Jista' l-Ministru jgħid kemm giet esportata patata? Ta' liema tip kienet il-patata esportata? Liema huma dawk il-pajjizi li lejhom giet esportata? L-ammont ta' patata li giet esportata lejn kull pajjiż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi din l-informazzjoni hija waħda ta’ natura purament kummerċjali u ma tinġabarx mill-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-gvern jaħdmu fil-park ta' Ta' Qali? Hu minnu li dan il-park se jkun privatizzat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi s-sezzjoni tal-PARK, li hi responsabbli ukoll tal-ġnien Nazzjonali f Ta’ Qali, tħaddem 151 persuna. Il-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li dan il-park jiġi privatizzat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi mikrijin u kemm hi l-ispiża mħallsa mid-Dipartiment tal-Biedja? Kemm hemm karozzi weqfin jistennew spare parts u kemm ilhom jistennew? Hu veru li m'hemmx flus biex jinxtraw l-ispare parts imma hemm flus biex jinkrew il-karozzi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi d-dipartiment tal-Agrikoltura għandu 4 karozza mikrija u l-ispiża hi ta €1050 fix-xahar. Bħalissa m'hemm l-ebda karozza wieqfa tistenna spare parts.
Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd — Rapporti ta' Kunflitt ta' interess
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx daħlulu rapporti ta' kunflitt ta' interess fil-konfront tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd? Jekk iva, meta daħlulu? X' kienu dawn ir-rapporti u x' passi ħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress illi fil-Ministeru tiegħi ma teżistix il-kariga ta' Direttur Ġenerali tal-Agrikoltura u Sajd nitlob lill-Onor Interpellant biex jispeċifika għal-liema Direttur Ġenerali qiegħed jirreferi. Però, tajjeb jingħad li meta l-Ministeru jirċievi rapporti ta’ kunflitt ta’ interess li huma sostnuti jimxi skont il-proċedura stabbilita.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bring-in sites għall-iskart separat f'kull lokalità f'Malta? Min hu responsabbli mit-tindif tagħhom u l-areas ta' madwarhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Minn dawn il-WasteServ tieħu ħsieb 32 biss sit li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà diretta tal-kunsilli lokali.
Furjana — Triq Sant' Anna - Tnaddif, tkaħħil u tibjid tal-loġoġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa xogħol ingħatat u kemm kienet in-nefqa sabiex il-loġoġ fi Triq Sant' Anna l-Furjana tnaddfu, tkaħħlu u tbajjdu f'April/Mejju 2010? Jista' jitkompla dan ix-xogħol fl-aktar triq imniġġsa f'pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xoghol sar taħt is-superviżjoni tat-taqsima tal-Uffiċċju tal-Proġetti Għar-Rijabilitazzjoni. Ix-xogħol sar mill- ħaddiema tal-IPSL. Fuq dan ix-xogħol ingħataw 1328 siegħa u tlesta fil-5 ta’ Ġunju u ġie jiswa kif ġej;
Spiża tal- pagi € 9772.79
Spiża ta’ materjal € 6878.30
Spiza totali €16651.09
Ix-xogħol huwa maħsub li jitkompla fl-aħħar ta’ Novembru. Sadanitant sar ukoll xogħol fuq is-
subway
minn entità governattiva oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjan li jiżviluppa canteen adegwat għal ħaddiema tal-biċċerija u d-distributuri minflok is-suppost canteen limitat li jeżisiti llum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalissa fil-Biċċerija tal-gvern għaddej eżerċizzju ta’ żvilupp ta’ canteen. Dan l-eżerċizzju qed isir bi skop li jinfetħu aċċessi separati għall-imjegati tal-biċċerija u d-distributuri skont il-kategorija ta’ xogħol li jagħmlu u huwa parti minn strateġija kontinwa biex jitjiebu aktar il-kontrolli fuq il-proċessi tal-iġjene. Nikkonferma wkoll, li hemm applikazzjoni pendenti quddiem il-MEPA għall-alterazzjonijiet li ġew mitluba biex isir dan.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-ħaddiema tal-biċċerija u d-distributuri huma mistennija li jbiddlu qabel jibdew ix-xogħol, fi spazju verament limitat u dan meta din iċ-changing room trid tintuża minn aktar minn mitt ruħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Biċċerija għandha changing rooms separati għall-ħaddiema tal-biċċerija u d-distributuri. Huwa inkorett li wieħed jgħid li dawn iż-żewġ changing rooms huma ta’ spazju limitat kif ukoll li jintużaw minn aktar minn mitt ruħ. Fil-preżent, matul il-ġurnata, fiċ-changing room tal-impejgati tal-biċċerija tintuża minn 32 biċċier, u fiċ-changing room fejn ibiddlu id-distributuri qed tintuża minn madwar 35 ruħ. Ta’ min isemmi ukoll, li dawn iż-żewġ changing rooms huma diġà atrezzati biex jakkomodaw għal aktar persuni.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir kontra l-irwejjaħ li huma kawża tal-karkassi ta' bhejjem u fdalijiet oħra li suppost qed jinħarqu fl-inċineratur il-ġdid tal-Marsa u li qed jeffettwa lir-residenti fil-viċinanzi tal-biċċerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Interpellant għal stqarrija maħruġa mill-kumpannija Wasteserv Malta nhar it- 22 ta’ Lulju 2010. Qed nehmeż kopja ta’ din l-istqarrija.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-inċineratur il-ġdid tal-Marsa mhux jaħdem? Jista' jgħid meta se jissewwa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-inċineratur tal-Marsa twaqqaf għal ftit żmien biex issir manutenzjoni ppjanata. L-inċineratur reġa' beda jaħdem regolari wara li sar ix-xogħol fuqu.
Marsaxlokk — Xatt is-Sajjied - xogħol ta' kostruzzjoni
Question
Jidhirlu l-Ministru li x-xogħol ta' kostruzzjoni mill-ġdid ta' Xatt is-Sajjied f'Marsaxlokk qed imur kontra l-istess liġijiet u regolamenti li jillimitaw ix-xogħol ta' kostruzzjoni eċċ.; li jsir fl-istaġun tas-sajf? Ma jaħsibx li mhux jmexxi bl-eżempju, meta suppost li japplika u jimplimenta dawn il-liġijiet u regolamenti ma' kulħadd? Għaldaqstant, jista' jgħid:
a) għaliex ix-xogħol fl-
upgrade
ta' Xatt is-Sajjied f'Marsaxlokk ingħata bidu għalih, mal-bidu tal-
peak season
turistiku;
b) min ħa din id-deċiżjoni;
ċ) meta huwa maħsub li x-xogħol jitlesta kompletament;
d) x'qed ikun l-effett fuq in-negozju;
e) dawk n-nies tan-negozju li joperaw minn Marsaxlokk u li x-xogħol naqqsilhom u/jew jinsabu bħalissa anke weqfien, minħabba dawn ix-xogħlijiet, se jingħataw kumpens;
f) x'tip ta' kumpens;
g) kemm se jiġi jiswa dan il-proġett; u
ġ) kemm sewa s'issa u jekk hux skont il-pjan finanzjarju ppjanat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi x-xogħol inbeda fi żmien maqbul mal-kunsill lokali u wara konsultazzjoni wiesgħa man-nies fin-negozju u anke meta ittieħed in konsiderazzjoni l-element tal-maltemp li jaħkem ix-xatt. Dan apparti illi fi proġetti li jieħdu ċertu tul ta-żmien bħalma kien ta’ Marsaxlokk bilfors ikun hemm overlap fuq xi perjodu importanti tas-sena.
Dwar l-effett fuq in-negozju irid jingħad illi waqt il-proġett is-sidien tan-negozji kienu kontinwament assistiti mill-ħaddiema tal-Ministeru tiegħi biex jonqos kull inkonvenjent li seta' kien hemm billi per eżempju ġew provduti b’aċċess adegwat għall-istabbilimenti għal-klijenti tagħhom bi ftehim kontinwu mal-GRTU. Issa li l-proġett huwa kważi lest in-negozji se jgawdu minn ambjent aħjar fejn iservu l-klijenti tagħhom u kull talba għall-kumpens m’hiex ġustifikata.
Il-proġett sewa kif ippjanat jiġifieri madwar żewġ miljun Ewro.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-gvern mhux qed iħallas lil Pitkali Crates Ltd? Jista' jgħid jekk il-kuntratt tal-Gvern ma’ Pitkali Crates Ltd jinkludix il-ħasil tal-kaxxi? Jekk iva, liema punt fil-kuntratt jispeċifika dan? Il-post fejn jinħaslu l-kaxxi fil-Pitkalija huwa skont l-istandard tas-saħħa u sigurtà? Min huwa responsabbli tal-infrastruttura tal-post fejn isir il-ħasil tal-kaxxi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-ħlasijiet lill-Pitkali Crates ltd twaqqfu minħabba li l-kumpanija mhux tonora partijiet mill-ftehim inkluż il-ħasil u l-providiment adegwat ta’ kaxxi. Lil dan il-Ministeru waslu diversi lmenti minn bdiewa rigward dan is-servizz. Dan wara diversi tentattivi mill-gvern biex il-kumpanija tottempra lilha nnifisha mal-istess ftehim.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Infiq f'reklamar fuq il-media
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefqu il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar (produzzjoni u reklamar attwali) għal kull sena bejn 2004 u 2010 f'dawn l-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali u pubblikazzjonijiet oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tidher fit-tabella ta’ hawn taħt:
Sena
Dipartimenti -Ewro
Wasteserv-Ewro
MRA-Ewro
2004
160317
172157
2304
2005
304627
74477
1258
2006
59482
305558
5118
2007
224022
469949
25708
2008
122659
185731
25740
2009
223564
70916
37150
2010
89403
60236
6812
Minn dawn l-ammonti, € 1,090,339 tħallsu minn fondi tal-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex titnaddaf l-area li saret qisha scrap yard tal-karrijiet tad-dgħajjes u li tinsab qabel ma tidħol għal Mellieħa Bay?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-karrijiet li hemm f’dan is-sit huma tas-sajjieda u qegħdin f’dan il-post temporanjament għal matul ix-xhur tas-sajf sabiex ikun hemm iktar spazju u immaniġjar aħjar għal dawk is-sidien li jniżżlu d-dgħajjes tagħhom għal gurnata biss. Fil-ġimgħat li ġejjin dawn il-karrijiet se jerġgħu lura f’posthom fis-sit magħruf bħala tat-Tunnara.
triq bejn Għajn Tuffieħa u x-Xemxija — telstija tal-bankijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li x-xogħol li qed isir fuq il-bankijiet tal-ġebel fit-triq bejn Għajn Tuffieħa u x-Xemxija jitlesta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-ħaddiema li kienu fuq dan il-proġett ġew assenjati temporanjament fuq xogħol ieħor urġenti. Dan ix-xogħol se jitkompla fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jara li l-bring-in-site li hemm f'St. Peter's Street, Mġarr b'mod urġenti titnaddaf għax is-servizz qed ikun abbuzat tant li qed joħloq inkonvenjent għall-ġirien ta' dawn in-numru ta' skips?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress lit-tindif ta’ din l-Bring - in - Site jaqa’ taħt ir-responsabilita tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr, dan ta’ l-aħħar ġie infurmat dwar il-kaz. Il-Kunsill qal li hu konxju tal-problema u għalhekk żied il-frekwenza tat-tindif tal-post biex jonqos l-inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu allokati fondi għall-SMPPMA tul il-program kollu u kif maqbul mal-kummissjoni Ewropea fit-Trattat tal-Adezjoni? Fuq liema setturi ġew allokati dawn il-fondi u fuq kemm snin? Kemm kellhom jitħallsu l-produtturi ta' kull settur skont kif maqbul fit-trattat? Kemm ġew imħallsa s'issa u jikwantifika kemm fuq kull settur? X'baqagħlhom jirċievu bħala sussidji l-produtturi u ta' liema snin huma dawn l-għajnuniet dovuti? X'passi u provizzjonijiet ħa l-gvern sabiex jiżgura li l-fondi jintużaw għall-iskop tal-iskema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi t-total ta’ fondi allokati ghall-SMPPMA tul il-program kollu u kif maqbul mal-Kummissjoni Ewropea fit-Trattat tal-Adezjoni huwa ta’ € 118.95miljun. Is-setturi li fuqhom ġew allokati dawn il-fondi huma tal-'Crops' (Ħaxix, Frott, Dwieli, Tadam)(mill-2004 sal-2014) u 'Animal Products' (Majjali, Baqar, Bajd u Tiġieġ) mis-sena 2004 sal-2010. Skont kif maqbul fit-trattat, il-produtturi kellhom jitħallsu skont il-produzzjoni li m'ghandhiex teċċedi s-ceiling indikat. Pagamenti sal-lum saru € 25.73m fuq is-settur tal-"Crops" u €49.63m fuq is-settur tal-"Animal Products". Sussidji dovuti jammontaw għal € 0.34m (2008) u € 2.7m (2009) għas-settur tal-"Crops" u € 1.23m (2008) u € 1.46m (2009) għas-settur tal-"Animal Products". Il-ħlasijiet ikun għadhom pendenti minħabba li biex wieħed jassigura li l-fondi jintużaw għall-iskop tal-iskema, jsiru spezzjonijiet u kontrolli.