Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sezzjoni kontra l-moħqrija tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bħala dipartiment teżistix xi sezzjoni li tara li ma ssirx moħqrija fuq l-annimali? X'inhu x-xogħol prinċipali ta' din is-sezzjoni u liema attività ta' moħqrija taqa' taħt il-ħarsien tagħha biex ma ssirx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-dipartiment tal-Animal Welfare, li ilu mwaqqaf aktar minn sentejn, huwa responsabbli biex iħares l-annimali minn kull xorta ta’ moħqrija skond kap.439 tal-liġijiet ta’Malta, Att dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

Persuni li tressqu akkużati b'moħqrija fuq l-annimali

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm fl-2009 tressqu persuni akkużati b'moħqrija fuq l-annimali? X'kienu l-annimali li sofrew moħqrija u x'tip ta' moħqrija sofrew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi fl-2009 kienu akkużati 15 il-persuna fuq moħqrija ta klieb, qtates żwiemel, nagħag, mogħoz u fniek. Il- moħqrija li-sofrew kienet kif ġej; · Klieb kienu miżmuma ġo gaġeġ żgħar u oħrajn bla ebda għata biex ikunu jistgħu jistkennu jew ma ngħatawx il-kura meħtieġa. · Klieb u żwiemel li ma kellhomx ilma u ikel . · Qtil illegali ta’ nagħag u mogħoz mhux kif approvat mill-awtoritajiet kompetenti. · Annimali li ġew trasportati minn Malta għal Għawdex b’mod mhux adegwat. · Annimali li kienu marbutin b’tali mod li ma setgħux jiċċaqalqu għal tul ta’ żmien.

Spezzjonijiet għall-għarrieda f'postijiet għall-protezzjoni kontra l-moħqrija tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għamlet spezzjonijiet għall-għarrieda f'postijiet differenti s-sezzjoni ta' protezzjoni kontra l-moħqrija tal-annimali fl-2009 u x'kienu r-riżultati miksuba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi fl-2009 saru 791-il-spezzjoni li rriżultaw fi ħrug ta’ twissija għal ħarsien xieraq ta’ l-annimali. F’ kazi fejn dawn it-twissijiet ma ġewx osservati s-sidien tal-annimali tressqu l-qorti

Salini — proġett ta’ riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ppjanat li jqum il-proġett ta’ riabilitazzjoni tas-Salini ħdejn Kennedy Grove?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-proġett hu stmat li jiswa €7 miljun u hemm applikazzjoni għal-finanzjament ta 85% tal-proġett minn fondi tal-Unjoni Ewropeja li għadha qed tiġi evalwata.

Salini — kuntratt biex jitħaddmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-pjan ta’ riabilitazzjoni tas-Salini ħdejn Kennedy Grove x’arranġamenti saru ma’ min għandu l-kuntratt biex iħaddem is-salini?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Salini — użu u tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, wara li s-Salini ta’ ħdejn Kennedy Grove jiġu riabilitati, xi pjan hemm għall-użu u t-tmexxija tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bdiewa u raħħala — Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sitt snin kemm kienu l-bdiewa u r-raħħala li ħadu għajnuna finanzjarja minn xi programm tal-Unjoni Ewropea? X’kienet l-ikbar somma u x’kienet l-iżgħar somma li ħa bidwi jew raħħal f’din l-għajnuna? Għal liema oqsma ta’ ħidma ngħataw dawn l-għajnuniet? Minn dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea li ngħataw lill-bdiewa jew raħħala, kemm huwa stmat li ħadu konsulenti, awdituri jew persuni oħra li jkunu mlew l-applikazzjonijiet biex tingħata din l-għajnuna? Jista’ jagħti lista ta’ dawn il-konsulenti/awdituri u nies oħra professjonisti u jgħid f’kull każ kemm ħadu tax-xogħol tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Esplorazzjoni taż-żejt

Question

B'referenza għall-esplorazzjoni taż-żejt li se ssir minn BP fl-ibħra territorjali Libjani, jista' l-Ministru jindika x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta dwar il-biża ta' tliet esperti ambjentali nostrani dwar n-nuqqas ta' eskluzjoni mix-xenarju ta' impjatt ambjentali negattiv tat-tip ta' Deepwater Horizon? X'poteri għandha Malta, jekk għandha, f'dan il-każ naxxenti mill-UNCLOS jew xi liġijiet oħra? Tkellem pajjiżna uffiċjalment mal-Libja dwar din l-esplorazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kull tip ta’ esplorazzjoni għaż-żejt iġġib magħha riskji ambjentali. Hija r-responsabilita konġunta tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż fejn qed isir it-tħaffir f’dan il-każ Awtoritajiet Libjani u tal-kumpaniji li jkunu qed jesploraw biex jassiguraw li waqt l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taz-zejt jigu applikati l-iktar prattiċi rigoruzi fl-industrija biex jitnaqqas l-impatt ambjentali. Il-Gvern Malti ser ikun qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi dwar dan il-każ.Dwar l-aħħar mistoqsija, nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Raħħala — qatla ta' baqar/barrin

Question

Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' raħħala li daħħlu baqar/ barrin għall-qatla matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ raħħala li daħħlu baqar/ barrin għall-qatla matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kien ta 212.

Bdiewa — reġistrazzjoni tat-tadam

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bdiewa li rreġistraw it-tadam għand il-Ministeru din is-sena? Kemm kien hemm persuni li mhumiex bdiewa li rreġistraw ukoll it-tadam tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi sat-30 ta’ Ġunju 2010,in-numru ta’bdiewa li rreġistraw li ser ikabbru tadam għall-iproċessar jew għall-mejda kien ta’ 668. Kien hemm ukoll 533 persuni li rreġistraw li ser ikabbru tadam għall-użu personali.

Palm attakkat mill-bumunqar aħmar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' palm attakkat mill-bumunqar aħmar li tqaċċat mill-inħawi ta' San Pawl il-Bahar, il-Mellieħa u n-Naxxar, s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi n-numru ta’ palm attakkat mill-bumunqar aħmar u li tqaċċat sa l-aħħar ta’ Ġunju 2010 fil-lokalitajiet li għamel riferenza għalihom l-Onor Interpellant huwa kif ġej; 79 minn San Pawl il-Baħar, 54 mill-Mellieħa u 44 min-Naxxar.

UNFCCC

Question

Jista' l-Ministru jindika fiex waslet it-tieni komunikazzjoni ta’ pajjiżna dwar UNFCCC li kienet qed tiġi ko-ordinata mill-individwu li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-kontenut tat-tieni komunikazzjoni ta’ pajjiżna dwar UNFCCC ġiet finalizzata ġimgħat ilu iżda kien hemm xi problema biex din titlesta in printed format kif inhi rikjesta li tkun komunikata. Din se tkun komunikata fil-ġranet li ġejjin.

Approving Body dwar l-eko kontibuzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf l-approving body dwar l-eko kontribuzzjonijiet? Minn min huwa kompost? Kemm-il darba iltaqa' s’issa? X’kien l-eżitu tal-laqgħat li saru s’issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi skont Avviż Legali 84/2010 l-approving body dwar l-eko kontribuzzjoni jaqa' taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru responsabbli mill-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart u għaldaqstant nitlob l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Reġistrazzjoni ta' tadam

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' tadam li ġie reġistrat (xitel tat-tadam) sal-aħħar ta' Marzu 2010, għand id-dipartiment responsabbli mir-reġistrazzjoni? Kien hemm tadam li ġie reġistrat wara din id-data? Wara din id-data, hemm ċans li min ser iħawwel it-tadam minn issa 'il quddiem jirreġistra l-istess tadam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għal l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 16885. Kien hemm tadam li ġie irreġistrat wara t-30 ta’ Marzu u dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati u qed jitqiesu bħala “late applications”. Ir-reġistrazzjoni hija dejjem miftuħa peress illi kull min ikabbar it-tadam huwa obbligat jirreġistra skont l-Avviż Legali 26 tal-2010.

BICC — rapporti u pubblikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rapporti u pubblikazzjonijiet saru mill-BICC matul is-snin 2008 u 2009? Jista' jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi matul l-2008 u l-2009 kienu pubblikati dawn ir-rapporti; · Il-Pedamenti – Il-Manwal 1 · Onsite Magazine. · Rapport Disinn tal-Istruttura u Strutturi Rinforzati u prekompressati. · Preparation of Report on the use of Hardstone and Soft stone within the Maltese Construction Industry. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom.

BICC — rapport annwali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti annwali tal-BICC għas-snin 2007, 2008 u 2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra ir-rapport annwali tal-BICC għas-sena 2009. Din kienet l-ewwel darba li din l-entità ppublikat ir-rapport annwali. Fis-snin ta’ qabel ir-rapporti kienu jkunu nkorporati fir-rapport annwali tal-Ministeru.

Riabilitazzjoni tas-Salini

Question

B’ referenza għal Proġett ta’ Riabilitazzjoni tas-Salini u għal pjanti maħruġa minn Transport Malta għal triq ġdida biex tieħu post dik eżistenti fl-inħawi, jista' l-Ministru jgħid: a) kemm huwa stmat li se jkun hemm tmiem ta’ raba’ li se jittieħdu biex issir it-triq il-ġdida? Kemm minn din ir-raba’ hija propjetà ta’ sidien privati? b) kemm huwa stmat li se jkun hemm raba' li se jsir parti mill-Park tas-Salini? Kemm minn din ir-raba’ hija propjetà ta’ sidien privati? e) kemm hemm sidien privati affettwati minn din il-proposta; f) ittieħdet deċizjoni finali dwar dan il-proġett ; g) hemm alternattivi għat-teħid ta’ din ir-raba’ biex issir din it-triq u li qed jiġu kkunsidrati; ġ) kemm se tiġi tiswa din it-triq; h) x’ inhu t-timeline għal dan il-proġett; ħ) saru konsultazzjonijiet mas-sidien; i) saru konsultazzjonijiet mall-Kunsilli Lokali involuti; u j) b’ liema mod id-deċizjoni li tittieħed din ir-raba' tinkwadra fl-istateġija tal-Gvern dwar biedja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Rigward mistoqsijiet a, g u ġ nitlob lill-Onor Kap tal-Oppożizzjoni jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. M’hu se tittiħed l-ebda raba’ agrikola privata għall-iskop tal-proġett tar-riabilitazzjoni tas-salini. L-outline application tal-proġett għar-riabilitazzjoni diġa ġiet approvata u l- proġett huwa maħsub li jitlesta fi żmien tlett snin mill-konferma ta' kofinanzjament mill-Unjoni Ewropeja. Konsultazzjonijiet dwar il-proġett saru skont il-proċeduri stabbiliti tal-MEPA. Dan il-proġett ġie propost għal finanzjament mill-pjan għall-iżvilupp rurali għax hu eżempju mill-aqwa ta’ konservazzjoni ta’ wirt rurali ta’pajjiżna.

Esportazzjoni tal-Patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li din is-sena ħadu sehem fl-esportazzjoni tal-patata, bħala aġenti għall-esportazzjoni? Lejn liema pajjiżi ġiet esportata l-patata u liema varjetajiet ġew esportati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-istatistika li qed jitlob l-Onor Interpellant ma tinġabarx mid-Direttorat tal-Agrikoltura peress din hija attività purament kummerċjali.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — devoluzzjoni lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-ġurnata tal-lum x'ġie devolut minn dawk id-dipartimenti, aġenzji, entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu lill-kunsilli lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ġbir tal-iskart separat ġie introdott fil-lokalitajiet kollha mill-Gvern Ċentrali. Il-WasteServ għaddiet din ir-responsabbiltà lill-kunsilli lokali biex flimkien mal-iskemi għal ġbir ta’ skart separat, joffru dan is-servizz bi hlasijiet diretti mill-producers. Din ir-responsabiltà tinkludi l-ġbir tal-borża l-griża (Irriċikla t-tlieta) u l-immaniġġjar tal- Bring–In-Sites li kienu ntrodotti mill-Wasteserv.