Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #13514 Sitting 316 2020-03-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ingaġġ ta' skrivana

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu sabiex jassigura li l-persuni li qed jiġu ingaġġati bl-iskemi u jingħataw xogħol ta' skrivana f'diversi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Ghawdex ma jeħdux post l-iskrivana Għawdxin li qagħdu u għaddew minn eżami u ġew ingaġġati fiċ-Ċivil iżda qed jaħdmu f'Malta? Ma jaħsibx li qed issir inġustizzja ma' dawn l-iskrivana li jaħdmu f'Malta u li jistgħu jiġu jaħdmu Għawdex u jevitaw ħafna tbatija għalihom u għal familthom meta posthom qed jittieħed minn dawk li qed jiddaħħlu bl-iskema bla ebda eżami u bi kwalifiki ħafna anqas minn ta' dawk li huma skrivana fiċ-Ċivil?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni ingaġġati fuq skema qegħdin jagħmlu xogħol temporanju. Sadanitant, kif għamel fl-aħħar snin, il-Ministeru għal Għawdex hu impenjat li jġib aktar xogħol minn Malta lejn Għawdex.
Leg 13 PQ #13536 Sitting 316 2020-03-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ir-Rabat – Pjazza Indipendenza – zebra crossing

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13073, jista’ l-Ministru jgħid: 1. Jekk Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex humiex toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex? 2. Jekk huma toroq arterjali, kif allura r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari hawn fuq indikata, kienet biex tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat? 3. Skont il-Ministru għal Għawdex, min hu l-Ministru konċernat? 4. X’għamel il-Ministeru issa, wara li saritlu l-mistoqsija u jaf li f’dan il-post ċentrali f’Għawdex hemm zebra crossings li mhumiex skont il-liġi biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata qabel jiġri xi inċident li jkun fatali? u 5. Meta jiġri inċident minħabba dawn in-nuqqasijiet, f’liema Ministeru jew dipartiment ser iwaħħal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill lokali tar-Rabat applika għall-fondi Ewropej, u fl-2012 ingħata fondi mill-Unjoni Ewropeja taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġionali (FEZR) ‘Setting of an Integral, Archaeological and Historical Trail in Victoria’. Dan l-istess proġett kien jinkludi wkoll r-riġenerazzjoni ta’ Pjazza Indipendenza.
Leg 13 PQ #13537 Sitting 316 2020-03-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr — xogħol

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12666 fejn f'din l-istess tweġiba ntqal li “Il-Ministeru se jkun qiegħed juża s-servizzi ta’ esperti neċessarji biex triq li ilha magħluqa għal xhur twal, jibda x-xogħol fuqha mill-aktar fis possibbli”, jista’ l-Ministru jgħid jekk tqabdux esperti ġodda, min huma dawn l-esperti - u jagħti isem u kunjom ta' dawn l-esperti -, kif intgħażlu, min għażilhom, kemm-il siegħa xogħol għamlu sa issa u kemm tħallsu? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x-xogħol li għamlu sa issa dawn l-esperti li kien neċessarju li jitqabbdu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex qed jikkolabora ma’ Transport Malta biex ġew stabiliti d-disinni u l-parametri tat-triq.
Leg 13 PQ #13485 Sitting 315 2020-03-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ktejjeb u fuljett ippubblikati — spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il fuljett jew ktejjeb ġew ippubblikati mill-Ministeru għal Għawdex jew xi wieħed mid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Ġunju 2017 sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn il-fuljetti jew kotba ġew imqassma fid-djar ta' Għawdex? Jista' jgħid f'kull fuljett jew ktieb kemm-il ritratt tal-Ministru għal Għawdex kien hemm? Jista' jgħid f'kull każ, kemm kienet l-ispiża tal-istampar, kemm kienet l-ispiża tad-disinn u kemm kienet l-ispiża tal-posta? Jista' jgħid ukoll f'kull każ fejn ġie printed il-materjal u min għamel id-disinn? Jista' jgħid dawn kif intgħażlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #13491 Sitting 315 2020-03-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – widien imnaddfa u riabilitati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’widien ġew imnaddfa u riabilitati f'Għawdex sena b'sena minn Ġunju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'kienet l-ispiża fuq kull wieħed mill-widien u fiex kien jikkonsisti x-xogħol? Jista' jgħid x'widien hemm ippjanati li jitnaddfu matul is-sena 2020 u x'tenders ħarġu sa issa u x'tenders għad fadal joħorġu u meta huma ppjanati li joħorġu dawn it-tenders relatati ma’ tindif u riabilitazzjoni ta' widien ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2019, tnaddfet il-parti ta’ fuq tal-Wied tax-Xlendi. Ix-xogħlijiet li saru f’din it-tindifa kienu jinkludu t-tneħħija tal-qasab bl-idejn, tindif mill-iskart mhux organiku u tindif mis-silt li kien inġabar fil-Wied. Dan sar b’attenzjoni kbira biex jiġi protett il-qabru tal-ilma ħelu. Sa issa, l-ispiża relatata ma’ din it-tindifa għadha ma nħadmitx mill-kuntrattur. Min-naħa l-oħra, huwa ippjanat li jitnaddfu l-widien li jidhru fil-lista ta’ hawn isfel. Bħalissa qegħdin jinkisbu l-permessi neċessarji biex il-widien ikunu jistgħu jitnaddfu, ħalli b’hekk jkun jista jibda x-xogħol fuq it-tenders. Il-lista ta’ widien hija din; Wied Imġarr ix-Xini Wied tal-Grazzja Wied Riħan Wied Ta’ Grajgel/Daħlet Qorrot, Wied Il-Wileg Wied Imġarr Wied tax-Xħajma Wied ta’ Marsalforn Wied tal-Ort, Għasri Wied l-Infern, Żebbuġ Wied il-Kbir
Leg 13 PQ #13492 Sitting 315 2020-03-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Żebbuġ Għawdex – xogħol fi triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser isir ix-xogħol fuq il-parti tat-triq li ngħalqet reċentement fiż-Żebbuġ f’Għawdex u dan peress li din hija t-triq prinċipali li tagħti għal dan ir-raħal? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol ser isir u min hu l-Perit inkarigat minn dan ix-xogħol? Jista' jgħid x'passi ttieħdu dwar l-immaniġġar tat-traffiku peress li din hija t-triq li kull min imur iż-Żebbuġ irid jgħaddi minnha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Perit inkarigat mil-proġett hu perit tal-Ministeru. Filwaqt li tlestew l-kuntratti meħtieġa biex ikun jista jsir ix-xogħol, il-Ministeru qiegħed fl-aħħar fażi biex ikollu l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet ikkoncernati. Il-Ministeru, flimkien mal-Awtorita’ tat-Transport u l-Pulizija, mill-ewwel ħa l-passi neċessarji biex in-nies kollha li jkunu deħlin jew ħerġin miż-Żebbuġ ikunu protetti min kull periklu.
Leg 13 PQ #13432 Sitting 314 2020-03-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – direct orders għal xogħol ta’ tindif — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'direct orders għal xogħol ta' tindif ta' binjiet/postijiet mill-Ministeru għal Għawdex xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid ukoll f'kull każ min ingħata din id-direct order u kemm kien il-ħlas finali fuq ix-xogħol li sar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #13433 Sitting 314 2020-03-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – direct orders għal xogħol ta’ security — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'direct orders għal xogħol ta' security mill-Ministeru għal Għawdex xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ liema kumpanija jew individwu ngħata din id-direct order u kemm kien il-ħlas għal dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #13435 Sitting 314 2020-03-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħol fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq arterjali u distributorji li sar xogħol ta' bini mill-ġdid ta' triq / ingħata wiċċ ġdid mit-8 ta' Marzu 2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Għal kull triq, jista’ jgħid x'tip ta' xogħol (intervent) sar, meta kellu jibda u meta tlesta dan ix-xogħol, kemm kienet l-istima u kemm attwalment ġie jiswa flus kull intervent għal kull triq separatament? Fejn ix-xogħol għadu mhux lest, jista’ jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol s'issa u meta hu mistenni jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #13016 Sitting 313 2020-03-23 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – użu ta’ trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħti xi tip ta’ inċentiv għall-ħaddiema tal-Ministeri u entitajiet li jaqgħu taħtu, biex jinkoraġġixxu lill-istess ħaddiema biex jużaw it-trasport tal-massa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ma għandux inizjattivi ta' dan it-tip.
Leg 13 PQ #13489 Sitting 313 2020-03-23 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċittadini li qed jistennew biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini li sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, għamlu talba u qed jistennew biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 13402.
Leg 13 PQ #13521 Sitting 313 2020-03-23 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Corona Virus — Gozo Channel – ordnijiet waqt it-traġitti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji kkawżati mill-coronavirus (Covid-19), il-kumpanija Gozo Channel hiex tikkonsidra li sabiex ma jinfirixx dan il-virus, tagħti ordnijiet biex waqt it-traġitti tal-vapuri, il-passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw bil-vettura jibqgħu fl-istess vettura?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Meta wieħed jikkonsidra li l-vapuri mhux qed ikollhom daqstant passiġġiera abbord, huwa suġġerit li l-passiġġiera jżommu d-distanza, apparti li jieħdu l-miżuri neċessarji, skont kif rakkomandat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Infakkar ukoll li qiegħed isir screening ta’ kull passiġġier li jitla’ abbord, kemm bir-riġel kif ukoll bil-vettura, kemm mit-terminal taċ-Ċirkewwa kif ukoll mit-terminal tal-Imġarr. Apparti dan, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, il-vapuri qed iħallu l-bibien kollha miftuħa sabiex ikun hemm kuntatt minimu bejn il-persuni u l-handrails kif ukoll għall-ventilazzjoni naturali minflokk l-użu tal-airconditioners. Infakkar ukoll li l-vapuri qed jiġu iffumigati kull lejl. Sa issa jidher li dawn il-prekawzzjonijiet qed jagħtu l-frott mixtieq. Irrid ngħid ukoll li mill-lum, l-iskeda tal-Gozo Channel inbiddlet u t-traġitti naqsu b’40%
Leg 13 PQ #13178 Sitting 311 2020-03-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender for paving works abutting housing units by Triq il-Ħamrija, Xewkija, Gozo'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għat-tielet darba konsekuttiva t-tender: 'Tender for paving works abutting housing units by Triq il-Ħamrija, Xewkija, Gozo' ġiet ikkanċellata? Jista’ l-Ministru jgħid x' inhu jiġri rigward din it-tender u jgħid meta hu ppjanat li se jsir u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-offerti mitfugħa għal din is-sejħa u għal dawk preċedenti kienu amministrattivament, teknikament u/jew finanzjarjament mhux aċċettabli skont ir-rekwisiti tat-tender ippublikat. Il-Ministeru għaddej bil-kunsiderazzjonijiet meħtieġa biex eventwalment terġa’ toħroġ sejħa għall-offerti u jsir ix-xogħol.
Leg 13 PQ #12998 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn karozzi li jaħdmu bl-elettriku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed juża vettura waħda tal-elettriku. Din il-vettura ġiet assenjata lill-Ministeru għal Għawdex mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali (MTIP). Din il-karozza kienet inxtrat bħala parti mill-programm Life Project, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, liema programm huwa mmexxi mill-MTIP.
Leg 13 PQ #13068 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur — Park tal-Qortin ta' Isopu - siġar

Question

B'referenza għall-park tal-Qortin ta' Isopu fin-Nadur, jista' l-Ministru jgħid: a. meta hu maħsub li ssir t-triq bit-tarmak li twassal minn ħdejn il-Ġnien ta' San Blas sal-bidu ta' dan il-park; b. kemm kienet in-nefqa s'issa fuq dan il-park tal-Qortin ta' Isopu u jista' jagħti breakdown tan-nerqa li saret; c. kemm tħawlu b'kollox siġar u arbuxxelli f'dan il-park; d. kemm minn dawn is-siġar mietu u meta ġew mibdula ma' oħrajn; e. kif qed jinsqew dawn is-siġar li hemm f'dan il-park; f. meta kien l-aħħar li saret t-tisqija ta' dawn is-siġar u arbuxxelli f'dan il-park; g. kemm kienet in-nefqa fuq tisqija ta' dawn is-siġar fis-sena 2019 u kemm kienet in-nefqa matul l-ewwel perjodu ta' din is-sena sa meta titwieġeb din il-mistoqsija; u h. kemm hemm nies impjegati tal-Ministeru li x-xogħol tagħhom huwa li jieħdu ħsieb dan il-park?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan il-Park tħawlu ‘l fuq minn 4,500 siġra. Matul is-sena 2019 ma mitux siġar u għalhekk ma nbidlet l-ebda waħda minnhom. Dawk is-siġar li fil-preżent jidhru bla weraq, huma siġar li matul l-istaġun tax-xitwa jwaqqgħu l-weraq, u dan bħala parti mill-proċess naturali tagħhom. Fil-Ġnien ta` Isopu hemm installata sistema ta` irrigazzjoni u li hi mifruxa mal-Ġnien kollu. Matul il-perjodu tax-xitwa, il-pajpijiet użati għat-tisqija jitneħħew biex ikun iffaċilitat il-kontroll tal-ħaxix ħażin permezz ta` makkinarju mekkaniku. Dawn il-pajpijiet jerġgħu jinfirxu f`posthom fir-rebbiegħa. Jekk ikun hemm nuqqas ta` xita, dawn il-pajpijiet jerġgħu jitqiegħdu skont il-bżonn. Minħabba n-nuqqas ta` xita matul din is-sena, is-siġar li tħawlu matul l-2019, issaqqew matul ix-xhur ta` Jannar u Frar. L-aħħar tisqija saret nhar id-9 ta’ Marzu. In-nefqa għat-tisqija ta’ dawn is-siġar matul is-sena 2019 kienet hekk; €2,590.26 fuq l-ilma, €177.97 fuq aċċessorji għat-tisqija u €505.08 fuq spejjeż oħra. In-nefqa matul l-ewwel perjodu ta’ din is-sena f’dan kien ir-rigward kienet ta’ €43.56. Fil-preżent, il-Ministeru għal Għawdex għandu żewġ impjegati bħala ġardinara, li x-xogħol tagħhom huwa esklussivament fil-Ġnien ta` Isopu. Fil-perjodi li l-iktar ikun hemm xogħol, impjegati oħra mis-sezzjoni tal-Afforestazzjoni fi ħdan id-Direttorot għall-Affarijiet Rurali jiġu diretti biex jgħinu skont il-bżonn ħalli x-xogħol isir f`waqtu. B’kollox, in-nefqa fuq il-proġett minn meta beda fis-sena 2010, kienet ta’ €294,831.82. Il- breakdown ta’ din in-nefqa huwa kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ tarmak fit-triq li twassal minn ħdejn il-Ġnien ta' San Blas sal-bidu ta' dan il-park, ninforma lill-Interpellant li l-Ministeru qed jimxi skont programm ta’ prijoritajiet għall-Infrastruttura f’Għawdex.
Leg 13 PQ #13073 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ir-Rabat – Pjazza Indipendenza – zebra crossing

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12338, jista' l-Ministru jikkonferma jekk Triq ir-Republika u Pjazza Indipendenza humiex kunsidrati toroq arterjali u għalhekk jaqgħu direttament taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Gvern Ċentrali u mhux taħt il-Kunsill Lokali? Jista' jgħid x'ser jagħmel il-Ministeru biex jassigura li l-parti tat-triq arterjali li tgħaddi minn Pjazza Indipendenza tiġi rranġata u biex jassigura li z-zebra crossings li hemm fl-istess parti tat-triq arterjali jsiru kif titlob il-liġi qabel jiġru aktar inċidenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #13171 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' passiġġieri li użaw is-servizz tal-Gozo Channel fis-sena 2019? Jista' jgħid ukoll minn dawk il-passiġġieri, kemm qasmu bħala residenti f'Għawdex u kemm minnhom qasmu bħala anzjani?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2019, kien hemm 2,122,418 passiggier li xtraw il-biljetti minn għand il-Gozo Channel (Operations) Ltd., li minnhom 851,805 kienu biljetti mixtriha minn passiġġieri Għawdxin u 373,448 kienu biljetti mixtriha minn passiggieri anzjani.
Leg 13 PQ #13456 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Board – membri b’remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies b'remunerazzjoni fuq il-Gozo Sports Bord u kemm hi r-remunerazzjoni ta' kull membru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm ħadd fuq il-Gozo Sports Bord li għandu remunerazzjoni.
Leg 13 PQ #13457 Sitting 310 2020-03-16 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Board — audit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx sar audit tal-operat tal-Gozo Sports Board u jekk sar, x'sar minnu u jekk instabux xi irregolaritajiet? Jekk instabu, x'passi ttieħdu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva kien hemm audit.
Leg 13 PQ #13049 Sitting 309 2020-03-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Qala – Triq iż-Żewwieqa — xogħlijiet

Question

B'referenza għal Triq iż-Żewwieqa ġewwa l-Qala li f'dawn l-aħħar ġranet inbeda xi xogħol fuqha, jista’ l-Ministru jgħid: a. Jekk din it-triq hux se ssir kollha kemm hi jew inkella parti minnha biss qabel terġa’ tingħalaq għal kollox Triq Sant Antnin ġewwa Għajnsielem?; b. Kemm-il kisja tarmak se tingħata u kemm se tkun il-ħxuna ta' kull kisja tarmak?; c. Jekk humiex se jinbidlu s-servizzi fosthom tal-ilma u d-drenaġġ tad-djar residenzjali u restoranti li jinsabu fl-imsemmija triq u jekk humiex se jsiru trinek ġodda tas-servizzi u jekk iva liema servizzi ħa jinbidlu u jsiru mill-ġdid u jekk le għala mhumiex se jsiru?; d. Jekk humiex ser isiru bankini ġodda mal-ġnub tat-triq u jekk le għala mhumiex se jsiru?; e. Jekk humiex se jinbnew mill-ġdid il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu f'din it-triq u li huma fi stat ħażin ħafna u jekk le għala mhumiex se jinbnew mill-ġdid?; f. Min hu l-perit inkarigat minn din it-triq?; g. Jekk din l-imsemmija triq hijiex se ssir skont standard ta' EU, ta' Infrastructure Malta u Transport Malta?; u h. Kemm hu maħsub li se tkun l-ispiża totali fuq din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq se ssir kollha, skont l-istandards u l-ġimgħa d-dieħla se tinfetaħ għall-pubbliku bħala triq alternattiva għal Triq Sant’ Antnin. Diġa nbiddlu s-servizzi neċessarji, se jkun hemm lane għall-mixi u l-ħitan tas-sejjieħ se jibdew jiġu rrestawrati aktar ‘il quddiem. L-perit huwa tal-Ministeru u l-ispiża totali se tkun definita la darba x-xogħol ikun mkejjel. Il-ħxuna hija ta’ 8cm basewearing.