Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn – Triq tal-Bajja ta’ San Tumas — xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 18317, jista’ l-Ministru jgħid jekk fost ix-xogħol approvat, kienx hemm ukoll tibdil fil-konfigurazzjoni tat-Triq tal-Bajja ta’ San Tumas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li filwaqt li mhux qed isir tibdil fil-konfigurazzjoni tat-triq indikata, Infrastructure Malta qed isaħħaħ l-immaniġġjar tat-traffiku u ttejjeb is-sigurezza tat-triq għal dawk jgħaddu miż-żona bil-mixi billi fost xogħlijiet oħrajn qed tibni mill-ġdid il-bankini u anke tagħmel oħrajn ġodda fejn ma kienx hemm. Qegħdin isiru wkoll servizzi ġodda taħt l-art għad-distribuzzjoni tal-ilma, dawl u servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru flimkien mal-proġett li qed twettaq l-aġenzija biex tibni mill-ġdid il-mollijiet tal-Bajja ta’ San Tumas, wara li partijiet minnhom inqerdu bit-tgħawwir tal-baħar u l-maltemp matul is-snin. Dan il-proġett ta’ €3 miljun qed isir bħala parti mill-impenn ta’ Infrastructure Malta biex ittejjeb ukoll il-kwalità tal-infrastruttura fil-portijiet u f’żoni oħrajn mal-kosta f’Malta u Għawdex.

Transport Malta – Sospensjoni ta’ ħlasijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20976, fejn fl-aħħar tat-tweġiba tiegħu l-Ministru b'referenza għas-sidien ta’ double dockers, trackless trains, coaches u dgħajjes tat-turisti, il-Ministru qal hekk "Għandu jingħad ukoll li l-operaturi bbenefikaw minn għajnuniet oħrajn mogħtija mill-Gvern waqt il-pandemija" u billi jien infurmat minn operaturi li dan assolutament mhux il-każ anzi s-sidien qed joħorġu l-flus mingħajr ma jdaħħlu xejn, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x'għajnuniet oħra ingħataw" dawn l-operaturi?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari 20976, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun mgħarraf li l-operaturi inkwistjoni kienu eliġibbli għall-COVID Wage Supplement u, fejn applikabbli, għajnuna fuq il-kont tad-dawl u l-ilma u leave tal-kwarantina.

Ħ’Attard — Triq San Anton

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20499, jista' l-Ministru jagħti time frame ta' meta se titlesta t-triq? Ma staqsejtx għal spjega tax-xogħlijiet imma għal data?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nerġa’ nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20499 tas-Seduta 458 fejn spjegajt b’mod dettaljat l-ammont vast ta’ xogħlijiet li jirrikjedi l-bini mill-ġdid tat-triq indikata wara li tlestiet Triq Lord Strickland li tinfed magħha u kienet parti mill-istess proġett, imma donnu li l-Onorevoli membru ma jinteressahx minn dan, inżid li x-xogħol kollu mistenni jintemm fl-aħħar kwart tas-sena.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Baħrija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qiegħed isir f’Triq il-Baħrija Ħaż-Żabbar u kemm ser idum għaddej?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Francis X. Attard, Triq Ħadd- in-Nies, Triq in-Naħla, Sqaq San Franġisk, Trejqet San Franġisk, Triq bla isem fi Triq San Ġużepp, Triq is-Serer, Triq in-Newl, Triq ir-Rand, Triq il-Fikus, Triq il-Ġiżimina u Triq Salvu Darmanin. Bħalissa qegħdin isiru Triq ix-Xgħajra, Triq il-Madaffa, Triq il-Baħrija, Triq Żabrella, Triq id-Dliela, Triq Bieb is-Sultan, Triq ġdida fi Triq is-Saħħara, Triq Alessio Erardi, Triq il-Luq, Triq il-Figelu Triq il-Qaqoċċ, waqt li fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet f’aktar toroq bħalma se jsir f’lokalitajiet oħrajn f’Malta. Ix-xogħljiet fi Triq il-Baħrija mistennija jistlestew fis-sajf u jinkludu tqegħid ta’ servizzi tad-drenaġġ, titjib fis-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u telekomunikazzjoni, servizzi tal-elettriku, kif ukoll bankini u tisħiħ tal-pedamenti ta’ din it-triq qabel ma jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Transport Malta – ħaddiema tal-irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser ikun hemm ħaddiema tal-irmiġġ kemm f'Ta' Liesse kif ukoll l-Imġarr, Għawdex minħabba s-servizz ġdid tal-fast ferries? Jista' jikkonferma li dawn il-ħaddiema ser ikunu ta' kuntrattur imqabbad minn Transport Malta? Kemm ser iħallsu l-operaturi ta' dan is-servizz għas-servizz ta' rmiġġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta se tipprovdi servizz ta’ irmiġġjaturi permezz ta’ kuntrattur. Il-pjan hu li jkun hemm erbgħa Malta u erbgħa Għawdex li jaħdmu bix-xift (shift/roster). Is-servizz se jiġi offrut mingħajr ħlas lill- operaturi tal-fast ferry.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Position of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jokkupaw Position of trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu? X’inhu l-valur annwali tal-kuntratt ta’ kull individwu? Meta bdew il-kuntratti tagħhom u meta jiskadu dawn il-kuntratti b’mod individwali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust) fil-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infrastructure Malta – artijiet għall-esproprjazzjoni ta’ għelieqi — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċifri mħallsa lill-Infrastructure Malta tal-Artijiet għall-esproprjazzjoni ta’ għelieqi għal skopijiet ta’ twessiegħ tat-toroq fl-2018, 2019 u fl-2020?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet fl-2018 biex twettaq il-pjan tal-Gvern li jagħti spinta kbira ‘l quddiem lill-kwalità, l-effiċjenza, s-sigurezza u s-sostenibilità tal-infrastruttura pubblika f’pajji¿na. Fost oħrajn, din l-aġenzija wettqet mijjiet ta’ proġetti ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali, residenzjali u rurali, b’investiment kapitali t’aktar minn €100 miljun fis-sena, investiment li qed ifisser inqas ħin fl-ivvjaġġar, inqas riskji t’aċċidenti arja aktar nadifa u ambjent isbaħ fit-toroq li fihom jgħixu, jivvjaġġaw u jaħdmu eluf ta’ persuni f’kull lokalità. F’uħud mill-proġetti tagħha, Infrastructure Malta tkun teħtieġ li tuża art biex tibni infrastruttura ġdida u aktar sigura, bħal pereżempju l-korsiji ġodda li saru fi Triq Aldo Moro, il-korsiji ġodda għar-roti u l-mixi fi Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa, u fi Triq Buqana, bejn il-Mosta u l-Imtarfa, u l-korsiji, bankini u waqfiet tal-karozzi tal-linja ġodda ta’ Triq tal-Balal. Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol ta’ Central Link Project, fejn kien jeħtieġ tittieħed art biex nibnu t-triq ġdida li kien ilha ppjanata għal għexieren ta’ snin, iżda tħalliet fuq l-ixkaffa minn amministrazzjonijiet preċedenti, u biex niżviluppaw l-itwal korsija għar-roti u l-mixi f’pajjżna, b’tul ta’ madwar 4.3 kilometri. F’każi fejn dawn l-artijiet meħtieġa ma jkunux diġa propjetà tal-Gvern, ikun hemm bżonn li jiġu esproprijati. Meta jiġri hekk, is-sidien tal-artijiet meħtieġa jiġu mħallsin ta’ dawn il-propjetajiet mill-Awtorità tal-Artijiet, skont kriterji stabbiliti fil-liġijiet applikabbli u l-proċeduri tal-istess awtorità. Fil-fatt, minn meta twaqqfet fl-2018, Infrastructure Malta diġa ħallset lill-Awtorità tal-Artijiet €6.88 miljun (€6,884,659) sabiex is-sidien affettwati jingħataw il-kumpens stipulat bil-liġi mill-aktar fis.

Transport Malta – Direttur, Risk Management, Policy u EU Affairs — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni meta saret sejħa interna għall-pożizzjoni ta' Direttur, Risk Management, Policy and EU Affairs fi Transport Malta? X'inhuma l-mansjonijiet ta' din il-pożizzjoni? Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna magħżula kienet ġiet oriġinarjament impjegata minn Transport Malta wara sejħa pubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din il-pożizzjoni applikaw tlett kandidatti u l- mansjonijiet ta’ din il-pożizzjoni huma indikati fil- call for application li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-persuna magħżula għal din il-pożizzjoni ma ġietx magħżula minn sejħa pubblika iżda ġiet redeployed mill-Awtorita’ tal-Artijiet.

Faċilità ta’ Rkupru u Resiljenza – Pjan NextGenerationEU – użu mill-Fondi Ewropej

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Ministeru sabiex jagħmel użu mill-Fondi Ewropej tal-Faċilità ta' Rkupru u Resiljenza tal-pjan tan-NextGenerationEU?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Gudja – Triq id-Dejqa u Triq Santa Katarina — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16367, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra għaliex ix-xogħol f’Triq id-Dejqa u Triq Santa Katarina Gudja li kellhom jitlestew “daqt”, għadhom mhux lesti?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 16367 tas-Seduta 375, inżid ninforma li x-xogħol kollu min-naħa ta’ Infrastructure Malta fiż-żewġ toroq indikati tlesta fl-2020.

Il-Gudja – Triq it-Torri — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16371, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm attwalment inħarġu spejjeż fuq Triq it-Torri Gudja meta x-xogħol ġie finalizzat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża għax-xogħlijiet relatati biex inbniet mill-ġdid Vjal it-Torri, fil-Gudja ammontat għal €650,911 (inkluż il-VAT) li tinkludi wkoll xogħol addizzjonali biex inbidlu t-tabelli u saru sinjali ġodda wara li tlesta l-bini mill-ġdid ta’ din it-triq.

Il-Gudja – Triq it-Torri — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16371, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm attwalment inħarġu spejjeż fuq Triq Joseph Gravina, Triq Ħal Għaxaq u Triq Ħal Resqun Gudja meta x-xogħol ġie finalizzat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi triq ġdida bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq, kif ukoll fi Triq Ħal Resqun għadhom ma nbdewx.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20909, peress li l-mistoqsija u r-risposta oriġinali 16927 u 19404 ma jagħtux rendikont ta' kif intnefqu l-fondi pubbliċi indikati fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20909 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16927 u 19404, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija lill-Marigold Foundation minn entitajiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru u li jammontaw għall-€19,775 huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandna xejn aktar xi nżidu mat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari li weġiebna bin-numri 16927 u 19404.

Ministeru għat-Transport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — mandat ta' inibizzjoni kontra xi trade union

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanu, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entità MATS għamlet rikors wieħed (fl-Lulju 2020) għall-ħruġ ta' Mandat ta' Inibizzjoni kontra trade union.

CCTV cameras installati fuq arbli f’diversi lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-użu ta’ grupp ta' CCTV cameras li ġew installati fuq arbli f'diversi lokalitajiet bħal Triq L. Casolani, B'Kara, Triq Buqana, l/o Rabat, Triq il-Kostituzzjoni, Mosta u oħrajn? Kemm twaħħlu minn dawn is-CCTV cameras, f’liema toroq u lokalitajiet, meta ġew installati, kemm ġew jiswew flus, min installahom u min għandu użu għal din id-data?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-imsemmijja CCTV cameras ġew installati minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurta fit-toroq taghna. L-uzu ta’ dawn il- cameras huwa ta’ għajnuna fir-rigward ta’ traffic management. Tajjeb li jingħad li l-filmati fuq dawn il-cameras jinzammu biss għal perjodu ta’ 28 ġurnata kif kien ssuġġerit mill-awtoritajiet kompetenti fejn wara jiġu mħassra mis-sistema awtomatikament b’mod ettiku kif inhu mitlub. L-aċċess għal dawn il-filmati huwa wieħed limitat minħabba li biex jingħata aċċess wieħed għandu jagħmel rikjesta formali tramite l-pulizija fejn din tiġi kkunsidrata u wara approvata mic-Chairman tal-awtorita’ diment li r-raġuni ta’ din it-talba hija waħda valida.

Mosta — Traffic Counts, it-Traffic Management Scheme, is-Safety Audit Reports u l-Clearance ta’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-Traffic Counts, it-Traffic Management Scheme, is-Safety Audit Reports u l-Clearance ta’ Transport Malta li saru qabel ma’ ngħalqet Triq il-Kbira, inbidlet id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq il-Kungress Ewkaristiku u saru d-diveri diverżjonijiet li affettwaw bil-kbir liż-żona residenzjali ta’ madwar Triq Ponsonby, Triq Anġlu Gatt, Triq il-Ħarifa u Triq is-Sajf il-Mosta?

Response (BORG, IAN)

It-tibdil temporanju indikat li sar fl-inħawi msemmija fil-Mosta fil-ġimgħat li għaddew, u li jinkludi l-qlib fid-direzzjoni ta’ Triq il-Kungress Ewkaristiku, kien meħtieġ sabiex Infrastructure Malta tkun tista’ tibni mill-ġdid Triq il-Kbira, fl-istess lokalità. Sfortunatament, minkejja li hija triq li minnha jgħaddu ħafna persuni kuljum, din it-triq tħalliet fi stat ħażin ħafna għal ħafna snin. Peress li hi triq dejqa, sabiex tinbena mill-ġdid kien jeħtieġ li tingħalaq kompletament. Għalhekk, wara li saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, fosthom mal-Kunsill Lokali tal-Mosta, u wara l-approvazzjoni tat-Traffic Management Committee ta’ Transport Malta fl-4 ta’ Marzu 2021, Infrastructure Malta għalqet din it-triq ħalli jibdew ix-xogħlijiet meħtieġa. Fl-istess waqt, biddlet temporanjament id-direzzjoni ta’ Triq il-Kungress Ewkaristiku, sabiex jonqos kemm jista’ jkun l-impatt fuq l-aċċess lejn din il-lokalità. Minkejja li dan it-tibdil huwa wieħed temporanju u inevitabbli sabiex Triq il-Kbira jkollha l-infrastruttura ta’ kwalità li jixirqilha, Infrastructure Malta xorta waħda bbażat it-tibdil fuq analiżi tat-traffiku f’din iż-żona, sabiex tiżgura l-inqas impatti negattivi possibbli fuq dawk li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi. Id-dokument li juri t-tibdil temporanju qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Jidher li dan it-tibdil, għalkemm temporanju, intlaqa’ tajjeb ħafna hekk kif jidher anke minn rapporti fil-mezzi tal-media u kummenti fil-media soċjali b’ħafna Mostin jappellaw biex Triq il-Kungress Ewkaristiku tibqa’ f’din id-direzzjoni b’mod permanenti. Persuni li jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet b’xi xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta, jew li jixtiequ jwasslu xi suġġerimenti lill-istess entità, jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jibgħatu messaġġ permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Mosta – Triq Anġlu Gatt u Triq Ponsonby – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku li saru fiż-żona tul Triq Anġlu Gatt u Triq Ponsonby il-Mosta, xahar b'xahar mill-bidu tas-sena 2020 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta tannaliza biss id-data ta’ inċidenti ta’ traffiku uffiċċjali li tiġi provduta mill-Pulizija. Din id-data tinkludi biss inċidenti stradli fejn il-persuni jkunu soffrew min xi ġrieħi. Id-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra juri kemm seħħew inċidenti ta’ dan l-istess tip fit-toroq msemmija. Filwaqt li d-data ta’ dawk l-inċidenti ta’ traffiku li jkunu jinvolvu ħsara fil-vetturi tiġi miġburin mill-LESA. Għalhekk din-informazzjoni għandha tiġi mitluba lill-Ministru kkonċernat.

Mosta – titjib tar-roundabout li tagħti għal Mosta u n-Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta u Transport Malta għandhomx pjanijiet biex itejbu r-roundabout li tagħti għal Mosta u n-Naxxar bejn Triq il-Mosta, Triq Valletta u Labour Avenue biex il-problema ta' konġestjoni kbira li qed tinħoloq f'dawk l-akkwati, tiġi riżolta? Jista’ jgħid ukoll hemmx pjanijiet biex it-traffiku li minn Triq Pantar u dak li ħiereġ minn żvilupp kummerċjali kbir fil-viċin, sejjer lejn id-direzzjoni tan-Naxxar u Birkirkara jiġi ddirezzjonat b'tali mod li ma jitfax pressjoni ta' traffiku fuq il-Mosta għax dan bħalissa qiegħed idur mar-roundabout ta' bejn Triq Valletta u Vjal l-Indipendenza l-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejin diversi xogħolijiet f’bosta toroq fil-Mosta. Għaldaqstant Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Kunsill Lokali qedgħin iżommu kuntatt kontinwu dwar il-bżonnijiet ta’ traffic management waqt li qed isiru dawn ix-xogħolijiet.