Legislature:
Category:
Reset
Active:

Laqgħat fil-Libja minn individwu

Question

B’referenza għal rapporti ġurnalistiki fl-istampa Libjana u Maltija speċifikament fil-pubblikazzjoni Libyan Observer li jirreferu għal żjara tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Tripli fejn introduċa lilu nnifsu bħala Projects Director fil-Ministeru għas-Saħħa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk dan l-individwu huwiex impjegat mal-Ministeru tas-Saħħa bħala Projects Director? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu attendiex laqgħat fi Tripli mal-amministrazzjoni bbażata fil-Punent tal-Libja bħala Projects Co-Ordinator u jekk kenux diskussi temi ta’ interess komuni bejn Malta u l-Libja waqt dawn il-laqgħat fis-settur tas-saħħa, hekk kif sostna dan l-istess individwu f’dawn l-istess rapporti li dehru fil-Libyan Observer?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-individwu msemmi minnu m’huwiex parti mis-segretarjat tal-Ministru għas-Saħħa u ma kienx qed jirrappreżenta l-Ministeru għas-Saħħa fi Tripoli.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – one stop shop

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u min jieħu ħsiebhom għandhomx is-servizz ta’ one-stop-shop għas-servizzi kollha li jingħataw f’dan il-qasam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm m’għandniex servizz ta’ one stop shop preżentament, dan is servizz qed jingħata minn ġewwa l-kliniċi tas-saħħa mentali li Mental Health Malta għandha fil-komunita’ fejn is-service user jiġi moqdi ħolistikament, eżempju: jimtlew l- applikazzjonijiet kollha għal servizzi li hemm bħonn bħal POYC, Rehab Day Centres, Befriending scheme, servizzi tal-fiżjoterapija u Occupational Therapy u saħansitra tingħata informazzjoni fejn wieħed jista’ jieħu servizz ta’ NGOs li jkun relatat ma Saħħa Mentali.

Klinika ta’ Għawdex — xogħlijiet

Question

Peress li x-xogħol fuq il-Klinika ta’ Għawdex ilu wieqaf aktar minn sena u ċ-ċentru preżenti joffri lok li mhux idoneu, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-ħsieb u meta ser jitlesta x-xogħol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġi ffinalizzat ix-xogħol preparatorju sabiex ikunu jistgħu jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Lista’ ta’ stennija għal kull speċjalità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu ż-żmien li pazjent irid jistenna għal kull speċjalità? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ pazjenti fil-lista ta’ stennija għal kull speċjalità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal liema stennija qed jirreferi.

The Convention for the Protection of Human Rights and Dignity of the Human Being with regards to the Application of Biology and Medicine: Convention on Human Rights and Biomedicine (Oviedo Convention)

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk Malta ffirmatx jew irratifikatx The Convention for the Protection of Human Rights and Dignity of the Human Being with regards to the Application of Biology and Medicine: Convention on Human Rights and Biomedicine (Oviedo Convention)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5435.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa -nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook xahar b'xahar, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema - Xogħol

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2190 u 273 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Mediċina Arpirozale — każ ta' individwu

Question

Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara l-applikazzjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għall-pilloli Ariprozale 10mg, li skont il-Professur ilu li applika xahrejn u għadu bla risposta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.

Każijiet ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7257, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu mill-kundizzjonijiet imsemmija fir-risposta tal-mistoqsija indikata, u li ma jattendux f’ebda Ċentru ta’ Matul il-Jum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7257 kienet tirreferi għal Mental Health Clinics; rigward iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, pre¿entament hemm 39 persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jbatu minn ansjetà, 21 Bipolar Disease, 44 Skizofrenja, 75 b’dipressjoni, 2 eating disorders, 14 OCD, 6 ADD u ADHD u 44 li għandhom kundizzjonijiet oħra u li qegħdin jieħdu kura f’dawn iċ-Ċentri.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' d-Deputat Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Crisis Intervention Team

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jiddentifika l-professjonisti li jaħdmu fil-Crisis Intervention Team? Jista’ l-Ministru jgħid meta dan is-servizz tant importanti se jibda jingħata 24 siegħa kuljum? Meta se jibdew isiru home visits għand il-familji ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali qabel ma jiġi deċiż li l-persuna involuta tittieħed f’Sptar Mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Psikjatrija joffri sapport 24 siegħa kuljum lid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei. Dan is-sapport jikkonsisti minn psikjatri li mbghad jinvolvu persuni minn speċjalizazzjonijiet oħra skont il-bżonnijiet u n-natura tal-każ partikulari. Servizzi addizzjonali qed jiġu kkunsidrati fil- Mental Health Strategy Consultation Document.

Ir-Rabat Għawdex – Poliklinika – konsultazzjoni għar-rilokazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6710 kollha u ċjoè: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ konsultazzjoni saret, ma’ min saret u meta saret dwar ir-rilokazzjoni għall-post ieħor tal-poliklinika tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex issir din ir-rilokazzjoni u jekk iva meta saret u meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Jista' jagħti n-numru ta' din l-applikazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej xogħol fuq id-disinn u l-medical brief taċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid fir-Rabat Għawdex. Kif jitlesta dan il-proċess il-pjanti ikunu jistaw jiġu sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Iż-Żejtun — Ċentru ta’ Matul il-Jum – persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7661, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid minn liema lokalitajiet jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun u kemm hemm persuni li joqogħdu f’Wied il-Għajn li jattendu regolarment?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l persuni li jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun huma mil-lokalita’ taż -Żejtun, Marsaxlokk, il-Marsa, Birżebbugia u Wied il-Għajn. 24 persuna minn dawk li jattendu f’dan l-istess ċentru, joqogħdu Wied il-Għajn.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-ispiża ta’ kuljum għal kull persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed tattendi f’xi Ċentru ta’ Matul il-Jum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-medja tal-ispiża ta’ kuljum għal kull intervent mogħti lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li attendiet f’wieħed mill-ħames ċentri ta’ matul il-jum għas-sena 2017 kienet ta’ €107.74.

Sptar San Luqa – Car Park

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’idejn min hu l-car park li hemm biswit l-Isptar San Luqa fi G’Mangia u li għal ħafna żmien kien amministrat mill-Kunsill Lokali tal-Pietà? Jista’ jassigura lir-residenti tal-lokalità li kienu jagħmlu użu minn dan il-car park jekk hux se jibqa’ jkollhom aċċess bħalma kellhom s’issa, biex ipoġġu l-karrozzi tagħhom minħabba l-problema kbira tal-parkeġġ fl-inħawi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-responsabbilita’ tal-car park imsemmi minnu hija ta’ Steward Health Care.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Orthopaedic Unit

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5781, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sala mibnija ftit tas-snin ilu u li kellha tintuża bħala Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bdietx tintuża għal dan l-iskop kollha kemm hi? Ġew ingaġġati infermiera Għawdxin sabiex ikunu jistgħu jaħdmu f'dan il-unit? Sar il-programm ta' taħriġ għall-infermiera dwar din il-kura speċjalizzata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sala ta l-Ortopedija ser tibda tintuża għal pazjenti tal-Orthopaedic Outpatients għal-aħħar ta’ din is-sena u tiftaħ kollha kemm hi bħala Sala tal-Ortopedija fil-bidu tas-sena d-dieħla. Numru ta’ infermiera Għawdxin ġew deployed minn Malta biex ikunu jistgħu jaħdmu f’dan il-unit. Ninfurmah ukoll illi sar it-taħriġ għal min ser jamministra dan il-unit u ser jitkompla iktar taħriġ għal infermiera fil-ġranet li ġejjin.

Servizz tal-Qasam tas-Saħħa Mentali — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus (kapitali u rikorrenti) fuq is-servizzi tal-qasam tas-saħħa mentali matul din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena n-nefqa kapitali fuq is-servizzi tal-qasam tas-saħħa mentali kienet €718,776 u dik rikorrenti kienet €33,905,465.

Kummissarju għas-Saħħa Mentali – rwol prinċipali

Question

Jista’ d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuwa l-irwol prinċipali tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali? X’għandha tagħmel persuna jekk ikollha lment dwar xi servizzi mogħtija lilha dwar il-qasam tas-saħħa mentali? Kemm kien hemm ilmenti quddiem il-Kummissarju matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-irwol tal-Kummissarju gžall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Di¿ordni Mentali huwa deskritt fl-artiklu 6 paragrafu (1) tal-Kapitlu 525 tal-Att dwar is-Saħħa Mentali. Persuna li jkollha xi lment dwar xi servizz mogħti lilha fil-qasam tas-saħħa mentali għandha l-ewwel tressaq dan l-ilment ma’ dik l-istituzzjoni li pprovdiet is-servizz oriġinarjament u wara, jekk ma tkunx sodisfatta bir-rimedju u/jew risposta li tingħata, għandha tressaq l-ilment tagħha għand il-Kummissarju. Ilmenti li jirrigwardaw allegat ksur tad-drittijiet tal-pazjent għandhom jiġu mressqa direttament għand il-Kummissarju. In-numru ta’ lmenti formali kien ħmistax (15) fl-2015, dsatax (19) fl-2016 u sittax (16) fl-2017. L-Uffiċċju tal-Kummissarju jirċievi wkoll medja ta’ għaxar talbiet fil-ġimgħa għall-assistenza u/jew informazzjoni, il-maġġor parti tagħhom b’mod telefoniku.