Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spiżeriji tal-Għażla Tiegħek — capsules tal-Omega 3

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid għaliex mhux qed jingħataw Omega 3 (fish oil) mill-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek u minkejja diversi telefonati dawn baqgħu bla pilloli u bla risposta? Meta se jibdew jingħataw dawn il-capsules?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Omega 3 (fish oil) qatt ma kienu fuq il-formularju tal-Gvern għall-mediċini. Fil-fatt m’hemmx prodott tal-Omega 3 (Fish oil) li huwa reġistrat bħala prodott mediċinali.

Ħal Qormi — Ċimiterju - xogħlijiet ta' manutenzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tant bżonjużi ġewwa ċ-Ċimiterju ta’ Ħal Qormi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar rapport minn perit fuq is-sitwazzjoni tal-ħajt taċ-ċimiterju ta’ Ħal Qormi u iddaħħlet applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanar. Bħalissa qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji biex tali xogħol ikun jista’ jsir.

Trasport lill-anzjani għall-appuntament fl-Isptar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li l-anzjani li jkollhom bżonn trasport mingħand il-Gvern sabiex jattendu għall-appuntament l-isptar jiġu akkumpanjati minn qarib jew minn xi ħadd li jieħu ħsiebhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pazjenti anzjani li jattendu għall-appuntamenti tagħhom fl-Isptar Mater Dei u jużaw it-trasport tal-Gvern dejjem kellhom l-opportunita li jkollhom magħhom qarib jew carer skond il-bżonn tagħhom. Fil-fatt numru ta’ anzjani li jużaw dan is-servizz ikunu akkumpanjati minn persuna li jew tkun qarib jew carer. Bit-titjib li qed ikun ippjanat għal dan is-servizz, dan l-aspett qed ikun assigurat ukoll.

Ministeru għas-Saħħa – individwu ingaġġat bħala Project Director

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament hija ingaġġata bħala Projects Director fi ħdan is-Segretarjat tiegħu bħala Deputat Prim Ministru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8140.

Stennija għall-operazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar ieħor, u jagħti n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom jistennew skont dawn il-perjodi li ġejjin: a) anqas minn tliet xhur; b) bejn 3 u sitt xhur; c) bejn 7 u 12-il xahar; d) bejn 13 u 24 xahar; e) bejn 25 u 36 xahar; u f) aktar minn 36 xahar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa — Lista ta’ kuntatti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ddettaljata ta’ kuntatti (flimkien mal-email address tagħhom) li huma responsabbli mill-entitajiet, dipartimenti, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – Open Days

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm il-Open Day saru matul dawn l-aħħar tliet snin fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u fejn ġew organizzati dawn l-Open Days u meta saru sabiex, b’mod speċjali, iħajru aktar persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jattendu dawn iċ-Ċentri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data u sabiex tiġi mħarsa l-privatezza tal-klijenti ma jsirux Open Days fiċ-Ċentri għall-kura tas-saħħa mentali. Madanakollu persuna li jkollha bżonn tattendi għal programmi ta` riabilitazzjoni speċjalizzati fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tista’ tiġi riferuta mill-psikjatra tagħha.

Ċentri tas-Saħħa – persuni mdaħħla minħabba espożizzjoni għall-pestiċidi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm iddaħħlu persuni fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew l-Isptar isofru minn intossikazzjoni akuta jew kronika minħabba li kienu esposti għall-pestiċidi inkluż residwi ta’ pestiċidi preżenti fl-ikel matul il-perjodu li jibda minn Jannar 2013 sal-ġurnata tal-lum maqsuma separatament sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-National Hospitals Information System (NHIS) jirriżulta li n-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptarijiet f’Malta u Għawdex jsofru minn intossikazzjoni akuta jew kronika minħabba li kienu esposti għall-pestiċidi bejn mill-2013 sal-2017, huwa kif indikat fit- tabella t’hawn taħt: SenaNumru ta 'każijiet 20135 20141 20152 20163 20172 Dawn il-każijiet kienu estratti mill-kodiċi ICD-10 li ġejjin: T60 Effett tossiku tal-pestiċidi. X48 Avvelenament aċċidentali, minn u esponiment għall-pestiċidi. X68 Avvelenament intenzjonat, minn u esponiment għall-pestiċidi. Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar.

Prodotti msejħa lura mis-suq minħabba kontaminazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm ġew imsejħa lura minn fuq is-suq prodotti alimentari li kienu kkontaminati minn residwi ta’ pestiċidi matul il-perjodu li jibda minn Jannar 2013 sal-ġurnata tal-lum maqsuma separatament sena b’sena, kif ukoll jelenka x’kienu l-prodotti u minn liema tipi ta’ residwi ta’ pestiċidi kienu kkontaminati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali m’huwiex l-Awtorità Kompetenti primarja għall-monitoraġġ ta’ Pestiċidi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ moniteraġġ li sar mill-istess imsemmi Direttorat. Ma dan nitlob lill-Onor. Interpellant biex għal informazzjoni addizzjonali jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Salini, il-Qawra, u Baħar iċ-Ċagħaq — Triq il-Kosta – għawm

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk iż-żona tal-baħar viċin Triq il-Kosta fis-Salini, il-Qawra, u Baħar iċ-Ċagħaq hijiex tajba għall-għawm wara nar li nfirex fil-Faċilità tat-Trattament tal-Iskart fil-Magħtab? Sar moniteraġġ tal-kwalità tal-ilma għal kontaminazzjoni u għal liema tip ta' kontaminanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar monitoraġġ tal-ilma baħar fiż-żoni ta’ Baħar iċ-Ċaghaq, bin-numru tas-Sit B01 kif ukoll fiż-żona ta’ quddiem is-Salini Resort, bin-numru tas-sit C32, l-aħħar li sar kien fit-tielet ġimgħa t’Ottubru peress li l-istaġun uffiċjali tal-għawm kien jispiċċa fil-21 t’Ottubru, 2018. Kemm is-sit B01 kif ukoll is-sit C32 kkwalifikaw bħala eċċellenti u dan wara li jkunu ġew ittestjati għall-parametri mikrobioloġiċi hekk kif rikjest fir-Regolamenti dwar il-Maniġġar tal-Kwalita` tal-Ilma tajjeb għall-Għawm.

Sptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre – operaturi tal-parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti d-dettalji ta' kif ingħataw l-kuntratti/ftehim li hemm illum fis-seħħ tal-operat tal-parkeġġi bi ħlas fl-Isptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt li hemm illum fis-seħħ tal-operat tal-parkeġġi bi ħlas fl-Isptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre ngħata permezz ta’sejħa għall-offerti.

Sptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre– Parkeġġ – karozzi clamped

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew clamped vetturi fil-parkeġġi bi ħlas fl-Isptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre minn Jannar 2018 sal-lum u jagħti l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi n-numru ta’ vetturi clamped fil-parkeġġi bi ħlas fl-Isptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre minn Jannar 2018 sal-aħħar ta’ Diċembru kien kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: Jannar 33 Frar 18 Marzu 13 April 31 Mejju 20 Ġunju 16 Lulju 6 Awissu 12 Settembru 31 Ottubru 25 Novembru 38 Diċembru 16

Mediċina Trusopt Brendit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex il-qtar tal-għajnejn Trusopt Brendit m'għadux fil-lista tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Trusopt hija ditta partikulari ta’ dorzolamide li ġieli tinxtara skont it-tender. Id-Dipartiment jixtri il-mediċini bl-isem ġeneriku. F’dan il-każ dorzolamide jew brinzolamide eye drops.

Sptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre – operaturi tal-parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu/ma l-operatur/i u/jew kuntrattur/i li llum qed jopera/w il-parkeġġi bi ħlas tal-Isptar Mater Dei u ta’ Sir Anthony Mamo Oncology Centre?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operaturi privati tal-parkeġġi tal-isptar Mater Dei huma KIS Services Ltd.

Sptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre – operaturi tal-parkeġġ — kuntratt

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tal-kuntratti/ftehim li hemm illum fis-seħħ tal-operat tal-parkeġġi bi ħlas fl-Isptar Mater Dei u ta’ Sir Anthony Mamo Oncology Centre?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7029.

Ministeru għas-Saħħa — impjegat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex impjegat mal-Ministeru għas-Saħħa, fis-Segretarjat jew f’xi dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

NinfNinforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-individwu msemmi minnu m’huwiex parti mis-segretarjat tal-Ministru għas-Saħħa.

Ministeru għas-Saħħa — trasferimenti/pagamenti f’bank

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2016 mill-isptar Mater Dei sar pagament ta’ €46 permezz tal-bank imsemmi minnu għal rimbors ta 'depożitu fuq krozzi filwaqt li fl-2018 mic-Central Procurement and Supplies Unit saru diversi pagamenti permezz ta’ dan il-bank għal Xiri ta' mediċina, Kunsulenzi u Korsijiet. It-total ta’ dawn il-pagamenti kien €71,682.51.

Mental Health Crisis Intervention – konsulent psikjatriku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex is-sejħa li kienet ħarġet biex jimtela l-post ta’ Konsulent Psikjatriku fil-Mental Health Crisis Intervention ġiet irtirata jew inkella ma ġietx ipproċessata? Jaħsibx li meta r-rata ta’ emerġenzi psikjatriċi fosthom każijiet ta’ suwiċidju qed jiżdiedu, din il-kariga hija importanti? Hemm il-ħsieb li jerġa’ jiġi mwaqqaf il-Mental Health Crisis Intervention Team li ġie żarmat meta kien qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna? Jista’ ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fiż-żmien li kienet ħarġet is-sejħa, fl-2014 kien ġie deċiż illi s-sejħa għal Konsulent Psikjatriku ma jkunx għal xogħol komunitarju esklussivament imma jkun jinkludi wkoll xi xogħol ibbażat fl-isptar. Nfakkru illi waqt konferenza nazzjonali fl-5 ta’ Diċembru tnehdiet il-Konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa 2020-2030 u hija din l-istrateġija li se tkun qed tippjana l-iżvilupp għal-kura u prevenzjoni tas-Saħħa Mentali f’Malta u Għawdex inkluż ukoll fil-komunita’.

Sptar Mater Dei — ftehim bejn id-Dipartiment tad-Dentistrija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara meta se jitlaħaq ftehim mad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei rigward l-istrike?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħdidiet fuq ftehim settorali ġdid tad-dentristrija għadhom għaddejjin.

Deputat Prim Ministru u Minisru għas-Saħħa — direct orders

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3085 u ċjoè: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 533 u addizzjonalment qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni ta’ entitajiet u dipartimenti oħrajn kif mitluba minnu.