Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt Valletta — Servizz tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kumpanija Arriva tieħu ħsieb li residenti fil-Belt Valletta jkollhom servizz ta' trasport lejn u miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, kif ukoll lejn u mill-Isptar Karen Grech f'Tal-Pietà?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-residenti tal-Belt jistgħu jirkbu r-rotta ċirkulari tal-Belt Valletta bin-numru 122, liema rotta tmur fejn l-isptar Karen Grech f’Tal-Pieta`. Din ir-rotta għandha frekwenza ta’ 30 minuta. Infurmat ukoll li dawk il-passiġġieri li jkunu jridu jmorru ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana jistgħu jirkbu rotta numru 130 li teħodhom fejn iċ-ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, liema rotta għandha frekwenza ta’ 30 minuta waqt peak hours u 60 minuta waqt off-peak hours . Intant infurmat ukoll li qed jitħejjew aġġustamenti għal dawn ir-rotot li se jkunu ntrodotti f'Novembru 2011.

Kumpanija Arriva — Karozzi second hand

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il xarabank mill-flotta tal-kumpanija Arriva f'pajjizna: i) huma second-hand ii)kellhom mechanical failure fl-aħħar gimgħat mindu nbeda s-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-flotta tal-kumpanija Arriva hemm 78 vettura second hand li minnhom hemm 50 xarabank articulated u 28 xarabank li kienu jintużaw qabel fis-servizz tat-trasport pubbliku. Minħabba l-fatt li dawn it-28vettura tal-flotta l-antika għadhom m’humiex kollha fis-servizz sabiex jiġu mtejba skont kif mitlub mill-istess ftehim, ġew temporanjament mibdulin ma’ vetturi oħra mpurtati mill-Ingilterra. Minn mindu beda s-servizz sal-5 ta’ Settembru 2011, l-ammont ta’ ħsarat li fallew fl-operazzjoni tas-servizz kien jammonta għal 144.

Transport Malta u MEPA — kordinazzjoni dwar toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kordinazzjoni ssir mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex Transport Malta tkun infurmata dwar toroq li fuqhom ikunu bdew joħorġu permessi għall-ewwel darba, biex isir l-ippjanar neċessarju biex tali toroq jiġu asfaltati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-kordinazzjoni bejn il-MEPA u Transport Malta ma sseħħx.

Burmarrad — xogħol fuq triq

Question

Jista' l-Ministru jassigura li fl-iqsar żmien possibbli jsir ix-xogħol neċessarju ta' titjib fuq il-wiċċ tat-triq prinċipali li minn ħdejn il-Knisja ta' Burmarrad twassal sad-daħla ta' San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'din it-triq, sal-aħħar ta' din is-sena, hu ppjanat li jsiru xogħlijiet ta’ patching.

rotot l-antiki tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm xi jżomm lil Transport Malta biex terġa' tirreverti lura għar-rotot l-antiki tat-trasport pubbliku fl-irħula ta' Wied il-Għajn, Żejtun u l-Fgura li manifestament kienu jaqdu liċ-ċittadini ferm aħjar mir-rotot tal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-lokalitajiet imsemmija huma moqdija b’servizz dirett kemm għal Mater Dei kif ukoll għall-Belt Valletta. Għall-Belt Valletta hemm dawn ir-rotot: M’Skala – 91 Fgura – 91 Żejtun – 81/84 Għal Mater Dei hemm dawn ir-rotot: M’Skala – 204/135 Fgura – 120 Żejtun – 210/135 Ninsab infurmat ukoll li wħud mid-diffikultajiet li qed jesperjenzaw passiġġieri tat-trasport pubbliku fiż-żoni li qed isemmi l-Onor. Interpellant huma kkawżati minn problemi t’operat bħal regolarita’ tas-servizz u daqs tal-vetturi użati. Nifhem li l-operatur qed jaħdem biex dawn id-diffikultajiet ikunu indirizzati. Rigward rotot; infakkar lill-Onor. Interpellant li nuqqasijiet f’dan ir-rigward qed jiġu indirizzati.

Ċentru ta' Bormla — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li x-xogħlijiet fl-area taċ-Ċentru ta' Bormla mexjin bil-mod wisq? Jista' jgħid ukoll jekk jaħsibx li din il-parti tal-proġett tkunx lesta sal-festa tal-Immakulata fit-8 ta' Diċembru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti l-kbira tax-xogħlijiet fiċ-Ċentru ta' Bormla għandhom ikunu lesti sat-8 ta' Diċembru 2011.

Ċirkewwa — North Quay Berth

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jitlesta n-North Quay Berth 3 fiċ-Ċirkewwa? X’xogħol sar s’issa fuq dan l-quay?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-Berth 3 tan-North Quay jifforma parti mix-xogħlijiet ta' inġenerija ċivili tal-proġett tat-terminal taċ-Ċirkewwa, li mistennija li jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sena 2012. Ix-xogħol li sar bħalissa jinkludi xogħol ta' preparazzjoni biex ikunu jistgħu jinbnew il- fender blocks u l-kolonni li se jġorru il- gangway minn fejn se jkunu jistgħu jgħaddu il-passiġġiera

Rotta tal-Arriva — Għajn Tuffieħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Manikata għadha mingħajr servizz adegwat ta' trasport pubbliku? Huwa konxju tal-fatt li biex jaslu sal-Belt Valletta, persuni minn dan il-lokal iridu jaqbdu tliet karozzi: mill-Manikata għal Għajn Tuffieħa, minn Għajn Tuffieħa għall-Mosta u mill-Mosta għall-Belt? Huwa konxju li jekk persuna taqbad il-karozza tas-6:00am, tasal il-Belt fid-8:45am, l-aktar kmieni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-residenti tal-Manikata għandhom żewġ alternattivi ta’ trasport pubbliku. L-ewwel alternattiva hi li wieħed jaqbad ir-Rotta 102 bi frekwenza ta’ kull siegħa u jieqaf l-Imġarr fejn wieħed jista’ jaqbad ir-Rotta 23 lejn il-Belt Valletta bi frekwenza ta’ kull 30 minuta. It-tieni alternattiva hija li bir-Rotta 102 l-passiġġieri jieqfu l-Mellieħa minflok l-Imġarr u minn hemm jaqbdu karozza għall-Belt Valletta. Ir-rotot li jistgħu jirkbu huma r-rotta 11 u r-rotta 41 li t-tnejn għandhom frekwenza ta’ kull 30 minuta u r-rotta X6 bi frekwenza ta’ kull 45 minuta. Mill-Mellieħa lejn l-isptar Mater Dei u l-Università, l-passiġġieri jistgħu jirkbu r-rotta X1 bi frekwenza ta’ kull siegħa.

Parkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'irid jagħmel l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jingħata permess għal parker f'xi pjazez tal-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Persuni li jgħixu fl-open centres u li għandhom karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li jgħixu fl-open centres fejn jiġu akkomodati persuni li daħlu illegalment li għandhom karozzi reġistrati fuqhom

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skont ir-rekords li għandha Transport Malta, l-ammont ta’ karozzi reġistrati fuq persuni li jgħixu fl-open centres fejn jiġu akkomodati persuni li daħlu illegalment huwa ta’ 232.

venda ta' Ħaż-Żabbar — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, issa li spiċċat il-venda ta' Ħaż-Żabbar xi pjanijiet għandu l-Gvern fuq dan is-sit?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tikkunsidra xi tibdiliet fir-rotot eżistenti u għaldaqstant, fil-preżent m’hemm l-ebda ħsieb li dan is-sit jintuża għal xi skop ieħor.

MITA — breakdown tas-somma relatata mat-trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif intlaħqet jew se tintlaħaq is-somma ta' €7.3 miljun f'xogħol relatat mat-trasferiment tal-Malta Information Technology Agency?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l -investiment msemmi kien stmat madwar 8 miljuni. Wara proċess ta’ tenders publiċi l-investiment mistenni li jkun ta’ madwar 7.3 miljun. It- total huwa soġġett għal xi tibdil skond il-bżonnijiet tal-proġett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif inhu mqassam dan l-investiment.

MITA — kera tal-proprjetà l-ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tiffranka l-Malta Information Technology Agency f'kera li tħallas sal-lum ta' Gattard House u x'se tħallas - jekk hux kera - għall-proprjetà l-ġdida li diġà bdew ix-xogħlijiet fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-MITA se tkun qed tiffranka Eur 10,000 f'kera fis-sena.

Tneħħija ta' bus shelters u sinjali fl-art li m'għadhomx jintużaw

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex f'dawk l-inħawi fejn qabel kien hemm rotta tal-linja li issa tneħħiet, b'mod partikolari f'dawk il-postijiet fejn kien hemm bus shelters li issa mhux se jintużaw iktar, dawn jitneħħew u s-sinjali fl-art b'xi mod jitgħattew?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta neħħiet tabelli li jindikaw l-użu ta’ bus stops fejn dawn m’għadhomx jintużaw. Transport Malta waħlet ukoll tabelli ma’ bus shelters sabiex tindika li dawn ukoll m’għadhomx jintużaw. Preżentament Transport Malta għaddejja b’eżerċizzju ta’ reviżjoni tan- network , u b’hekk l-ebda sinjali tat-toroq m’huma se jitneħħew sal-aħħar t’Ottubru 2011. Wara Ottubru, Transport Malta se tneħħi dawk is-sinjali tat-toroq li jkun għad baqa’ fejn jindikaw bus stops f’lokalitajiet fejn dawn il- bus stops ikunu tneħħew.

tneħħija ta' bus lane matul il-front ta' Buġibba

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jiġi assigurat li dak li qabel kien iservi ta' bus lane matul il-front ta' Buġibba, u li issa m'għadux użat għal dan il-għan, jitneħħa għaliex hemm xi coaches li għadhom qed jużaw dan il-lane b'mod abbużiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus lane imsemmi m’għadux jeżisti u t-tabelli kollha tneħħew, għaldaqstant, dan il-lane m’għadux jintuża tali. Transport Malta se tinforma lill-aġenziji kollha ta’ infurzar sabiex tassigura li dan il-lane ma jintużax b’mod abbużiv. Sadanittant, bħala parti mir-riforma tan-network li bħalissa qiegħda ssir, is-sinjali tat-triq tal-imsemmi lane se jitneħħew minn Transport Malta.

San Pawl il-Baħar — Triq Desguanez

Question

Jista' Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq Desguanez f' San Pawl il-Bahar tingħata t-tarmak, issa li l-blokka tal-bini li kienet qed tittella hi lesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għal din it-triq, Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti. Ix-xogħlijiet huma maħsuba li jibdew iktar tard din is-sena.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — talbiet għal reduced hours, telework u career breaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal reduced hours, telework u career breaks f'kull dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm minn dawk it-talbiet saru minn nisa u kemm minn irgiel? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda talba pendenti għal reduced hours, telework u career breaks fl-ebda dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħi.

Għawdex — Imġarr - Kuntratt għall-privatizzazzjoni tal-Yacht Marina

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17522 jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għall-privatizzazzjoni tal-Yacht Marina fl-Imġarr Għawdex? Jista jgħid x’sar s’issa dwar l-iżvilupp ta’ marina temporanja f’din il-lokalità?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għall-privatizzazzjoni tal-yacht marina fl-Imġarr Għawdex. Ninsab infurmat li l-operatur privat tal-marina tal-Imġarr issottometta applikazzjoni mal-MEPA għall-iżvilupp ta' marina temporanja. Għalhekk l-operatur irid jistenna li jinħarġu l-permessi neċessarji qabel ikun jista’ jiżviluppa u jopera din il- marina temporanja.

Rotta diretta għall-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema lokalitajiet, bliet u rħula r-rotta diretta għall-Isptar Mater Dei se tibda terġa' topera?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-servizzi għall-isptar Mater Dei qegħdin jiġu riveduti u dan qed isir bħala parti mit-tibdiliet li għaddejjin bħalissa sa Novembru li ġej, hekk kif ġie mħabbar f'dawn l-aħħar gimgħat.

bidu tas-servizz tal-Arriva — inawgurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġiet tiswa l-attività li saret biex tikkommemora l-inawgurazzjoni tal-bidu tas-servizz tal-Arriva fit-2 ta’ Lulju, 2011? Jista' jagħti breakdown tal-ispejjeż kollha u min kienu s-suppliers?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.