Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu t-trawlers li ġew irreġistrati taħt il-bandiera Maltija u ngħataw il-liċenzja biex joperaw matul l-2009 u sal-lum xahar b’xahar? X’kapaċità (fis-sens ta’ tunnellaġġ) għandhom it-trawlers li ngħataw il-liċenzja biex joperaw? Fl-istess perjodu kien hemm liċenzji li ġew miċħuda jew irtirati? Jekk fl-affermattiv, x’kienet ir-raġuni li minħabba fihom il-liċenzji ġew irtirati?
Jista’ il-Ministru jgħid:
a) kemm-il permess/awtorizazzjonijiet nħargu mill-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta għall-istallazzjoniet ta’ tankijiet ta’ gass ta’ volum bejn il-500 litru u l-2000 litru f’dawn l-aħħar għaxar snin?
b) kemm minn dawn inħarġu fiż-żona ta’ Paceville?
Jista' l-Ministru jara li tingħata tindifa u żbir ta' siġar u daqsxejn upgrading tal-area madwar ir-residenzi f'Sur San Pawl Bormla, peress li l-post huwa abbandunat għall-aħħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li ħaddiema mill-Ministeru tiegħi jnaddfu din iż-żona b’mod regolari. Bħalissa d-dipartiment għaddej bit-tħejjija ta’ pjanti biex jitwettaq proġett ta’ upgrading f’din iż-żona flimkien ma' restawr tas-swar, li diġà nbeda u strutturi oħra fil-viċinanzi.
Ix-xogħol ta’ żbir tas-siġar f’din iż-żona jsir skont programm ta’ xogħlijiet u jmiss isir fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2009 min kienu l-persuni u/jew kumpaniji inkarigati mill-konsulenza għall- Ministeru u/jew dekasteri oħra li jaqgħu taħtu? F'liema oqsma kienet meħtieġa l-konsulenza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija numru 18086.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi testijiet minn xi awtorità kompetenti sabiex jistabbilixxu l-livell ta' radioactivity fl-art, fil-baħar u fl-arja tal-gżejjer Maltin? X'kienu r-riżultati ta' dawn it-testijiet? Meta saru u minn min?
Response (PULLICINO, GEORGE)
It-testijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant jaqaw taħt ir-responsabilta tal-Occupational Health and Safety Unit u għaldaqstant nissuġerilu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għad-dokument dwar renewable action plan, jista' l-Ministru jgħid liema hi l-kumpanija fil-wave energy li wriet interess f'pajjiżna mal-Malta Intelligent Energy Management Agency?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-kumpanija Seabased wriet interess fil-wave energy.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tas-sena li għaddiet ta' Lahmeyer International għall-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali bid-data ta' Lulju 2009 dwar Energy Interconnection Malta-Europe?
kampanja nazzjonali dwar energy efficiency and renewable energy
Question
Jista' l-Ministru jgħid min ser jikkordina l-kampanja nazzjonali dwar il-promozzjoni tal-energy efficiency and renewable energy li l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali qal li ser tiġi mnedija għal dawn is-sentejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-kampanja dwar il-promozzjoni tal-energy saving u enerġija li tiġġedded se tkun koordinata mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
Integrazzjoni ta' electrical renewable energy sources
Question
Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel l-istudji kkummissjonati mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali biex jinvestiga t-tħassib (concerns) relatati mal-integrazzjoni ta' electrical renewable energy sources kbar fil-grid nazzjonali ta' pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-istudji kkummissjonati mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali saru mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta, li hi d-Distribution System Operator tal-enerġija, u l-konsulenti Mott MacDonald.
Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — price setting mechanism
Question
Jista' l-Ministru jippubblika l-price setting mechanism li tuża l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi li permezz tagħha jistipulaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa qabel ma japprovaw xi żiediet fil-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi u stabbilimenti kummerċjali? X’inhuma l-kriterji stabbiliti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-price setting mechanism ilu fuq fuq il-websajt tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi www.mra.org.mt mit-30 ta’Ġunju. F’ parti mid-dokument LPG/Propane Price Review. Summary of the review Process and main conclusions Annex 1 hemm il-kriterji stabbiliti, li huma l-legalità, sostenibbiltà u profitabbiltà, ebda diskriminazzjoni u trasparenza filwaqt li l-prinċipju hu ta’ full cost recovery. Għall-benefiċċju tal-Onor Interpellant qiegħed inpoġġi kopja fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bdiewa li din is-sena bagħtu l-patata għall-konsum fis-suq intern Ewropew? Lejn liema pajjiżi ntbagħtet din il-patata din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni ma tinġabarx mill-Ministeru tiegħi minħabba li din l-attivita hija waħda purament kummerċjali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarx xi studju dwar il-mod ta' kif jista' jiġi restawrat l-akwadott (il-parti li fadal minnu) li jibda mix-Xemxija fid-direzzjoni tal-Manikata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s’issa it-Taqsima tar-Restawr għadha ma għamlitx dan l-istudju. Madankollu sar xogħol fuq is-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant biex titneħħa parti mill-istruttura li kienet perikoluża.
Jista' l-Ministru jgħid x'effett jista' jkollha l-isħaba tal-volcanic ash fuq il-gżejjer u l-poplu Malti jekk din tasal sa fuq Malta? Xi prekawzjonijiet qegħdin jittieħdu f'każ li jiġri dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Membru li din il-mistoqsija tikkonċerna l-Ministeru responsabbli mill-ambjent u għaldaqstant nissuġerilu biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid min ser jagħmel il-public perception survey dwar renewable energy effiiciency li l-Ministeru ħabbar f'dokument online dwar id-draft renewable action plan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-istudju li qed jirreferi għalih L-Onor Interpellant ser isir mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna rziezet tal-majjali u tat-tiġieġ fis-sena 2004 u kemm għandna llum? Kemm kienu jitrabbew majjali u tiġieġ f’pajjiżna fis-sena 2004 u kemm qed jitrabbew illum? Kemm huwa ppjanat li jibqgħu jitrabbew tiġieġ u majjali u kemm se jifdal irziezet tagħhom sas-sena 2013?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-irziezet u trobbija tat-tjur u l-majjali kienet kif ġej;
2004
2010
Numru ta’ Irziezet tal-Majjal
174
167
Numru ta’ Irziezet tal-Brolers
○ 219 + 28
○ 99 + 13
Numru ta’ Irziezet tat-Tiġieġ tal-bajd
○ 64 + 28
○ 36 + 13
Qatla tal-Majjal
*
104,505
●
86,825
Produzzjoni ta’ Laħam tat-tiġieġ
* 3,773,586 rjus
(8,286,590kgs)
●
2,485,467 rjus
(5,949,196kgs)
Stima ta’ produzzjoni ta’ bajd
*
6,041,279tużana
●
3,169,718
tużana
* Produzzjoni 2004
● Produzzjoni 15/06/2009 – 15/06/2010
○ L-irziezet immarkati huma liċenzjati biex irabbu kemm broilers kif wkoll tiġieġ tal-bajd
Irid jingħad illi t-tnaqqis reġistrat fin-numru ta’ rziezet hu dovut għall-fatt illi llum l-irziezet huma obbligati li jilħqu standards Ewropej li jharrsu l-interess tal-konsumatur. Dawk li ma kienux konformi u ma għamlux l-istrutturar meħtieġ fl-irziezet tagħhom minkejja li kellhom opportunita jibbenefikaw minn fondi għal ristrutturar kif għamlu operaturi oħra, ma setghux ikomplu joperaw. Fir-rigward ta’ kemm hemm ser jibqa irziezet fl-2013 dan jiddependi mill-operaturi stess. Il-produtturi kollha li jkunu għamlu l-investimenti u modifiki meħtiega jistgħu jibqgħu joperaw.
sistemi fotovoltajiċi — irregolarijiet fl-applikazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta tistax tixħet ftit dawl fuq ir-rapporti dwar l-irregolaritajiet fl-applikazzjoni għal sistemi fotovoltajiċi residenzjali li issa qed jiġu rraportati li għaddew f’idejn il-pulizija? Jikkonferma li fost dawn l-abbużi kien hemm inflation tal-prezz attwali tas-sistemi importati biex l-applikanti jieħdu l-massimu tal-benefiċċju u/jew sussidju/grant involut? Billi għadu ma ġiex stabbilit meta se jiġu konklużi l-investigazzjonijiet tal-pulizija, jista' jikkonferma jekk hux minnu li t-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet għas-sistemi fotovoltajiċi ġietx verament sospiża minħabba dawn l-allegati abbużi u meta mistennija tinfetaħ din l-iskema? Hemm xi riskju li jintilfu xi fondi Ewropej marbutin ma' din l-iskema? B’kollox l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta kemm irċeviet ilmenti dwar dan u jistax jassigura lill-Kamra li kull ilment speċifiku anke fejn seta' kien hemm fin-nofs rwol intermedjarju ta' xi kunsill jew kunsilli lokali ġewx mgħoddija lill-pulizija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Billi l-każ bħalissa qed ikun investigat mill-Pulizija, f’dan l-istadju ma jistgħux jingħataw aktar dettalji. Madankollu irrid nassigura lill-Onor. Interpellant illi f’dan l-istadju ma jeżisti l-ebda riskju li jintilfu xi fondi tal-Unjoni Ewropeja relatati ma din l-iskema.
Fir-rigward ta’ meta tkun tista tinħareġ skema ġdida, bħalissa qed isiru tħejjijiet biex jiġu aġġornati l-kriterji ta’kwalifikazzjoni bl-iskop li l-iskema l-ġdida tiġi mnehdija mingħajr dewmien.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18777 u 18619 u jgħid kemm sar xogħol mis-sena 2000 sal-2010, sena b'sena mill-gvern ċentrali fil-promenades ta' Wied il-Għajn, Birżebbuġa u Marsaxlokk? Kemm kien jiswa dan ix-xogħol li sar separatament għal kull promenade?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Irid jingħad li dawn il-figuri ma jinkludux l-ammont ta madwar €2 miljun li ser jintefqu fuq il-proġett li għaddej bħalissa f’ Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kwota tal-baqar tal-ħalib hix se tispiċċa? Jekk iva, meta huwa maħsub li tispiċċa? Fiċ-ċirkostanzi x'se jiġri minn dawk ir-raħħala li jaqilgħu l-għixien tagħhom minn dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-kwota tal-ħalib li fl-Unjoni Ewropeja hi magħrufa bħala ‘Kwantità ta’ Referenza’ ser tispiċċa fl-2015. Dan ifisser li kull pajjiż membru mhux ser ikun ikontrollat aktar b’limitu ta’ produzzjoni. Madankollu, il-produzzjoni tal-ħalib lokali hija wkoll ikkonttrollata mill-MDP. Kull raħħal għandu kuntratt individwali mal-MDP u skond dan il-kuntratt jipproduċi ħalib. Ghalkemm l-ammont li kull raħħal għandu ikkuntrattat mal-MDP ma jistgħax jeċċedi il-kwantita ta referenza tal-UE, ma hemm xejn li jżomm dan il-kuntratt milli jibqa fis-seħħ wara l-2015. Ghalhekk huwa mistenni li l-kwoti lokali li jeżistu bejn l-MDP u r-raħħala jibqgħu fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir rigward il-munzelli tad-demel li hemm fl-Għammieri, li ilhom għal dawn l-aħħar ħmistax irejħu u li qed joħloq inkonvenjent lir-residenti fl-area ta' Wied iċ-Ċawsli f'Ħal Qormi, għaliex lanqas jistgħu jiftħu t-twieqi għall-arja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-munzell ta’ demel li hemm fl-Ghammieri huwa fil-proċess li jiġi imferrex u inkorporat fil-ħamrija tal-għelieqi.