Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma ngħatax ħrieqi u ‘inco-sheets’ f’Lulju 2024 meta kien ġie mwiegħed li se jeħodhom b’lura minħabba n-nuqqas ta’ meta kien hemm żmien li kienu out of stock?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi l-individwu li qed jagħmel għalih referenza l-Onor Interpellant saret komunikazzjoni miegħu u li l-provvista tax-xahar ta’ Lulju ngħatat lill-individwu kif instab prodott adattat mill-fornitur tal-prodotti tal-inkontinenza. Ninsab infurmat ukoll li l-klijent qiegħed jingħata l-provvista ta’ kull xahar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21373 u jgħid meta se jsiru cubicles fid-Day Care Unit biex pazjenti li jkunu qed jiġu intervistati qabel proċedura jkunu fil-privatezza u mhux fuq siġġu f’kuritur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'kull każ ta' storja u/jew eżami ta`pażjent, il-professjonisti jieħdu nkunsiderazzjoni li jassiguraw l-aspett ta’ kunfidenzjalità u l-privatezza tal-pazjent. Meta il-każ jitlob ċertu kunfidenzjalità aktar ristretta, l-intervista’ ssir f’post magħluq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-PGT testing fil-proċess tal-IVF bediex isir ġewwa pajjiżna? Jekk iva, kemm-il koppja għamlet użu minn dan it-test? Jekk le, meta hemm ħsieb li jibda jsir dan it-test ġewwa pajjiżna?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-PGTM (Pre-Implantation Genetic Testing for Monogenic Diseases) ilu liċenzjat li jsir f’Malta sa mit-30 ta’ April 2024, ġewwa klinika private. Sa issa tlett koppji ġew riferuti permezz tal-proġett tal-Outsourcing tal-IVF li l-gvern għandu ma’ din il-klinika u l-ġenituri prospettivi għaddejjin bil-proċess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għal PGT testing fil-proċess tal-IVF saret sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u meta saret kull waħda minn dawn it-talbiet? Jista' jgħid ukoll jekk, f'kull każ, din it-talba ġietx aċċettata u jekk iva, kif kienet megħjuna l-koppja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sa issa saru sitt (6) talbiet għall-PGTM (Pre-Implantation Genetic Testing for Monogenic Diseases).
Infurmat li tlieta minn dawn it-talbiet diġa ġew riferuti permezz tal-proġett tal-Outsourcing tal-IVF li l-gvern għandu ma’ klinika privata u l-koppji għaddejjin bil-proċess li ser jkun iffinanzjat kollu mill-gvern.
It-tlett talbiet l-oħra għadhom qed jiġu evalwati mill-ART Clinic ta’ MDH u jekk ikun il-każ jiġu outsourced lill-klinika liċenzjata.
Kuntratt tat-tliet sptarijiet — Side letters ma’ żewġ kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20325 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm saru side letters mal-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fir-rigward tal-kuntratt li kien sar mat-tliet sptarijiet? Jista' jgħid ukoll kemm tħallsu flus mill-Ministeru għall-Finanzi ai termini ta' dawn is-side letters minn meta bdew jitħallsu dawn iż-żewg kumpaniji u kemm kien it-total ta' flus li ngħataw dawn il-kumpaniji jew sussidjarji tagħhom bis-saħħa ta' dawn is-side letters?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat b’kollox saru 9 side letters. Dawn is-side letters kienu tibdil fuq il-kuntratt oriġinali. Għaldaqstant il-ħlasijiet li ħarġu ma kinux biss jirrigwardjaw is-side letters iżda anke l-kuntratt oriġinali u ma tistax taqasamhom f’pagamenti seperati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex prassi li xufiera tal-ambulanzi jinżammu u jkollhom kuntratt ta' impjieg imġedded anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx kriterju li bih jiġi deċiż jekk xufier li jkun laħaq l-età tal-irtirar jitħalliex jirtira jew jinżammx?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li x-xuffiera tal-ambulanzi jistgħu jingħataw estensjoni lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar, skont valutazzjoni li ssir mill-Occupational Health Unit biex tikkonferma l-kapaċità tagħhom li jwettqu d-dmirijiet deskritti fid-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom. Din il-miżura hija implimentata biex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà kemm tal-impjegati kif ukoll tal-pazjenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni fuq il-lista ta' stennija fl-aħħar ta' Settembru 2024 jistennew:
i) biex isirilhom MRI;
ii) knee replacement;
iii) hip replacement;
iv) katarretti;
v) hernias?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirrferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20432.
Għar-rgward tal-lista ta’ persuni li qed jistennew li jagħmlu l-operazzjoni tal-hernia, ninsab infurmat li hawn 366 persuna li ilhom aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm bosta raġunijiet għala dan il-perjodu jinqabeż, imma nassigura lill-Onor. Interpellant li f’każijiet urġenti, l-operazzjoni ssir fl-iqsar żmien possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid meta nħarġu u ser jagħlqu t-tenders tal-prodotti mediċinali li hemm ‘out of stock’ u meta huwa kkalkulat li se jaslu Malta jiġifieri kemm se jdumu ‘out of stock’? Sa meta se jwassal l-istock preżenti tal-mediċini u prodotti oħra li jaqgħu fl-iskema tal-POYC u li mhumiex out of stock, biex jinqdew it-talbiet tal-klijenti u l-pazjenti?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jagħtix garanzija li l-mediċini fil-lista tal-POYC mhux ħa jkunu ‘out of stock’? Jista’ jgħid ukoll jekk il-proċess biex dawn ma jkunux ‘out of stock’ jiġifieri li tasal il-konsenja Malta qabel ma jispiċċaw?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern hu impenjat li jara li l-mediċini ma jkunux out-of-stock. Tant hu hekk li s-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) u l-Medicines Authority qegħdin ikunu proattivi sabiex kemm jista’ jkun dan il-għan jintlaħaq għall-ġid tal-pazjant.
Madankollu, wieħed irid iżomm f’rasu li għadhom jinħassu l-effetti tal-iskarsezza ta’ mediċini l-aktar imħabba problemi ta’ manifattura u ta’ loġistika li jista’ jwassal biex ċerti kunsinji jaslu lokalment.
Infakkar lill-Onor. Interpellant, li anke fil-laqgħa riċenti mal-Ministru għas-Saħħa Ċiprijot, Michael Damianos, wieħed mis-suġġetti trattati kien li naħdmu kif ser ngħelbu l-isfidi komuni li ż-żewġ pajjiżi jesperjenzaw bħala pajjiżi żgħar fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aċċess għall-mediċini. Qbilna li nkomplu naħdmu flimkien ma’ pajjiżi oħra speċjalment dawk żgħar fi ħdan l-UE, sabiex infittxu soluzzjonijiet għal xiri ta’ mediċini innovattivi u mediċini li huma meħtieġa f’ammonti żgħar biex b’hekk permezz ta’ din il-kollaborazzjoni jibbenefikaw il-pazjenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamnetari 21334 u jgħid jekk il-ward ‘temporanju’ MIU 1, hux ser jibqa’ jopera b’mod permanenti u jekk iva, x’inhu l-pjan biex ikun hemm aktar dinjità għall-pazjenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MIU 1 hi "Major Incident Unit" u li bħalissa qed jinbidel l-iskop tal-użu tagħha għal "short stay unit" biex fiha tilqa’ pazjenti li għandhom bżonn kura qasira.
Sptar San Luqa — Proġett ta’ Dipartiment ta’ Outpatients
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsja parlamentari 21333, jista' l-Ministru jgħid meta ser jitħabru d-dettalji tal-proġett ta’ dipartiment ġdid ta’ Outpatients fejn qabel kien hemm l-Isptar San Luqa, u meta hu ppjanat li jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji jitħabru fil-ħin propizju.
Sptar Mater Dei – ward ġdida għall-kura tas-saħħa mentali
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsja parlamentari 21332, jista' l-Ministru jgħid meta ser jitħabru d-dettalji tal-ward ġdida għall-kura tas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei, meta ser tinfetaħ u f’liema parti tal-isptar ser tkun?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji jitħabru fil-ħin propizju.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21978 dwar berġa f'San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu sabiex terġa’ tibda topera berġa fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun hemm aktar żviluppi dawn jitħabru.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-ispiża li saret dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Qawra u fiex tikkonsisti din l-ispiża? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx spejjeż oħra li mistennija jitħallsu għal dan il-proġett?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13153.
Ninsab infurmat li l-unika spiża li saret hi lill-Awtorità tal-Artijiet. Din kienet tammonta għal €2,620 bħala kera għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2022 sat-28 ta’ Frar 2023.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li t-tilqima Prolia (Denosumab) tibda tingħata b'xejn lill-anzjani li jeħtiġuha kull sitt xhur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa qed fil-fażi finali għal dak li hu trattament ta’ dawk li għandhom osteoporożi u qegħdin fil-first u second-line treatment.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hi l-intenzjoni tad-Dipartment li fil-futur jesplora l-procurement ta’ dawk li huma għal third line treatment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jikkunsidrax it-talba ta' bosta anzjani li minħabba ħtiġijiet partikolari jeħtieġu użu ta’ labra tal-insulina tal-4mm, minflok dik ta' 6mm biex tintuża tajjeb mingħajr ma jinħoloq inkonvenjent bla bżonn?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa qed jesplora li jinxtraw sizes differenti tal-labar għall-insulina.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni taħt it-18 il-sena li avviċinaw il-GU Clinic din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’etajiet kellhom dawn il-persuni?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li din is-sena, 54 persuna taħt it-18-il sena avviċinaw il-GU Clinic. F’din iċ-ċifra, jista’ jkun li hemm min mar aktar minn darba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f’Malta u Għawdex, li għandhom id-dijabete tip 1? Jista’ jgħid kemm minnhom qed jagħmlu użu mill-Continuous Glucose Monitor (CGM)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li madwar 1800 persuna għandhom id-dijabete tip 1 f’Malta u Għawdex. 906 minnhom qed jagħmlu użu mill-Continuous Glucose Monitor li qiegħed jingħata b’xejn mill-Gvern.