Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċirkewwa Columns — Proġett – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Ċirkewwa Columns u meta huwa ppjanat li jintemmu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tat-Terminal taċ-Ċirkewwa kien ilu jissemma sa mis-snin disgħin, kien intqal li l-proġett kien se jsir kollu sal-2003, u fir-realtà tlesta kważi 10 snin tard, lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Agħar minn hekk, il-Ministeru għat-Trasport kien ġie infurmat li l-proġett kellu ħsarat strutturali u xquq fil-konkos. Studji intensivi u testijiet tekniċi kienu kkonfermaw li jeżistru difetti fil-kolonni u travi tal-‘Passenger Gangway’ u għalhekk kellhom jibdew diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati biex tinstab soluzzjoni. Ġie deċiż li jibdew sensiela ta’ provi (trials) biex ikun stabbilit xjentifikament l-iktar metodu u materjal addattat għat-tiswija u biex isiru t-testijiet fuq l-istess xogħol. Bħalissa qed isir ix-xogħol ta’ tranġar fuq id-difetti fil-proġett ta’ 12 -il sena ilu u mistenni jitlesta lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Ċirkewwa Columns — Proġett – Stima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li ser jiswa l-proġett ta’ Ċirkewwa Columns?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet tal-l-proġett ta’ Ċirkewwa Columns ġie jiswa €240,121 f’xogħlijiet ta’upgrading. Dawn ma jinkludux l-ispejjeż li daħal għalihom il-kuntrattur biex jiġi rettifikat l-ħsara li kien hemm fl-istrutturi.

Triq il-Marfa, Ċirkewwa — Proġett – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Triq il-Marfa, Ċirkewwa u meta huwa ppjanat li jintemmu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet il-ħidma fuq proġett infrastrutturali bil-għan li tiffaċilità u torganizza b’mod aħjar it-traffiku madwar it-Terminal taċ-Ċirkewwa. Dan seħħ bi tlestija ta’ korsija kontinwa ddedikata għall-karozzi li sejrin lejn Għawdex mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-Terminal taċ-Ċirkewwa. Infrastructure Malta ħatfet l-opportunita’ biex waqt li t-triq kellha ħtieġa ta’ manutenzjoni, rabtet dawn ix-xogħlijiet mal-proġett ta’ riorganizzazzjoni Permezz ta’ dan l-investiment ta’ 7 miljun ewro qed jiġi ffaċilitat it-traġitt għal persuni li jridu jaqsmu l-fliegu mingħajr ma jingħalaq l-aċċess għal partijiet ta’ madwar it-Terminal għal ħaddiema, it-trasport pubbliku u traffiku li ma jkunx sejjer Għawdex. Din il-konġestjoni tat-traffiku għal dawn l-aħħar 13-il sena telfet is-servizz ta’ trasport pubbliku u dak t’emerġenza meta l-istennija tal-karozzi għall-vapur qabżet ’il barra mill-marshalling area, u ħoloq sfidi kbar għal oħrajn li riedu jaċċessaw iċ-Ċirkewwa f’dawn il-ħinijiet, fosthom vetturi t’emerġenza u bugħaddasa. Dan il-proġett sar biex jindirizza wkoll numru rekord ta’ traġitti li qed jiġi rreġistrat lejn u minn Għawdex. Il-proġett sar fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, bl-istrutturi tal-ħadid li jifirdu liż-żewġ karreġġjati nbiddlu u minflokhom saru strutturi tal-konkrit li huma ċeritifikati li joffru l-aqwa sigurtà possibbli. Il-bidla ta’ dawn l-istrutturi, li Infrastructure Malta introduċiet għall-ewwel darba fl-2019, għamilha iżjed possibbli biex jintrebaħ iżjed spazju li jista’ jintuża b’mod iktar effettiv. Id-disinn il-ġdid tat-triq ħaseb biex jiġi eliminat l-ivvjaġġar ta’ vetturi min-naħa għall-oħra, waqt li ġiet installata sistema ta’ dawl ġdida u żieda fil-miżuri ta’ sigurtà. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, li bdew f’nofs Frar (19 ta’ Frar) tlestew kif imwiegħed qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajf.

Il-Fgura — Triq bejn Triq il-Foss u Triq Kottoner - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jerġa’ jsir xogħol fit-triq bejn Triq il-Foss u Triq Kottoner fil-Fgura, in vista tal-fatt li reċentement din it-triq kienet saret mill-ġdid? Jekk iva, jista’ jgħid kemm se ddum magħluqa peress li din it-triq tintuża ħafna?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal liema triq qed jirreferi.

Garaxxijiet – Kaxxi sofor biex ma jsirx parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex m’għadhomx jiġu mmarkati kaxxi sofor ġodda u lanqas isir refreshing quddiem bibien ta’ garaxxijiet privati biex ma jkunx jista’ jsir parkeġġ quddiemhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żebgħa u s-sinjali relatati mal-aċċessi tal-garaxxi isiru skont S.L 65.11 li tghid: Art 77 (2): "Ebda persuna ma għandha tipparkja jew tħalli bla għassa xi vettura bil-mutur b'dak il-mod li ma tħallix xi vettura bil-mutur ta' persuna oħra milli jkollha dħul jew ħruġ libertu għal jew minn xi post użat u immarkat b'mod ċar bħala garaxx bil-kelma 'GARAXX LI QED JINTUŻA" u Art 77 (4): "Ebda persuna ma għandha tiżbogħ jew iġġiegħel li jinżebgħu xi marki tal-karreġġata fuq kull naħa tat-triq quddiem id-dħul jew il-ħruġ ta' xi fond immarkat bħala garaxx: Iżda l-Awtorità tista' tapprova ż-żbiegħ ta' sinjali sofor doppji fuq kull naħa jew naħa waħda talfond immarkat bħala garaxx jew fuq in-naħa opposta tat-triq biex tiżgura d-dħul u l-ħruġ bla ebda periklu ta' vettura bil-mutur fi u minn dak il-garaxx" Għaldaqstant, ġaladarba l-garaxx ikun qed juri t-tabella “Garage in Use”, dan huwa suffiċjenti sabiex ħadd ma jkollu dritt jimblokka l-aċċess u l-Awtorita’ għandha dritt tapprova linji sofor mal-ġenb jew faċċata tal-garaxx. Imbagħad, nirreferu ukoll għal kaxxi sofor li ġieli jsiru quddiem l-aċċess għall-garaxxi. Apparti li skont S.L. 65.11, dawn il-kaxxi sofor m’humiex kunsidrati bħala linji relatati ma’ projbizzjoni ta’ parkeġġ quddiem garaxx, skont S.L. 65.05, kaxxa bajda u kaxxa safra għandhom l-istess użu, allura dak ta’ parkeġġ. Għaldaqstant, fl-interpretazzjoni tal-Awtorita’, meta jkun hemm kaxxa safra quddiem garaxx ifisser li wieħed jista’ jipparkja u din tista’ tkun ta’ kunflitt ma’ art 77 ta’ S.L. 65.11 meta jkun hemm it-tabella “Garage in Use” u allura wieħed ma jistax jimblokka l-aċċess.

Testijiet tas-Sewqan – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx lista twila ta’ persuni jistennew biex jagħmlu t-test tas-sewqan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-kategorija tal-muturi (Kategorija A) u tal-vetturi żgħar (Kategorija B) hemm stennija ta’ madwar disgħa ġimgħat, filwaqt li għall-kategoriji tat-trakkijiet (Kategoriji C u D) hemm stennija ta’ madwar tnax il-ġimgħa.

Testijiet tas-Sewqan – stennija ta’ tmien ġimgħat jew aktar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istennija ta’ tmien ġimgħat jew iktar, biex isir test tas-sewqan hijiex xi ħaġa normali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi normalment iż-żmien ta’ stennija għat-testijiet tas-sewqan ikun bejn sitta u tmien ġimgħat, iżda dan jista’ jvarja minn diversi fatturi, fosthom l-ammont konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet li l-Awtorità tirċievi minn żmien għal żmien u li jaffettwa l-operat tad-dipartiment ikkonċernat.

Testijiet tas-Sewqan – raġuni għad-dewmien u stennija twila

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni tad-dewmien u stennija twila biex persuna tagħmel test tas-sewqan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dewmien għat-testijiet tas-sewqan jirriżulta minn diversi fatturi fosthom: • l-ammont konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet li l-Awtorità tirċievi minn żmien għal żmien; • il-fatt li f’ dawn iż-żminijiet tas-sajf ikun hemm żieda fl-applikazzjonijiet għat-testijiet tas-sewqan; • l-eżaminaturi jaħdmu bil-ħinijiet ridotti tas-sajf u għalhekk isiru ammont ta’ testijiet inqas.

Xufiera tat-trakkijiet tal-linja li fallew it-test tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xufiera tat-trakkijiet tal-linja li jkunu fallew it-test tas-sewqan għall-erbgħa jew ħames darbiet għadhomx jitħallew fit-triq isuqu r-rotot pubbliċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Xufiera li fallew it-test tas-sewqan li ġew mibgħuta Sqallija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’Ġunju li għadda ntbagħtux żewġ gruppi ta’ xufiera li jammontaw għal kważi 90 ruħ, fi Sqallija wara li għamlu t-test tas-sewqan erbgħa jew ħames darbiet u ma għaddewx?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta toħroġ biss permessi lix-xufiera li m’humiex mill-Unjoni Ewropea li jissodisfaw ir-regolament 5 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.18 ‘Regolamenti dwar Liċenzi għas-Sewqan ta’ Vetturi bil-Mutur’; kif ukoll sezzjoni 3 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.56 ‘Regolamenti Dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri’.

Xufiera li fallew it-test tas-sewqan li ġew mibgħuta Sqallija — Liċenzja proviżorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera li fallew it-test tas-sewqan u li ġew mibgħuta Sqallija, terġax tinbdilhom is-sena tal-liċenzja hekk imsejjħa proviżorja biex isuqu t-trakkijiet tal-linja fuq ir-rotot Maltin meta jiġu lura minn Sqallija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20561.

Birkirkara — Triq Madre Maria Theresa Spinelli - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li għaddej fi Triq Madre Maria Theresa Spinelli, f’Birkirkara, u meta hu ppjanat li jkun lest hekk kif ir-residenti issa ilhom xhur jgħixu fit-trabijiet, b'uħud minnhom qed ibatu anke minn problemi respiratorji?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tal-bini tat-triq beda f’nofs Mejju li għadda u l-ewwel saff ta’ asfalt ingħata fit-8 ta’ Lulju. It-triq għandha tkun lesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Iż-Żejtun — Triq Santa Fawstina, Triq San Ġużepp, Triq San Porfirju, Triq San Piju X, Triq Beland, Triq Santa Monika - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq Triq Santa Fawstina, Triq San Ġużepp, Triq San Porfirju, Triq San Piju X, Triq Beland, Triq Santa Monika, iż-Żejtun u meta ntemm? Kemm kien proġettat li ser jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm effettivament ġew jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett Triq Santa Fawstina, Triq San Ġużepp, Triq San Porfirju, Triq San Piju X, Triq Beland u Triq Santa Monika, Iż-Żejtun huwa parti mill-pjan tal-Gvern biex jwettaq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun f’seba’ snin biex tiġi msaħħa l-kwalità u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq. Triq Santa Fawstina tlestiet f’Jannar 2023 u swiet €20,895.71 excl VAT. Triq San Ġużepp tlestiet f’Jannar 2023 u swiet €40,337.98 excl VAT, Triq San Porfirju tlestiet f’ Jannar 2023, u swiet €53,509.63 excl VAT, Triq San Piju X tlestiet f’Jannar 2023 u swiet €75,411.80 excl VAT, Triq Beland tlestiet f’Jannar2023 u swiet €32,867.61 excl VAT filwaqt li Triq Santa Monika tlestiet f’Jannar 2023 u swiet €87,461.94 excl VAT.

Proġett Pinto 4/5 & Lascaris – Proġett – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ ‘Pinto 4/5 & Lascaris’ u meta huwa ppjanat li jintemmu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett ta’ Pinto 4/5 & Lascaris, 50% tal-proġett huwa lest u beda jintuża minn cruise liners kbar mill-aħħar ta’ April li għadda. Ix-xogħlijiet bdew fl-2022 u mistennija jkunu kompluti kollha sa l-aħħar tal-2026.

Chadwick Lakes — Proġett – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Chadwick Lakes u meta huwa ppjanat li jintemmu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol inbeda f’Awwissu 2023. F’dan l-istadju l-intervent fejn kien hemm il-kollass in-naħa tat-triq jinsab fi stadju avvanzat ta’ kostruzzjoni. Biss, minħabba li fl-aħħar xhur kien hemm kollas fuq in-naħa l-oħra tal-banju, qed isiru diskussjonijiet biex isiru l-istimi u disinji neċessarji biex jiġi irranġat ukoll il-parti li waqgħet riċenti. B’hekk dawn ix-xogħlijiet jiġu amalgamati fil-proġett li għaddej bħalissa. Għaldaqstant, f’dan l-istadju m’aħnix f’pożizzjoni li nagħtu data meta x-xogħlijiet ser jitlestew.

Ras Ħanżir Land Reclamation — Proġett – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Ras Ħanżir Land Reclamation u meta huwa ppjanat li jintemmu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-land reclamation f’Ras Ħanżir, proġett li se jżid l-ispazji ta’ mollijiet kummerċjali fil-port bi 28,000 metru kwadru, inbeda fl-aħħar ta’ l-2022 u huwa pproġettat li jkun lest lejn l-aħħar tas-sena 2026. Dan hu proġett pjuttost uniku għall-pajjiżna fejn anke l-makkinarju li qed jintuża qed ikollu jinġieb minn barra l-pajjiż. Il-kuntratt tax-xogħlijiet tal-proġett ta’ Ras Ħanżir jammonta għal €55,449,463.64 VAT eskluż.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Segretarju Parlamentari għax-Xogħljiet Pubbliċi - Press conferences

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, jgħid kemm saru press conferences mis-Segretarjat Parlamentari u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll: (i) x’kienet it-tema; (ii) kemm ġiet tiswa din il-press conference; (iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.); (iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol; (v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost.