar-residenti tal-Marsa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20842 tas-Seduta 456.

Raħal Ġdid – Triq l-Arkata, L-Ibjar u Triq Ninu Cremona – miżuri biex jitnaqqas l-inkonvenjent

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20370, jista’ l-Ministru jikkonsidra li billi xorta hemm inkonvenjent kbir għall-ġirien, ikun hemm pjan u ordni aqwa biex dan jonqos drastikament?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 20370 ta’ Seduta 451.

Paola Hub – Soluzzjoni għar-residenti dwar parkeġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20211, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ġew preparati sabiex waqt it-tkomplija tax-xogħol u wara li jkun lest il-Paola Hub, il-ġirien ikollhom faċilitajiet biex jipparjkaw u mingħajr spejjeż?

Response (BORG, IAN)

Kif diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20211 tal-istess Onorevoli membru, temporanjament f’din iż-żona qed isiru xogħolijiet fuq il-Paola Medical Hub, li huwa proġett tal-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tas-servizzi taħt l-art minn Infrastructure Malta bħala parti mit-tħejjijiet għall-istess proġett. Minħabba li saru trinek fondi madwar żewġ sulari kien hemm bżonn li jittieħdu spazji ta’ xi parkeġġi biex ix-xogħol ikun jista’ jsir b’mod sigur mingħajr ma t-triq tingħalaq kompletament. Malli jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-aġenzija se terġa’ tibni l-bankini u tiksi l-wiċċ tat-triq b’diversi saffi t’asfalt biex l-ispazju fit-triq jerġa’ lura għal li kien. Infurmat ukoll li fil-viċinanzi ta’ din iż-żona jinsab parkeġġ li huwa amministrat mill- Kunsill Lokali. Il-mistoqsija għandha tiġi referruta lil Ministeru Kkonċernat.

Mosta – Triq Durumblat – time frame

Question

Jista’ l-Ministru jagħti time frame dwar meta ser tinfetaħ Triq Durumblat fil-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità tal-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira u Triq Patri Ġuże Delia. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta u Triq il-Kostituzzjoni waqt li diġà hemm ippjanti diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità biex isiru fiż-żmien li ġej. Triq Durumblat hija arterja ta' 1.8 kilometri bejn Ħ’Attard, Ta’ Qali u l-Mosta, u minħabba l-kobor tagħha x-xogħlijiet qegħdin isiru f’fażijiet. Minbarra tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt, f’din it-triq qegħdin isiru diversi xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni kif ukoll dwal tat-triq ġodda. Barra minn hekk, Infrastructure Malta qed tintroduċi roundabouts u punti ta’ qsim (pelican crossings) għal aktar sigurezza f’din it-triq, kif ukoll qed tibni bankini maż-żewġ naħat biex tiffaċilita l-konnessjonijiet bil-mixi bejn il-lokalitajiet li semmejt u biex ittejjeb ukoll l-aċċess għall-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet sportivi ta’ Ta’ Qali. Wara li tlestiet l-ewwel parti nkluż l-asfalt, għaddej ix-xogħol fil-bqija tat-triq li issa reġgħet infetħet fid-direzzjoni mill-Mosta lejn Ħ’Attard sakemm jitlestew it-trinek li hemm bżonn isiru għas-servizz tal-elettriku. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Infrastructure Malta – permessi għal bini fi Triq ta’ Ħad-Dingli

Question

Jista' l-Ministru jagħmel elenku tal-permessi validi li kienu f'idejn Infrastructure Malta sad-data tat-23 ta' Marzu għall-bini fit-triq ta' Ħad Dingli, u jipprovdi kopja tad-dokumenti kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-permessi u d-dokumenti kollha mitluba mill-Onorevoli interpellant, se nelenka x’inhuma l-fatti kif jikkonfermaw dawn l-istess dokumenti dwar ix-xogħlijiet li bdiet Infrastructure Malta għat-triq ġdida sekdata li qed tibni bejn Triq San Ġwann Bosco, Triq id-Daħla tas-Sienja u Sqaq il-MUSEUM, f’Ħad-Dingli. L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li x-xogħlijiet minn Infrastructure Malta mhumiex illegali. F’deċiżjoni meħuda mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, din l-Awtorità ddikjarat: “it-triq [ġdida] hija waħda skedata fil-Pjan Lokali, u li skont il-liġi sussidjarja 552.08, m’hemmx obbligu li l-Awtorità tiġi notifikata bix-xogħol relatat mat-triq.” Din it-triq kienet approvata bħala parti mill-Pjan Lokali fl-2006, wara konsultazzjoni pubblika. L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet permess fid-9 t’Ottubru 2020 biex jinqalgħu 3 siġriet ħalli tinbena t-triq ġdida. L-ebda siġra ma tneħħiet jew inżabret illegalment, qabel jew wara li nħareġ dan il-permess. Dan kien ikkonfermat ukoll mit-Tribunal. Transport Malta ħarġet Road Works Permit għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fis-17 ta’ Marzu 2021. Mhuma jsiru l-ebda xogħlijiet illegali fit-triq. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli approva unanimament il-bini ta’ din it-triq ġdida, fejn iddikjara li r-residenti ta’ Sqaq il-MUSEUM kienu talbu lill-Kunsill Lokali biex itejjeb l-“aċċess inaċċettabbli” eżistenti billi jifforma t-triq ġdida skedata. Is-Sovrintedenza tal-Patrimonju Kulturali kkonfermat ukoll l-approvazzjoni tagħha għax-xogħlijiet billi ddikjarat li “Dawn ix-xogħlijiet, li ġew approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, qegħdin kontinwament jiġu segwiti minn arkeologu taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza... Il-formazzjoni tat-triq proposta bejn Triq Daħlet is-Sienja u Triq San Ġwann Bosco ma titqiesx li toħloq theddida għall-integrità fiżika tal-fdalijiet medjevali tal-Kappella ta’ Santa Duminka.” Infrastructure Malta laħqet ftehim dwar l-esproprjazzjoni ma’ maġġoranza ta sidien tal-art fejn qegħdin isiru x-xogħlijiet. Dawn ser jiġu kkumpensati kif xieraq, skont il-proċeduri applikabbli tal-Awtorità tal-Artijiet. L-espropji kollha meħtiega nfurmat li ġew approvati minn Lands Authority u tħallas kollu lil istess Awtorita’ minn Infrastructure Malta.

Imġarr Għawdex – pontoons fil-Port

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20108 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta u kemm ser ikun hemm pontoons fil-Port tal-Imġarr f'Għawdex li mhux ser ikunu operati mill-kuntrattur privat? Jista' jgħid kemm minn dawn ser ikunu għas-sajjieda, kemm għall-sajjieda full-time u kemm għal dawk part-time? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li jiġu allokati dawn il-pontoons?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li ser ikun hemm total ta 3 puntuni ġodda ta’ daqsijiet differenti bejn 27 u 55 metru. Kif ukoll estensjoni ta’ 30 metru fuq wieħed mill-puntuni ezistenti. Bil-puntuni ġodda inkluzi, ser ikun hemm total ta’ 7 puntuni ta’ daqsijiet differenti u li m’humiex ser ikunu operati minn xi kuntrattur privat. Dawn il-puntuni għandhom ikun fil-post sa l-aħħar ta’ Mejju 2021. Fl-allokazzjoni tal-irmiġġi ġodda li se jinħolqu b’dawn il-puntuni se tingħata prijorita’ lid-dgħajjes tas-sajjieda kemm full-time kif ukoll part-time. Barra minn hekk, wara interventi strutturali fuq il-mollijiet e¿istenti, nħoloq aktar spazju biex jiġu allokati aktar dgħajjes.

Tender

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'CfT title: IM049/2019 Prequalification questionnaire (PQQ) for the award of a concession contract for the design, build, finance, operate, maintain and transfer of a Malta-Gozo (partly sub-sea)' li għalqet fl-4 ta' Ġunju 2020 u jgħid fiex wasal il-proċess ta' din l-imsemmija offerta biex tiġi awarded?

Response (BORG, IAN)

Il-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar, li jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza. Din il-konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer se telimina l-isfidi ekonomiċi u soċjali li l-familji u n-negozji Għawdxin ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom diversi snin minħabba l-limitazzjonijiet li jeżistu fis-servizzi eżistenti bil-baħar u bl-ajru. L-ippjanar tal-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex beda diversi snin ilu meta Transport Malta kienet varat diversi studji tekniċi, soċjali u ekonomiċi dwar il-vijabilità tal-proġett. Infrastructure Malta ġiet fdata b’dan il-proġett malli twaqqfet fl-2018. Ftit wara, f’Diċembru tal-istess sena, l-aġenzija ppubblikat pre-information notice fejn ħabbret li kienet se tniedi proċess kompetittiv biex tagħżel il-konċessjonarji li hemm bżonn biex tinbena din l-infrastruttura ġdida. Fl-2019, Infrastructure Malta intensifikat il-ħidma fuq l-istudji preliminari li kienu meħtieġa biex tvara dan il-proċess. F’Jannar tal-2020, l-aġenzija nediet l-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess li għandu jwassal biex jintgħażel il-kunċessjonarju li ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-Mina bejn Malta u Għawdex għal numru predefinit ta’snin. Fl-ewwel stadju ta’ dan il-proċess kompetittiv, dak tal-pre-qualification questionnaire (PQQ), l-aġenxija stiednet lill-offerenti prospettivi biex jipprovdu informazzjoni u dokumentazzjoni li juru li diġà għandhom esperjenza fil-bini ta’ mini simili, li għandhom rekord tajjeb fl-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll li għandhom il-kapaċità teknika u finanzjarja biex iwettqu dan il-proġett b’suċċess. Iż-żmien biex isiru is-sottomissjonijiet tal-PQQ skada l-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 2020. Infrastructure Malta rċeviet erba’ sottomissjonijiet minn kumpaniji internazzjonali u konsorzji li huma interessati li jibnu u joperaw il-mina. Bord tal-Evalwazzjoni qed jevalwa l-pre-qualification questionnaires skont il-kriterji li kienu stabbiliti fid-dokumentazzjoni tal-PQQ ippubblikati f’Jannar. L-offerenti li jgħaddu b’suċċess mill-istadju tal-PQQ jikkwalifikaw għat-tieni stadju, li jinkludi l-Invitation to Participate in Dialogue (ITPD). F’dan l-istadju, il-parteċipanti jridu jissottomettu pjanijiet tekniċi dettaljati tal-istruttura proposta minnhom għall-mina, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħha kemm-il darba jingħataw il-konċessjoni. Il-parteċipanti jiġu mistiedna għal taħditiet biex jispjegaw il-proposta lit-tim tal-evalwazzjoni li se jkun qed janalizza kull proposta. Dan it-tieni stadju jibda malli jitlesta l-proċess tal-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet tal-PQQ. Wara l-istadju tal-ITPD, il-proċess tal-għażla jiġi konkluż bl-istadju tal-Best and Final Offer (BAFO). Offerenti li jkunu ħadu sehem fl-istadju tal-ITPD jintalbu jagħmlu l-proposta finali tagħhom għall-proġett. Din trid tinkludi offerta dettaljata kemm mil-lat tekniku kif ukoll finanzjarju li tkun ibba¿ata fuq il-proposta li jkunu għamlu fl-istadju preċedenti. It-tim tal-għażla mbagħad jiddeċiedi u jirrakkomanda liema tkun l-aħjar offerta skon il-kriterji stabbiliti. Fl-istess ħin li qed isir il-proċess tal-għażla, tim t’esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar qed jagħmlu wkoll studju estensiv dwar l-impatt abjentali (EIA) tal-proġett propost, kif ukoll studji oħrajn tekniċi. Il-Bord tal-Evalwazzjoni jaħdem b’mod kunfidenzjali u indipendenti. Għalhekk, Infrastructure Malta mhix f’pożizzjoni li tgħid meta dan il-proċess se jkun konkluż. Il-Gvern jemmen li ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq dan il-Bord, sabiex ikompli jaħdem b’serenità u indipendenza biex niksbu l-aħjar riżultat possibbli għal dan il-proġett nazzjonali.

Speed Cameras — kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu kontravenzjonijiet riżultat ta’ Speed Cameras, sena b'sena, mill-2010 sakemm tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari u x'ammont ta' flus tħallsu f'multi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.

Speed Camera — kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema Speed Camera rriżulta li minnha ħarġu l-aktar kontravenzjonijiet u x'ammont ta' flus tħallsu f'multi sena b'sena mill-2010 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.

Toroq — inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew inċidenti fit-toroq ta’ hawn taħt, sena b'sena, mill-2013 sal-2020 u kemm minn dawn l-inċidenti kienu 'slight / serious injuries,grievousinjuries' u 'fatal': (a) Triq tal-Balal (bejn San Ġwann u n-Naxxar); (b) Triq Ħal Luqa f'Santa Luċija; (c) Triq Garibaldi limiti tal-Marsa; (d) Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Luqa; (e) Triq il-Kosta (bejn San Ġiljan u San Pawl il-Baħar); (f) Triq Buqqana (bejn ir-Rabat u l-Mosta); (g) Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi, Luqa; (h) Triq iċ-Ċawsli, Żejtun; (i) Vjal il-25 ta' Novembru, iż-Żejtun; (j) Triq Pantar, Mosta; u (k) Marsa - Ħamrun By Pass? Jista’ jgħid jekk wasalx iż-żmien li bl-użu tat-teknoloġija, inċidenti jiġu geo-referenced biex jiġu identifikati 'accident black-spots' f'dawn it-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Ninsab infurmat li rigward it-tieni mistoqsija diġa saru u għadhom għaddejjin diversi taħdidiet bejn l-Awtorita’ ta’ Transport f’ Malta u l-Pulizija dwar dan is-suġġett.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-entitajiet u awtoritajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-mistoqsijiet parlamentari 12908 u 18171.