Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa — Assistenti Parlamentari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux Assistenti Parlamentari fil-leġiżlatura ta' bejn is-sena 2008 u s-sena 2013? Jista’ jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali rwol, kemm dawk finanzjarji kif ukoll perkaċċi oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-leġiżlatura ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2013 fil-Ministeru għas-Saħħa kien hemm Assistent Parlamentari, li kien Peter Micallef. Għall-kundizzjonijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Papers Laid numru 7378 tal-11-il Leġiżlatura li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ispeaker fl-10 ta’ Ġunju 2011. Fit-tweġiba, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm indikat li l-Assistenti Parlamentari bejn l-2008 u l-2013 kienu jitħallsu 65% ta’ Skala 1 tas-Servizz Pubbliku (ekwivalenti għal €29,577.60ċ, skont il-grad tal-lum), flimkien ma’ servizzi ta’ linja fissa tat-telefown u mowbajl.

Health Campus — parking

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm pjan mill-Ministeru dwar kif il-Health Campus għandu jkollu faċilitajiet aħjar għall-parking privat li jkun aktar adekwat u jlaħħaq mad-domanda? Meta se jiġi mniedi dan il-pjan u kif?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal fejn eżattament qed jirreferi.

Sptar Mater Dei – multi-level car park – parking sensors

Question

B’referenza għall-multi-level car park preżenti tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei, u peress li t-tariffa raħset, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux possibbli li jsiru parking sensors fuq kull livell, biex jindikaw fejn hemm postijiet tal-parkeġġ battala, u b’hekk jiġi ffrankat is-sewqan bla bżonn fid-diversi livelli tal-multi-story parking? Qatt saru testijiet dwar il-livell ta’ kontaminazzjoni fl-arja f’dan il-parkeġġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tat-tender il-ġdid tal-management tal-parkeġġ fl-isptar, li anke wassal biex jorħsu t-tariffi tal-parkeġġ għall-pubbliku, jorbtu lill-operatur biex jinvesti f’sistemi ġodda li jiffaċilitaw l-użu tal-parkeġġ mill-pubbliku. Dan fl-istess waqt li jiggarantixxi li t-taxpayer Malti ma jissussidjax il-ħidma kummerċjali ta’ dan l-operatur privat kif kien isir qabel. F’dawn l-aħħar sitt xhur rajna tibdil b’saħħtu fl-infrastruttura tal-parkeġġ u dan it-tibdil se jkompli għaddej. Uħud mill-miżuri li ttieħdu huma: - Investiment f’magni ġodda u iżjed robusti għal pagament tal-biljetti tal-parkeġġ. Rajna wkoll żieda ta’ dawn il-magni f’postijiet strateġiċi biex nevitaw bottlenecks ta’ nies li kienu jkollhom jistennew biex iħallsu l-biljett tal-parkeġġ. Naqqasna il-ħin li dawn il-magni kienu jkunu reġistrati bil-ħsara b’madwar 95%. - Sistema ġdida ta’ ‘scan and go’ x’ħin toħroġ mill-parkeġġ li naqset il-ħin tal-proċess bin-nofs, b’benefiċċju dirett għal min juża s-servizz u min ikun qed jistenna warajh. - Daħħalna sistema ta’ tidal lanes li tara t-tlett karreġġjati fil-parkeġġ pubbliku jkollhom żewġ entrati fil-ħin ta’ filgħodu, u exit waħda u bil-maqlub fil-ħin marbut mal-ħruġ mill-parkeġġ. Din it- tidal lane system hija kkontrollata awtomatikament u tirrejagixxi għad-domanda skont il-bżonn. - Daħħalna parking availability monitor marbut mas-sistema tal-ħruġ u dħul fil-parkeġġ li turi biċ-ċar id-disponibbilita’ tal-parkeġġ qabel wieħed jidħol fl- area . Se nkomplu nsaħħu din is-sistema b’miżuri oħrajn li jeżistu fis-suq wara li nkunu għamilna l-investimenti neċessarji. Iż-żona ta’ parkeġġi mgħottija fl-isptar hija kkontrollata b’sistema intelliġenti ta’ monoxide sensors direttament konessi mal-BMS tal-isptar.

Sptar Mater Dei – Tariffa tal-clamping

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kienet ir-raġuni għalfejn żdiedet it-tariffa tal-clamping minn €34 għal €60? Din kienet mossa biex tagħmel tajjeb għar-roħs ta’ tariffa tal-parkeġġ fil-Multi-story parking?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-concession tender tal-management tal-parking ta’ Mater Dei indika rata ta’ clamping ta’ €60 li hija simili bħal dik f’parkings pubbliċi oħrajn, bħal l-airport u l-parking ta’ l-Imġarr Għawdex. Fuq inizjattiva tal-Ministeru infetħu negozjati mal-kuntrattur u dan ġentilment qabel li din ir-rata tiġi riveduta għal €40 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019. Ma teżisti l-ebda konnessjoni bejn it-traħħis ta’ bejn 15-20% fir-rati tal- parking u din iż-żieda minima fil- clamping rate . (€34.95>€40) It-traħħis fir-rati jibbenefikaw minnu eluf ta’ nies li jużaw il-faċilitajiet ta’ parkeġġ, filwaqt li l-impatt tal- clamping jinħass minn ftit għexieren li jabbużaw u juru nuqqas ta’ rispett għal ħaddieħor.

Ċentru taż-Żejtun – persuni li jattendu u li għandhom nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7791, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mill-24 persuna li għandhom nuqqas ta’ saħħa mentali jattendu kull ġimgħa fiċ-Ċentru taż-Żejtun? X’attivitajiet qegħdin jiġu organizzati lil dawn il-persuni matul il-ġimgħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-24 persuna li għandhom nuqqas ta’ saħħa mentali jattendu regolarment kull ġimgħa fiċ-Ċentru taż-Żejtun. Dawn il-persuni isirilhom OT assessment, Taħriġ tal-ADLs inklużi l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura personali u l-ħiliet domestiċi, jagħtu s-setgħa lill-utenti tas-servizzi biex jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet offruti mill-gruppi soċjali preferuti tagħhom kif ukoll carer programs.

Sptar Mater Dei – Parkeġġ riservat għall-Membri Parlamentari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid lill-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei biex jaċċerta li l-postijiet ta’ parking riservati għall-membri parlamentari ma jsirx parking fihom minn terzi, fosthom konsulenti u oħrajn, għax sar impossibli li ssib post vojt fil-parking allokat għall Membri Parlamentari? Għaliex m’għadux ikun hemm security f’dan il- parking biex jaċċerta li jipparkja biss min hu intitolat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parking bays riservati għal membri parlamentari attivi huma immonitorjati minn parkers b’mod kontinwu. Dan il-monitoraġġ jwassal għal azzjoni meta xi ħadd jipparkja b’mod abbużiv mingħajr il-permessi meħtieġa.

Brexit – Effett fuq il-Mediċina u d-Dentistrija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk Brexit jistax jaffettwa r-rikonoxximent reċiproku dwar id-degress fil-Mediċina u d-Dentistrija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Mediċina u d-Dentistrija huma professjonijiet irregolati mid-direttiva tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku. Il-Withdrawal Agreement jissalvagwardja r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba qabel id-29 ta’ Marzu 2019 kif ukoll dawk l-applikazzjonijiet li jkunu bdew qabel id-data tat-tranżizzjoni, jiġifieri qabel Diċembru tal-2020. Wara dik id-data, sakemm ma jsirux arranġamenti speċifiċi fuq il-livell tal-Unjoni Ewropeja, ir-rikonjoxximent awtomatiku ma jibqax fis-seħħ. Iżda f’din l-eventwalita’, Malta tkun tista’ tirregola l-mod kif tixtieq tirrikonoxxi l-kwalifiċi tar-Renju Unit bħala pajjiż terz u f’dan ir-rigward ser jittieħdu miżuri biex ma tiġix affettwata l-provvista tas-servizzi mit-tobba li jiġu mir-Renju Unit. Il-Gvern ser jagħmel l-almu tiegħu sabiex il-kwalifiċi tat-tobba, dentisti u professionijiet fil-qasam tas-saħħa li llum igawdu mir-rikonoxximent reċiproku jkunu jistgħu jibqgħu jiġu rikonoxxuti ġewwa r-Renju Unit b’mod effiċjenti u trasparenti. Jidher li din ukoll hija x-xewqa tar-Renju Unit skont id-dokument “The Future Relationhsip between the United Kingdom and the European Union”.

Sptar Mateer Dei — ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huma l-ħaddiema barranin li qed jaħdmu fl-Isptar Mater Dei bħala health professionals, bħala tobba; u bħala infermiera? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-infermiera Maltin li ggradwaw u applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u qed jaħdmu fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema barranin bħala health professionals li qed jaħdmu fl-Isptar Mater Dei huwa ta’ 118 bħala tobba u 159 bħala infermiera. Kien hemm 68 infermier/infermiera Maltin gradwati li applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u bdew jaħdmu fl-Isptar Mater Dei fis-sena 2018. Ma dawn wieħed irid iżid 99 infermiera oħrajn li ġew ingaġġati fl-2018 li iżda qed jagħtu servizz barra Mater Dei.

Sptar Mater Dei — infermiera

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid separatament għas-sena 2017 u għas-sena 2018, kemm huma l-infermiera Maltin li reġgħu daħlu lura għax-xogħol meta qabel ma kenux fil-kotba tad-dipartiment fis-sena 2018; kemm huma l-infermiera Maltin li rtiraw bil-pensjoni jew invalidità; u kemm huma l-infermiera Maltin li ggradwaw u applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u qed jaħdmu l-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid x’inhu mistenni li jkun il-building capacity tal-infermiera għas-sena 2019 għad-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2018, kien hemm 9 infermier/infermiera li reġgħu daħlu lura għax-xogħol bħala re-employment u re-instatement. Kien hemm 36 infermier/infermiera li fl-2017 rtiraw bil-pensjoni jew invalidità filwaqt li sal-aħħar t’ Awwissu tal-2018, kien hemm 3 infermier/infermiera li rtiraw bil-pensjoni jew invalidità. Fis-sena 2018, kien hemm 68 infermier/infermiera Maltin gradwati li applikaw biex jaħdmu mad-dipartiment u bdew jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Ma dawn kien hemm 90 infermiera oħra li fl-2018 ġew ingaġġati mad-dipartiment tas-Saħħa u li qed jagħtu s-servizz tagħhom.B’hekk fl-2018 it-total ta’ infermiera li ġew ingaġġati mad-dipartiment tas-Saħħa kien ta’ 167. L-ammont approvat bħala żieda fin-numru nett bħala building capacity tal-infermiera għas-sena 2019 għad-Dipartiment tas-Saħħa huwa ta’ 118 infermier. Dan barra ingaġġ ta’ infermiera biex jissostitwixxi infermiera li jiġu promossi, jirreżenjaw, jew jirtiraw. Barra r-reklutaġġ ta’ infermiera Maltin li jirritornaw għas-servizz u gradwati ġodda, qed isir kull sforz possibbli biex jiġu ingaġġati ukoll infermiera barranin biex inkomplu ntejbu s-servizz lill-pazjenti.

White Flags – spiża għall-Proġett

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-ispiża għall-proġett tal-White Flags u kemm minnhom kienu Fondi Ewropej?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett tal-White Flags ma kienx organizzat mill-Gvern għalhekk ma kien hemm l-ebda spejjeż involuti.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema - Xogħol

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5332, 2190 u 273 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa hemm 594 ħaddiema li huma mpjegati tal-Gvern u li pre¿entament għandhom kuntratt definit. Il-maġġoranza huma Foundation Doctors u Basic Specialist Trainees. Dawn l-impjegati għandhom kuntratt definit hekk kif hu ddeterminat mill-Ftehim Settorali tal-Klassi Medika. Aktar minn hekk, nsibu wkoll infermiera barranin li huma mpjegati fuq kuntratt definit li fil-perjodu ta’ prova jkunu obbligati li jgħaddu b’suċċess mill-e¿ami tal-lingwa Maltija. Għandna wkoll ħaddiema li jkunu rtiraw u reġaw ġew ingaġġati mas-Servizz Pubbliku li għandhom il-kuntratt tagħhom definit minħabba li kull sena l-kuntratt tagħhom ikun rivedut minħabba s-saħħa u sigurta’ tal-pazjenti. Il-figura msemmija aktar ‘il fuq ma tinkludix ħaddiema li jaħdmu ma’ kumpaniji li jagħtu servizz lill-entitajiet imsemmija.

Ministeru għas-Saħħa — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook li huma amministrati mill-Ministeru għas-Saħħa u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għas-Saħħa u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm 16 il-paġna/profili fuq facebook li huma amministrati mill-Ministeru għas-Saħħa u mill-entitajiet/dipartimenti tiegħu. Dawn huma: https://www.facebook.com/PharmacyOfYourChoice https://www.facebook.com/HPDPMalta/ facebook.com/materdeihospital/ facebook.com/siranthonymamoocologycentre/ https://www.facebook.com/Primary-HealthCare-Malta-372164399465754/ www.facebook.com/pg/MaltaNationalHealthScreeningProgrammes https://www.facebook.com/Lifestyle-Clinics-Primary-HealthCare-Malta-819155314867232/ https://www.facebook.com/fmsmalta https://www.facebook.com/bloodmalta/ https://www.facebook.com/Healthcare-Standards-Directorate- https://www.facebook.com/Environmental-Health-Directorate-Malta-145027878928626/ https://www.facebook.com/foodsafetyweekmalta/ https://www.facebook.com/dhirmalta/?ref=br_rs https://www.facebook.com/DPAMFH/ http://www.facebook.com/CPSUMFH https://www.facebook.com/kennghalsahhtek/

Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar — applikazzjonijiet pendenti għal spiżeriji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet (u jekk hemm kemm hu l-ammont lokalità b’lokalità) pendenti sabiex jinfetħu aktar spiżerija fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar u jekk kienx hemm applikazzjonijiet li ġew rifjutati fl-aħħar 10 snin fl-istess lokalitajiet (b’mod separat, lokalità b’lokalità)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’San Pawl il-Baħar hemm 33 applikazzjoni pendenti għal spiżeriji, fil-Mellieħa 10 u fin-Naxxar 13.

Ċimiterju tal-Mosta — applikazzjoni għal permess ta' rampa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, fir-rigward tal-applikazzjoni għall-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar jekk sarx ix-xogħol ta’ alterazzjoni fir-rampa li hemm fin-naħa t’isfel taċ-Ċimiterju tal-Mosta? Jekk le, meta ser isir ix-xogħol li huwa tant meħtieġ sabiex in-naħa t’isfel taċ-Ċimiterju tal-Mosta jkun ukoll aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din il-kwisjoni qegħda tiġi diskussa mad-Dipartment tal-Artijiet kif ukoll mal-Awtorita’ tal-Ippjanar, sabiex jiġu regolarizzati proċeduri li kienu saru xi 20 sena ilu.

Sptar Mater Dei — Embrijuni frizati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid attwalment kemm hawn embrijuni ffriżati bħalissa fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 11 il-koppja li għandha l-embrijuni friżati fl-Isptar Mater Dei. Fil-każijiet kollha l-intenzjoni hi li l-embrijuni jintużaw fiċ-ċikli li jmiss.

Strep Pneumonia Meningitis

Question

B’referenza għat-tilqima ta’ Strep Pneumonia Meningitis jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-ħsieb tal-Ministeru biex jintroduċi t-tilqima b’xejn lil kull tifel u tifla biex b’hekk jitnaqqas r-riskju tal-mard?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħala parti mill-programm tal-Gvern biex isaħħaħ il-prevenzjoni kontra l-mard infettiv, bdew proċeduri biex tinxtara l-vaċċin Pneumoccal Conjugated vaccine għat-tfal. Din ser tkun qed tingħata aktar tard din is-sena.

Lista’ ta’ stennija għal kull speċjalità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7944, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista ta’ stennija għal kull speċjalità li għandha chairperson fid-dixxiplina speċjalizzata fl-Isptar Mater Dei għall-outpatients u għal kull tip ta’ operazzjonijiet hekk kif tidher nhar l-1 ta’ Jannar 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa — nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7522 waqt is-seduta ta' nhar is-26 ta' Novembru 2018, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari numru 7522.

Ftuħ ta' Spiżeriji — kriterji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-kriterji stabbiliti sabiex tinfetaħ spiżerija f’lokalità f’Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-artiklu 4 ta’ L.S 458.16 Regolamenti dwar liċenzji għall-ispiżeriji: (1) L-għadd ta’ spiżeriji li tista’ tinħarġilhom liċenzja fil-konfini ta’ xi belt jew raħal m’għandux ikun ta’ inqas minn tnejn, u dawk l-ispiżeriji għandhom ikunu jinsabu f’distanza ta’ mhux inqas minn tliet mitt metru bil-pass ’il bogħod minn xulxin: Iżda dik id-distanza m’għandhiex tapplika fil-każ ta’ spiżeriji li diġà jkollhom liċenzja dakinhar li jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti: Iżda wkoll ma tista’ tiftaħ ebda spiżerija f’distanza ta’ tliet mitt metru bil-pass minn xi spiżerija li tkun tinsab f’xi belt jew raħal fil-viċin. (2) F’kull belt jew raħal l-għadd ta’ spiżeriji m’għandux jeċċedi l-proporzjon ta’ spiżerija għal kull elfejn u ħames mitt abitant. (3) L-għadd ta’ abitanti ta’ belt jew raħal għandu jitqies li jkun l-għadd ta’ abitanti ta’ dik il-belt jew raħal skont ma jiġu pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.

Il-Mellieħa — Ċimiterju Omm il-Ħniena - permess għal estensjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ħareġ il-permess mill-Awtorità għall-Ippjanar għall-estensjoni taċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-permess għall-estensjoni taċ-Ċimterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa bin-numru PA 5636/07, kien ġie approvat fil-25 ta’ Novembru 2011. Peress li ma kien sar l-ebda forma ta’ xogħol mill -Gvern Nazzjonalista jew mill-Kunsill Lokali, dak iz-zmien immexxi minnu stess, l-Awtorita’ reġgħet ntalbet biex iġġedded il-permess u dan nħareġ fil-11 ta’ Ottubru 2017. Ix-xogħol nbeda f’Diċembru 2018 wara li kienet ħarġet sejħa għall-offerti u l-kuntratt kien iffirmat f’Novembru 2018.