Legislature:
Category:
Reset
Active:

Type 2 Diabetes – Insulina u Continuous Glucose Monitor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, s’issa, kemm hawn persuni f’Malta u Għawdex, li għandhom id-dijabete tip 2? Jista’ jgħid kemm minnhom huma fuq l-insulina u kemm minn dawn qed jagħmlu użu mill-Continuous Glucose Monitor?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’Malta u Għawdex hawn madwar 44,606 persuna li għandhom id-dijabete tip 2. L-informazzjoni dwar kemm minnhom huma fuq l-insulina għada qed tinġabar. Il-pjan sa issa hu li l-Continuous Glucose Monitor jingħata lil kull min hu Type 1, nisa li huma insulin-dependent gestational diabetes u dawk li jinħtieġu l-insulina post-pancreatectomies.

Persuni bid-dijabete – Insulin Pump

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni bid-dijabete f’Malta u Għawdex li qed jagħmlu użu minn insulin pump?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-pompa tal-insulina mihiex fuq il-Lista tal-Formularju tal-Gvern, u għaldaqstant m’għandniex statistika ta kemm hawn persuni li jagħmlu użu minnha.

Sena 2024 – Baġit għas-servizzi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-baġit għas-servizzi tas-saħħa mentali 2024, kif kien imqassam u kemm minnu ntefaq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ewwel parti tal-Mistoqsija tinsab fl-Estemi tal-2024 li diġà tpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta’ Settembru, in-nefqa kienet tammonta għal €56,214,876.

Sena 2024 – Baġit għas-servizzi tal-kura primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-baġit għas-servizzi fil-kura primarja 2024, kif kien imqassam u kemm minnu ntefaq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ewwel parti tal-Mistoqsija tinsab fl-Estemi tal-2024 li diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat illi sat-23 ta’ Ottubru, in-nefqa kienet tammonta għal €52,260,155.

Ir-Rabat, Malta — Ċentru tas-Saħħa - Tisbiħ u rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tisbiħ u r-rinovar taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta, hux se jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru 2024 u jgħid jekk hux se jkun hemm il-faċilità ta’ X ray?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tisbiħ u r-rinovar taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta għaddej b’ritmu tajjeb, u kif diġa weġibt għall-mistoqsija parlamentari 21340, għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Ġunju 2025. Mhux ippjanat li jkun hemm il-faċilità ta’ X-ray minħabba d-daqs limitat taċ-Ċentru. Madankollu, wieħed irid jgħid li fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta hemm il-faċilità tal-X-Ray.

Djar tal-Anzjani — Kuntratti ta’ xiri ta’ sodod

Question

Wara li l-Information and Data Protection Appeals Tribunal ordnat lill-Ministeru u l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sabiex jagħmlu aċċessibbli l-kuntratti kollha li l-Ministeru għandu mad-djar tal-anzjani fuq xiri ta’ sodod, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-kuntratti kollha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Rapporti ta’ fastidju sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-Ministeru jew fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jipprovdi wkoll l-eżitu u x'passi ttieħdu fuq kull każ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

POYC — Mediċina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuni li jġibu l-mediċina mill-POYC - dawk magħrufa bħala stock control - iridux iħallsu €4 kull darba għar-riċetta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li Stock control mhux isem ta’ kategorija ta’ mediċini. Il-POYC fl-ebda ħin ma jsaqsi għall-ħlas għal riċetti.

CDAU – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhija l-lista ta’ stennija għall-ewwel assessment fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU)? Jista’ jgħid ukoll meta hi l-iktar data ’l bogħod tal-ewwel assessment?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kif diġa weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13445, mill-aspett ta’ assessjar mill-pedjatra ma hemm l-ebda lista ta’ stennija. Infurmat ukoll li pazjenti riferuta ġodda jiġu assessjati fi ftit ġranet wara li jiġu riferuti.

CYPS – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-lista ta’ stennija għall-ewwel assessment fiċ-Child and Young People's Services (CYPS)? Jista’ jgħid ukoll meta hi l-iktar data ’l bogħod tal-ewwel assessment?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm stennija ta’ bejn 4 u 6 ġimgħat sabiex jingħatha l-appuntament tal-‘initial intake’ għal dawk il-każijiet riferuti ġodda. Ċertu każijiet urġenti jingħataw appuntament fi ftit jiem.

Sptar Mater Dei — Servizzi ta’ dentistrija għat-tfal - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-lista ta’ stennija għall-ewwel assessment għas-servizz tad-dentistrija tat-tfal fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll meta hi l-iktar data ’l bogħod tal-ewwel assessment?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Mater Dei hemm lista waħda ta’ stennija għas-servizz tad-dentistrija li tinkludi kemm tfal kif ukoll adulti.

Gender Clinic — Psikjatri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati psikjatri fi ħdan il-Gender Clinic u jekk iva, kemm ġew ingaġġati u meta? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn le?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ reklutaġġ għal psikjatra għal Gender Wellbeing Clinic għadu għaddej peress illi mis-sejħa publika li nħarġet aktar kmieni din is-sena l-ebda applikant ma kien eliġġibli. Għaldaqstant qiegħed jiġi abbozzat kuntratt għal reklutaġġ ta’ psikjatra li jkun jista’ jipprovdi sigħat ta’ servizz ma' din il-klinika.

Gender Clinic — Persuni taħt l-età ta’ 18-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena li avviċinaw il-Gender Clinic din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X’etajiet kellhom dawn il-persuni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sad-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, din is-sena kien hemm 12 il-persuna li avviċinaw il-Gender Clinic. 3 kellhom bejn 11–15-il sena u 9 kellhom bejn 16–17-il sena.

Raħal Ġdid — Żona ta’ Sant’Ubaldesca - Rapporti ta’ rwejjaħ jintnu

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’rapporti daħlu u x’passi ttieħdu fir-rigward tal-irwejjaħ jintnu li konsistentement inxtammu matul is-sajf fiż-żona ta’ Sant’Ubaldesca u fit-toroq ta’ wara sa Triq Brittanja, f’Raħal Ġdid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lmenti f’dan ir-rigward iżda peress li saru diversi mistoqsijiet parlamentari dwar it-toroq imsemmija u anke f’toroq oħra fil-viċinanzi dwar irwejjaħ jintnu, diversi uffiċċjali għas-saħħa ambjentali wettqu spezzjonijiet fi ġranet u ħinijiet differenti. L-aħħar żewġ spezzonijiet saru fl-20 ta’ Settembru u fit-23 ta’ Settembru iżda dan l-ilment qatt ma ġie kkonfermat peress li ma nxtammet l-ebda riħa u għalhekk ma jistgħu jittieħdu l-ebda passi. Ikun opportun jekk il-persuna/i li għandhom dan l-ilment jagħmlu kuntatt mad-Direttorat sabiex possibilment b’mod kunfidenzjali tingħata aktar informazzjoni speċifika dwar dan l-ilment.

Sptar Mater Dei – lista ta’ stennija għal post f’residenza tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Mater Dei jistennew post f’residenza tal-anzjani sal-aħħar ta’ Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21379.