Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #13702 Sitting 320 2020-04-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza tax-Xewkija – varjazzjonijiet fil-proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-varjazzjonijiet li kien hemm fil-Proġett li sar mill-Ministeru għal Għawdex fuq ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza prinċipali tax-Xewkija? Jista' jagħti spjegazzjoni ta' kull varjazzjoni u min awtorizza l-istess varjazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-lista tal-varjazzjonijiet tinsab hawn taħt: Numru tal-Varjazzjoni Ammont (excl VAT) Spjegazzjoni tal-varjazzjoni 1 Euro 34,872.00 Xogħol addizzjonali relatat mas-servizzi 2 Euro 58,076.96 Xogħol addizzjonali relatat ma bini ta’ service culverts addizzjonali 3 Euro 328,128.29 Xogħol repettitiv u addizzjonali relatat ma’ bini ta’ service culverts u finishings Total Euro 421,077.25 Dawn il-varjazzjonijiet ġew ilkoll approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Leg 13 PQ #13213 Sitting 319 2020-04-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Rapporti ta' serqiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12635, jista’ l-Ministru jgħid: 1. Kemm kien l-ammont jew valur misruq f’kull każ? 2. F’kull każ x’insteraq? u 3. X’passi ttieħdu kontra min seraq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #13328 Sitting 319 2020-04-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Direct Orders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12949, jista' l-Ministru jgħid f'kull każ: a. min kienu l-persuni, individwu jew kumpaniji li bbenefikaw minn dawn id- direct orders ; b. x'kien is-servizz jew prodott li pprovda lill-entità msemmija;

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #13576 Sitting 319 2020-04-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xogħlijiet minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jelenka, jekk hu l-każ, kull direct order jew simili, taħt kwalsiasi kappa jew isem, li kwalsiasi entità taħtu tat lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2019 u fl-2020? Għal kull każ, jista’ jagħti l-ammont ta’ ħlas u r-raġuni ta’ dak ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija ma ngħatat l-ebda direct order jew simili mill-Ministeru għal Għawdex jew minn entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu.
Leg 13 PQ #13581 Sitting 319 2020-04-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Downtown Hotel — użu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża jew il-ħlas biex il-Gvern qed jagħmel użu mid-Downtown Hotel? Jista’ jgħid meta, min awtorizza u b’liema mod (direct order jew le) biex ġie akkwistat dan il-bini?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ negotiated procedure, il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa daħlu fi ftehim ma’ Downtown Ltd abbazi ta’ LN/352/16. Dan il-ftehim ġie approvat mid-Dipartiment tal-Kuntratti u l-proċedura adottata tirrifletti proċeduri simili li ġew adottati matul dawn l-aħħar xhur in vista taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ħakkmu lill-gżejjer Maltin u l-kumplament tad-dinja. L-ispiża hija ta’ €54.79 kuljum għal kull spazju ta’ sodda. Din is-somma tinkludi l-użu esklussiv ta’ dawn iż-żoni: 1. Restaurant u cafeteria li ser jintużaw bħala multi-purpose hall u canteen għall-istaff kollu, residenti kif ukoll għall-viżitaturi; 2. Foyers li jinkludu l-entratura u ir-reception area; 3. Il-liftijiet kollha tal-passiġġieri; 4. Il-kċina u l-food assembly area; 5. Toilets; 6. Żona ta 'separazzjoni ta' l-iskart’; 7. Kappella; 8. Aċċess għall-parkeġġ taħt l-art Din ir-rata tinkludi ukoll alterazzjonijiet, servizzi ta’ tindif, reception services u s-servizzi tal-manutenzjoni ġenerali. Dan il-pass, li fi kliem l-Oppożizzjoni stess ġie deskritt bħala wieħed ‘importanti’, jkompli juri kif il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli sabiex jissalvagwardja s-saħħa ta’ l-anzjani tagħna waqt li fl-istess ħin ikompli jipprepara għall-ġlieda kontra l-Covid 19. Fil-fatt dan ser iwassal sabiex ammont sostanzjali ta’ sodod fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex ser ikunu jistgħu jiġu dedikati għall-pazjenti milquta mill-Covid-19; kollox skond ir-rakkomandazzjonijiet li qed isiru mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u mill-Covid-19 Task Force.
Leg 13 PQ #13615 Sitting 319 2020-04-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Youth Services Coordinator — ħidma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma saret mill-Youth Services Coordinator fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2020 kif ukoll matul l-aħħar sitt xhur tas-sena 2019? X'ħidma hemm ippjanata li ssir minn dan l-uffiċjal minn issa sal-aħħar tas-sena 2020? Jista' jipprovdi lista dettaljata tal-ħidma li saret u li hemm ippjanata fir-rigward?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret din is-sena, hija kontinwazzjoni tax-xogħol u r-riżultati miksubin matul is-sena 2019, apparti preparazzjoni għall-kumplament ta’ din is-sena u s-sena d-dieħla. Madankollu, il-ħidma ta’ din is-sena u s-sena d-dieħla jiddependu skont kemm se ddum tippersisti l-pandemija tal-Covid-19, li affettwat il-ħidma ta’ kulħadd. Saret ħidma f’attivitajiet taż-żgħażagħ inkluż dawk kulturali, u laqgħat u networking ma’ organizzazzjonijiet Għawdxin, Maltin u kif ukoll barranin. Fl-aħħar sitt xhur tas-sena 2019, il-Youth Service Coordinator kien impenjat fl-egħluq tal-proġetti mwettqa fix-xhur ta’ qabel li għalihom attendew bosta parteċipanti Għawdxin, kemm żgħażagħ, kif ukoll ħaddiema mill-Ministeru għal Għawdex. Fost dawn il-proġetti kien hemm E+ ‘Success’ u ‘Stand Against Drugs.’ Min-naħa l-oħra, il-Youth Service Coordinator applika b’suċċess għal diversi proġetti li kienu mistennija jitlestew sal-ewwel xhur tas-sena 2020, li huma E4C (Entrapreneurship for Change), Pathways to Empowerment in Gender-Based Violence Prevention u Making History Come Alive in Youth Work. Saru applikazzjonijiet, flimkien mal-partners Ewropej, għal tlett proġetti pero’ għadu qed jistenna risposta dwarhom mill-Aġenziji Nazzjonali rispettivi.
Leg 13 PQ #13674 Sitting 319 2020-04-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tempji Puniċi tal-Wardija bejn Kerċem u San Lawrenz

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li t-Tempji Puniċi tal-Wardija, li jiġu bejn Kerċem u San Lawrenz jiġu mħarsa? Jista' jgħid jekk dan is-sit huwiex wieħed pubbliku u jekk iva, dan ġiex mgħoddi f'idejn persuni privati? Jista' jgħid ukoll jekk il-Ministeru tiegħu hux ser jieħu passi biex jassigura li dan is-sit storiku jiġi lura għand il-Gvern, dejjem jekk inhu f'idejn il-privat, u x'passi hemm ippjanati li jittieħdu biex jiġi assigurat li dan is-sit jiġi ppriservat u mħares?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Tempji Puniċi tal-Wardija huma tal-privat. Is-sid/sidien ta’ postijiet storiċi għandhom ir-responsabilità li jieħdu l-passi neċessarji biex dan il-wirt ikun protett u preservat.
Leg 13 PQ #13550 Sitting 318 2020-04-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — safety audits ta' proġetti ta' toroq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux isiru safety audits tal-proġetti ta' toroq ġodda li saru mill-Ministeru għal Għawdex? Għal liema toroq saru dawn l-audits? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-audits? Jista’ jpoġġi kopja ta' dawn is-Safety Audits fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn meħtieġ qed isiru studji ta’ safety audits marbutin ma’ proġetti ta' toroq ġodda. Ir-riżultati ta' dawn l-audits jipoġġew fuq il-mejda tal-Kamra ladarba jkunu definiti.
Leg 13 PQ #13551 Sitting 318 2020-04-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Qala Għawdex – Triq iż-Żewwieqa — Belveder

Question

Peress li taħt il-Ministru għal Għawdex preċedenti, kien hemm pjan li jsir belveder ġdid ġewwa Triq iż-Żewwieqa fil-Qala Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid għadx hemm ħsieb li dan il-belveder isir? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, site plan fejn kien hemm ippjanat li jsir dan il-belveder, kopja tal-pjanti, min kien il-perit li għamel il-pjanti u li kien involut fuq dan il-belveder, u jekk dan il-belveder kienx ser isir fuq art pubblika jew inkella art privata? Jekk il-belveder kien ser isir fuq art privata, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-art tiġi esproprjata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandi, ma kienx hemm pjanti ta’ Belvedere ġdid. Madanakollu, il-Ministeru għal Għawdex qed jevalwa jistax isir Belvedere fuq art pubblika li tista’ tintuża għal dan l-iskop. Ta’ min ifakkar li f’din l-istess triq li saret fi żmien qasir b’aktar minn kilometru ta’ asphalt, diġa hemm il-Belvedere Anton Camilleri li kien ġie inawgurat f’Ġunju ta’ 2016, mis-Sindku u l-kunsilliera tal-Qala ta’ dak iż-żmien. Matul din it-triq se jitħawwlu ammont sostanzjali ta’ siġar u arbuxelli fil-ġimgħat li ġejjin kif ukoll ser jiġu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ.
Leg 13 PQ #13552 Sitting 318 2020-04-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Avviż Legali 291 – Artiklu 10 — klassifikazzjoni

Question

Peress li Artiklu 10 (1) tal-Avviż Legali 291 tal-2018 “Regolamenti tal-2018 dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq” jgħid li 'Għallinqas kull tliet snin, għandha ssir mill-Awtorità klassifikazzjoni ta’ sezzjonijiet tat-toroq b’rati għolja ta’ aċċidenti u klassifikazzjoni tas-sigurtà tan-netwerk tat-toroq, abbażi ta’ reviżjonijiet tal-operat tan-netwerk tat-toroq arterjali u distributorji', jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-klassifikazzjoni saritx mill-Ministeru għal Għawdex fuq it-toroq ġewwa Għawdex u jekk iva f'liema toroq? Jista’ jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport ippubblikat minn Transport Malta intitolat Ranking of High Accident Concentration Sections and Network Saftey Ranking, li jkopri s-snin 2016, 2017 u 2018, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min isemmi li Triq l-Imgarr, fix-Xewkija, tagħmel parti mis-sezzjonijiet ta’ toroq b’rati għoljin ta’ inċidenti, b’total ta’ disa’ inċidenti li seħħew fl-2017.
Leg 13 PQ #13553 Sitting 318 2020-04-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — SME Hub Project - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet qed isiru fil-preżent ġewwa l-area fejn hemm ippjanat li jsir SME Hub Project mill-Ministeru għal Għawdex ġewwa x-Xewkija? Jista’ jgħid meta ħarġu l-permessi, meta ħarġet it-tender, meta ġiet awarded u għal kemm ċifra ġiet awarded din it-tender? Jista’ jgħid ukoll min huma l-kuntratturi li fil-preżent qed jagħmlu dan ix-xogħol, min huma n-nies tal-Ministeru għal Għawdex u xi grad huma li qed jissorveljaw ix-xogħol li qed isir bħalissa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti b’referenza MGOZ/MPU T 14/2019, li tkopri t-tħaffir għal stħarriġ ġeoloġiku ġiet ikkanċellata peress li l-ebda waħda mill-offerti sottomessi ma rriżultat li hija amministrattivament, teknikament, jew finanzjarjament konformi. Konsegwentement, biex ma jitwaqqafx il-proċess ta’ studju, x-xogħlijiet ġew direttament mogħtija lill-kumpanija Solid Base Ltd għal valur ta’ €61,833 (VAT Eskluż). Ix-xogħol, qiegħed ikun issorveljat mill-Perit Claude Mallia.
Leg 13 PQ #13554 Sitting 318 2020-04-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija Għawdex – Industrial Estate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq hemm ippjanati li jiġu mibnija ġewwa l-Industrial Estate fix-Xewkija Għawdex matul is-sena 2020 mill-Ministeru għal Għawdex u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa fuq dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #13555 Sitting 318 2020-04-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għar ta' Mixta

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12976 issa li hu stabbilit li l-Għar tal-Mixta huwa proprjetà pubblika, jista' l-Ministru jara li dan l-Għar u t-triq li twassal għalih jittieħdu lura mingħand min hu mwelli stante li dan huwa ġawhra naturali u attrazzjoni ewlenija għat-turisti f'Għawdex u ma għandux jibqa’ f'idejn il-privat? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru għal Għawdex fuq din il-ġawhra naturali li ritratti tagħha jintużaw f'ħafna reklamar ta' pajjiżna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex il-mistoqsija issir lill-Ministeru kompetenti.
Leg 13 PQ #13539 Sitting 317 2020-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ix-Xewkija - raħħala li jiddepożitaw il-ħalib

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9528 jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra fiex wasal il-proċess ta' tneħħija tal-post fejn preżentement ir-raħħala kollha Għawdxin imorru ta’ kuljum jiddepożitaw il-ħalib tal-baqar fix-Xewkija Għawdex u dan peress li fl-aħħar ġimgħat ġie inawgurat il-Gozo Innovation Hub iffinanzjat minn Fondi Ewropej? Jista' jgħid fejn se jsir il-post il-ġdid fejn ir-raħħala Għawdxin jiddepożitaw il-ħalib tal-irziezet tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma kien hemm il-ħsieb li din il-faċilità tiċċaqlaq mis-sit eżistenti.
Leg 13 PQ #13540 Sitting 317 2020-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Taċ-Ċawla Għawdex – Social Housing

Question

In vista tal-fatt li l-bini ta' Social Housing ġdid ġewwa taċ-Ċawla Għawdex ilu mwiegħed għal diversi snin, jista’ l-Ministru jgħid: a. Fiex ser ikun jikkonsisti dan il-proġett ta’ Social Housing u kemm ħa jinbnew appartamenti u garaxxijiet f’dan il-proġett? b. Jekk ħarġux tenders għall-bini u jekk dawn ġewx awarded u jekk le x’inhi r-raġuni li dawn it- tenders għadhom ma ħarġux jew ma ġewx awarded ? u c. F’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda u jitlesta dan il-proġett ta' bini ta’ Social Housing?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għall-blokka ġdida ta’ appartamenti ġiet sottomessa fit-28 ta’ Marzu 2019 u ġiet approvata fit-8 ta’ Ġunju 2019, bir-referenza PA5522/18. Dan il-permess kien ikopri kostruzzjoni ta’ tmien appartamenti totalment aċċessibli bil-lift u eco-friendly. Sussegwentament, inħarġet l-offerta CT2103/2019 għall-bini tal-appartamenti, liema offerta waqgħet għax l-ebda sottomissjoni ma kienet konformi amministrattivament, teknikament u finanzjarjament. L-offerta bin-numru CT2356/2019 għall-bini tal-appartamenti reġgħet ħarġet u bħalissa qiegħda tiġi evalwata. Bħalissa għaddej ukoll l-abbozzar għall-offerta tal-Mechanical and Electrical Services liema offerta hi mistennija tiġi ppublikata fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #13541 Sitting 317 2020-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Bajjiet Għawdxin – sand renourishment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12276 u jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex sarilhom sand renourishment qabel u matul is-sajf 2019 u x'bajjiet hemm ippjanati li jsirilhom sand renourishment qabel u matul is-sajf 2020 ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda bajja f’Għawdex ma saritilha sand renourishmentfl-2019. Pero mhux eskluż li jista' jsir dan it-tip ta' sand renourishment fil-futur.
Leg 13 PQ #13542 Sitting 317 2020-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur — Triq l-Imġarr - konferenza tal-aħbarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12937 kollha kemm hi u ċjoè: B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministeru għal Għawdex fit-18 ta' April 2019 fi Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex, liema triq issa ilha aktar minn sena magħluqa kompletament u fejn ma sar ebda tip ta' xogħol, kif ukoll tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn l-ex Ministru għal Għawdex, nies tekniċi mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-perit/Geotechnical Engineer li tqabbdu flimkien ma' esperti barranin biex jagħmlu l-istudji u jħejju l-pjanti u d-disinni meħtieġa ta' xogħol li hemm bżonn isir f'din it-triq, jista' l-Ministru jgħid x'ħejjew dawn in-nies (pjanti/disinni) li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha, kif ukoll id-dati meta tħejjew dawn l-istudji/pjanti/disinni tax-xogħol li għandu jsir f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq beda madwar ħmistax ilu wara li fl-aħħar ġimgħat ġew indirizzati il-maġġor parti tal-issuesġeoloġiċi u strutturali.
Leg 13 PQ #13543 Sitting 317 2020-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Intervention Unit — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b'sena u xahar b'xahar minn meta twaqqfet is-sezzjoni tal-Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu fiha, xi gradi huma dawn il-ħaddiema u x'tip ta’ xogħlijiet jagħmlu waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom? X'ħinijiet jaħdmu u kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li ħadu promozzjoni minn meta bdew jaħdmu f'din is-sezzjoni sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn mindu twaqqfet is-sezzjoni tal-Intervention Unit, dejjem kien hemm disponibbli madwar 15-il ħaddiem, bi gradi li jvarjaw minn skala 6 sa skala 20. Minn meta ġie mwaqqaf dan il-Unit, żewġ ħaddiema fi ħdanu, ħadu promozzjoni nterna għall-grad ta’ “Operative – Group III” wara sejħa pubblika, filwaqt li ieħor tela’ fi skala 16 wara sejħa nterna għall-post ta’ “Supervisor”. Ix-xogħol tal-Intervention Unit ivarja minn rappurtar ta’ ħsarat f’toroq madwar Għawdex lid-dipartimenti, awtoritajiet u Kunsilli Lokali responsabbli, parteċipazzjoni f’attivitajiet li jiġu organizzati mill-Ministeru għal Ghawdex stess, spezzjonijiet u xogħlijiet tal-bajjiet immaniġġjati fis-Sajf, kif ukoll interventi skont l-esiġenzi tal-Ministeru f’sitwazzjonijiet ulterjuri. Il-ħinijiet huma fuq bażi ta’ żewġ shifts, mit-8.00 a.m sat-8.00 p.m, mit-Tnejn sal-Ħadd.
Leg 13 PQ #13628 Sitting 317 2020-04-01 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Board — audit

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamenari 13457 fejn ġie kkonfermat li sar audit dwar l-operat tal-Gozo Sports Board, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet kollha u jgħid x'kien l-eżitu ta' dan l-audit u x'irregolaritajiet instabu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 13457.
Leg 13 PQ #13153 Sitting 316 2020-03-30 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — nefqa fuq fuel/petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12617 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li ntuża mill-Ministeru kull sena matul l-2017, 2018 u 2019? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dan għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.