Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parking bay b’MC miktuba

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li meta parking bay ikollha MC miktuba fiha, din tkun parking bay għall-muturi u mhux għall-karozzi? Hemm bżonn li barra line markings, ikun hemm ukoll tabella fuq arblu li tindika li tali parking bay hija għal użu esklussiv tal-muturi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Motorcycle bay mhix inkluza fil-liġi bħala designated bay. Għaldaqstant il-linji li jindikaw MC Bay huma biss indikattivi. Dan filwaqt li fil-kaz li kwalunke parking bay li tkun akkumpanjata minn tabella tkun meqjusa mandatorja.

Ir-Rabat – sit li se jsir lukanda – Traffic u Environmental Impact Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-sit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fir-Rabat se ssir lukanda? Jista' jserraħ moħħ ir-residenti li sar Traffic Impact Assessment u Environment Impact Assessment u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Tħaffir f’sit fir-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-tħaffir fis-sit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jekk hux se jkun hemm impatt fuq it-traffiku minħabba x-xogħol li qed isir fuq is-Central Link?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iżvilupp indikat ta’ lukanda fit-Telgħa tas-Saqqajja jinsab ‘il bogħod mis-sit ta’ Central Link Project u m’huwiex ser jaffettwa l-arranġamenti tat-traffiku meħtieġa għax-xogħlijiet tal-istess proġett.

Il-Mellieħa — Triq Għar u Casa u Triq il-Barkazza - xogħlijiet

Question

B'referenza għal diversi okkazzjonijiet fejn tkellimt fil-Parlament dwar l-inkonvenjent li qed issofru r-residenti ta' Triq Għar u Casa u Triq il-Barkazza fil-Mellieħa, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru fuq dawn iż-żewġ toroq jingħataw priorità u jsiru mill-aktar fis?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17215 tas-Seduta 400.

Wied il-Għajn – Triq San Ġwakkin – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra xogħol qiegħed isir f’Triq San Ġwakkin Wied il-Għajn?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Buttar, Triq ġdida fi Triq il-Buttar, Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola, Triq il-Qaliet u Triq Btieti. Bħalissa qegħdin isiru Triq il-Gardiel, Triq San Ġwakkin, Triq La Sengle u Triq ir-Ridott. Ix-xogħljiet biex Triq San Ġwakkin tinbena mill-ġdid jinkludu tqegħid ta’ servizzi ġodda tad-drenaġġ, titjib fis-sistemi taħt l-art għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma u telekomunikazzjoni, kif ukoll fis-sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Qed jinbnew mill-ġdid ukoll il-bankini u jissaħħew il-pedamenti ta’ din it-triq qabel ma jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Transport Malta – Senior Managers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Senior Managers impjegati ma' Transport Malta? Jista' jagħti lista sħiħa tas-salarji basici (mingħajr allowances u bonuses) li qed jitħallsu d-diversi Senior Managers fi ħdan Transport Malta kif ukoll id-data ta’ meta l-istess Senior Managers ġew appuntati f’din il-kariga?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ ta’ Transport għandha 33 impjegat fil-kariga ta’ Senior Manger, is-salarju bażiku huwa kif inhu indikat fit-tabella ta’ hawn taħt: Basic Pay Bracket No of Senior Managers €35,000 - €35,999 4 €36,000 - €36,999 2 €37,000 - €37,999 1 €38,000 - €38,999 3 €39,000 - €39,999 3 €40,000 - €40,999 7 €41,000 - €41,999 5 €42,000 - €42,999 2 €43,000 - €43,999 2 €44,000 - €44,999 3 €45,000 - €45,999 1 Informazzjoni ulterjuri ma tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ Data Protection.

Transport Malta – sit tal-internet – paġni bil-lingwa Maltija

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex is-sit tal-internet ta' Transport Malta ma fih l-ebda paġna bil-Malti? Ma jidhirlux li wasal iż-żmien li din l-entità ma tkompliex tkasbar il-lingwa nazzjonali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lingwa Ingliża hija meqjusa bħala lingwa uffiċċjali wkoll. Is-sit tal-internet ta’ Transport Malta jiġbor fih lista ta’ servizzi kemm għal użu lokali kif ukoll fuq bażi internazzjonali. Is-sit jinkludi lista ta’ fejn wieħed għandu jikkomunika ma’ Transport Malta f’każ ta’ bżonn: https://www.transport.gov.mt/contact-61 (il-link qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra) F’dan il-każ, Transport Malta toffri kull servizz kemm bil-lingwa Maltija kif ukoll bil-lingwa Ingliża.

Transport Malta – applikazzjonijiet għal-liċenzja tas-sewqan online

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex Transport Malta għadha ma indirizzatx il-problema li għandha bl-applikazzjonijiet għal-liċenzja tas-sewqan li jsiru online? Jista' jispjega għaliex Transport Malta ma kellhiex id-diċenza li tpoġġi informazzjoni fuq is-sit tagħha ħalli tiggwida lill-applikanti x'għandhom jagħmlu fiċ-ċirkostanzi? Meta ser tiġi rimedjata s-sitwazzjoni preżenti li bl-ebda mod tal-immaġinazzjoni ma tista' tissejjaħ bħala sodisfaċenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li jsiru diversi tiġdid ta’ licenzji online u infurmat li kien hemm ftit kazijiet li jkun hemm xi problema fit-parti tal-ħlas tal-pagament. Fejn jiġri hekk L-Awtorita’ għamlet notifika fis-sistema u l-klijent titlalu notifika li tgħid jekk ma rċevejtx email ta’ konferma awtomatizzata u t-tariffa tat-tiġdid naqqset mill-kont tiegħek, ġentilment ibgħat email fuq edls.mail.mt@gov.mt bid-dettalji. Infurmat ukoll li L-Awtorita’ tinsab fil-qrib tat-tnedija ta’ sistema ġdida ta’ tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan online .

Il-Mellieħa — laqgħa ta' konsultazzjoni mal-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika d-data meta ser ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-komunità kollha tal-Mellieħa dwar il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mellieħa — Proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikun jikkonsisti l-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu? Meta mistenni jibda u jispiċċa x-xogħol fuq l-imsemmi proġett?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mellieħa — Proġett tal-Pjazza - parkeġġi għal karozzi, muturi u parkeġġ riservat għall-persuni b'abiltajiet differenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser ikun hemm spazju għall-parkeġġ tal-karozzi, muturi u parkeġġ riservat għall-persuni b’abiltajiet differenti (numru preċiz) ġaladarba jkun lest il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Pont pedonali mill-Marsa għal Raħal Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-pont pedonali li mill-Marsa jieħdok għal Raħal Ġdid ser ikun lest minn kollox u għalhekk ikun jista’ jintuża miċ-ċiklisti? Jista’ jgħid ukoll meta dan il-pont ser ikollu dawl adegwat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ir-Rabat Għawdex — Triq l-Imġarr li twassal minn Għajnsielem sar-Rabat - Traffic calming measures

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex fi Triq l-Imġarr li twassal minn Għajnsielem sar-Rabat Għawdex isiru traffic calming measures bħal speed cameras? Jekk iva, x’inhu ppjanat li jsir u meta hu maħsub li jsiru u dan in vista ta’ numru ta’ mwiet li seħħew fl-aħħar snin f’din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 11360 u 12392 tas-Seduti 253 u 288 rispettivament.

Tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan – dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu d-dewmien bħalissa għal min qed iħallas biex iġedded il-liċenzja tas-sewqan personali tiegħu mid-data tal-ħlas, għad-data li fiha jirċievi l-liċenzja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-applikazzjonijiet għal-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan li jiġi riċevuti bil-posta jiġi pproċessati l-għada li jaslu. Il-klijenti ġeneralment jirċevuhom fi żmien għaxart ijiem bil-posta. Tiġdid li jeħtieġ li jiġi vvalutat mit-tim mediku ta’ Transport Malta normalment jieħu massimu ta’ għaxart ijiem biex jiġi pproċessat, dejjem sakemm ma jkunx hemm bżonn aktar verifiki jew rekwiżiti li għandhom jiġu pprovduti. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet għat-tiġdid li jiġi riċevuti u li m'għandux id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, l-klijenti jiġu ikkuntatjati l-għada permezz ta’ telefonata biex jiġu infurmati b’dak li jkun meħtieġ. It-tiġdid imbagħad jiġi pproċessat skont meta l-klijent jibgħat id-dokumentazzjoni meħtieġa. L-applikazzjonijiet għal-tiġdid li ikunu miċħuda minhabba raġunijiet partikolari jiġu mibgħuta lill-klijenti l-għada li jiġu riċevuti.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 16927 u 19404, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija lill-Marigold Foundation minn entitajiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru u li jammontaw għall-€19,775 huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari li għamlet hi stess bin-numri 16927 u 19404.

Ħ’Attard – Triq P.P.Rubens – one way

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq P.P. Rubens f’Ħ’Attard issir one way u ċjoè ma jkun hemm l-ebda dħul fiha min-naħa ta’ Triq l-Imdina għal ġo Triq P. P. Rubens?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Ħ’Attard — Triq San Anton

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Triq San Anton f’Ħ’Attard se terġa’ tinfetaħ?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Fil-każ tat-triq indikata din tagħmel parti minn proġett biex jinbnew mill-ġdid żewġ toroq madwar il-Ġonna ta’ San Anton u li jinfdu f’xuxlin, bit-triq l-oħra hija Triq Lord Strickland li għadha kif tlestiet. Ix-xogħol fi Triq San Anton jinkludi tqegħid ta’ servizzi ġodda għall-ilma u tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll sistema ġdida għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, tiswijiet fis-sistema tad-drenaġġ u bini ta’ bankini ġodda, qabel ma t-triq jissaħħulha l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħlijiet qegħdin isiru f’żewġ fażijiet bl-ewwel waħda dalwaqt tintemm u tibda t-tieni fażi biex li titlesta fix-xhur ta’ wara. Minħabba li din triq dejqa ħafna kien impossibbli li jsir it-tibdil ta’ daqstant sistemi taħt l-art, li qegħdin isiru biex jitjiebu s-servizzi għal ħafna familji fl-inħawi, minghajr ma tingħalaq.

Ħaż-Żebbuġ – Junction bejn Triq l-Imdina u Triq is-Siġġiewi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex l-intenzjoni li ttejjeb il-junction f'Ħaż-Żebbuġ li tgħaqqad Triq l-Imdina u Triq is-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

Nixtiequ nikkonfermaw lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem biex ittejjeb il-junction f'Ħaż-Żebbuġ li tgħaqqad Triq l-Imdina u Triq is-Siġġiewi bħal ħafna proġetti li diġà saru u li qed issiru madwar lokalitajiet Maltin.