Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rugby Nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tiddikjara jekk, in vista tad-dikjarazjonijiet tal-coach nazzjonali tar-Rugby Damien Neill, il-Gvern huwiex se jieħu bis-serjeta' l-ħtieġa li jinbena stadium tar-rugby f'Malta? Se jiżdiedu l-fondi għal dan l-isport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għall-Isports (KMS) ilu mit-twaqqif tar-Rugby Football Union jagħti s-sehem tiegħu għall-iżvilupp tal-logħba tar-Rugby f’pajjizna.Tul dawn l-aħħar ħames snin saret ħidma konġunta għal żieda fil-parteċipazzjoni tat-tfal f’dan l-isport. Dan qed isir bl-introduzzjoni tat-Tug Rugby kif ukoll tar-Rugby stess f’diversi programmi tal-KMS. Fl-istess waqt il-gvern qed jissusidja l-ħlas tal-faċilita’fejn isir it-taħriġ tar-rugby u l-kompetizzjonijiet tar-rugby fil-livelli differenti. Il- Gvern diġa’ kellu diskussjonijiet preliminari mar-Rugby Football Union dwar trasferiment ta’ art u l-iżvilupp ta’ l-art mill-Malta Rugby Football Unionpermezz tal-assistenza finanzjarja mill-International Rugby Football Union. Dan kien dikjarat ukoll fil-programm elettorali li fuqu ġie elett dan il-Gvern.

Benefiċċju ta' l-Istudenti

Question

Tista l-Ministru tipprovdi lista sena b'sena ta' a)suġġetti li studjaw/qed jistudjaw l-istudenti li bbenifikaw/qed jibbenifikaw mill-iskema tal-YSSS b) l-universitajiet barranin li offrew/qed joffru s-suġġetti rispettivi u ċ)l-ammont ta' studenti skond is-suġġetti u l-universitajiet rispettivi għaż-żmien kollu minn mindu l-YSSS daħlet fis-seħħ sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Edukazzjoni u Kultura — Reduced Hours

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li huma fuq reduced hours? Tista' tgħid hux tikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li hemm 127 persuna fid-dekasteru li jaħdmu bir-reduced hours. Kull talba għal xogħol bit-Teleworking tkun ikkunsidrata skon il-mertu tagħha. L-għan tat-Teleworking huwa li jikkontribwixxi għall-politika tal-Gvern li jippromwovi ambjent tax-xogħol li jgħin lill-familja ( family friendly ), l-Agenda ta’ Lisbona għal aktar ugwaljanza u impjiegi u użu akbar tal-facilitajiet ta’ l-ICT tal-Gvern. L-għanijiet prinċipali ta’ dawn l-arrangamenti għandhom jibqgħu il-job performance u li jintlaħqu l-ħtiġijiet tax-xogħol. Biex japplika għat-Teleworking, l-impjegat u s-superjur immedjat tiegħu għandhom jimlew Sezzjoni 1 ta’ l-Applikazzjoni għat-Teleworking (li kienet mehmuza maċ-Ċirkolari Numru 6/2008 li ħareg l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-8 ta’ Frar 2008). Il-Kap tad-Dipartiment imbagħad jimla’ Sezzjoni 2 u, jekk japprova t-talba, jgħaddiha lill-Human Resources Manager jew lid-Direttur għas-Servizzi Korporattivi (DCS). Wara li l-HR Manager jew id-DCS jaraw l-applikazzjoni, din tgħaddi għand is-Segretarju Permanenti għall-approvazzjoni finali tiegħu. Wara l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti, isir assessment tal-bżonnijiet ta’ l-impjegat, inkluż it-taħrig tekniku li jkun hemm bżonn.

Sannat — Applikazzjoni għall-għalliema

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 124, peress li f'Għawdex għandna unit speċjali f'Ta' Sannat, tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm-il sejħa għall-applikazzjoni għall-għalliema ħarġet f'din l-unit f'din l-iskola f'dawn l-aħħar tlett snin separatament, kemm applikaw u kemm eventwalment ġew ingaġġati? Tista' inoltre tgħid jekk f'dawn is-sejħiet isirux xi interviews jew x'tip ta' proċess sar biex ġew magħżula?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li fl-aħħar tlett snin ma saret l-ebda sejħa għall-applikazzjoni għal għalliema għall-iskola ta’ Prof. Ġuże Aquilina, Sannat Primary C. Il-Unit li hemm f’din l-iskola jagħmel parti mill-iskola Primarja. Għaldaqstant meta jkun hemm nuqqas ta’ staff isir il-proċess normali ta’ trasferiment.

Festival tan-nar

Question

Tista' l-Ministru tara li flimkien mal-Malta Tourism Authority, il-festival tan-nar li jmiss jiġi organizzat fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra, possibilment fuq il-baħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Festival tan-Nar dejjem gie organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-Malta Tourism Authority u għaldaqstant il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qatt ma kellu x’jaqsam ma’ l-organizzazjoni ta’ dan il-Festival. Pero ser ngħaddi s-suġġeriment lill-Ministeru konċernat.

Eżami ta' Profiċjenza

Question

Billi studenti li jitħajru jidħlu għall-kors ta' għalliem fl-Universita' ta' Malta qed jintalbu joqgħodu għall-eżami ta' profiċjenza fl-Ingliż u/jew fil-Malti, skond il-każ partikolari, tista' il-Ministru tara li dawk l-istudenti li jagħmlu dawn l-eżamijiet fil-fatt jingħataw xi forma ta' ċertifikat ta' dak l-eżami biex ikun jista' jintuża' aktar 'l quddiem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni qatt ma kkunsidrat li jingħata ċertifikat għall-imsemmi eżami għaliex l-iskop tiegħu huwa strettament iffukat fuq il-profiċjenza meħtieġa għal min qed japplika għall-kors ta’ Baċellerat bi tħejjija għall-professjoni ta’ għalliem/a. Biex ikun jista’ jintuza ‘l quddiem għal skopijiet oħra, jeħtieġ li jkun ikkunsidrat mill-ġdid il-format u l-kontenut ta’ l-eżami. L-eżami ma huwa bla ebda mod maħsub li jintuża għal xi skopijiet oħra barra mid-dħul fil-kors tal-Fakulta’. B’danakollu tlabt lill-Universita’ tikkunsidra l-proposta ta’ l-Onor. Interpellant.

Eurovision 2008

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm swiet b'kollox lill-kaxxa ta' Malta l-kompetitzjoni tal-Eurvision 2008 mill-bidu tal- kontestazzjoni sa l-aħħar ġurnata f'Belgrade? Wara voti sfaċċati bħal dawk, Malta se tkompli tipparteċipa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li n-nefqa tal-Kunsill Malti ghall-Kultura u l-Arti ghall-kompetizzjoni tal-Eurovision 2008 tammonta ghall- Ewro 46,588, u l-ispejjez l-ohra involuti f’dan il-festival gew minn Sponsors. Huwa l-hsieb tal-Kunsill li Malta tkompli tippartecipa f’dan il-festival.

UEFA

Question

Ġaladarba l-Parlament Ewropew ivvota bil-kbir kontra l-proposta tal-UEFA, peress li f'Malta m'hawnx free movement kif kontemplat mill-Unjoni Ewropea, tista' l-Ministru tgħid hux se jittieħdu passi kontra l-Malta Football Association biex din tirregola ruħha fuq ir-regoli ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk se jittieħdu xi passi, meta se jsir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rispota tinghata f'xi seduta ohra.

Skola Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-iskola Mater Dei fl-Imsida? Jekk hemm, x'inhuma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-iskola Mater Dei fiha studenti li għandhom problemi emozzjonali, soċjali u mġieba diffiċli. Din l-iskola ppjanata biex tilħaq il-bżonnijiet ta’ dawn l-istudenti. Il-funzjoni ta’ din l-iskola ser jibqa’ l-istess.

Tribunal Skolastiku

Question

Tista' il-Ministru tindika jekk it-Tribunal Skolastiku mwaqqaf taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni għal termini ta' artikli 42 (2) u (3)(liema artikli għadhom fis-seħħ stante li l-artkli l-ġodda baqgħu ma daħlux fis-seħħ) huwiex kompost? Jekk iva, kemm-il xahar dam dan it-Tribunal mhux kompost mal-elevazzoni tal-ġudikant sedenti għall-ġudikatura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, qabel ma saret ir-riforma għall-Att dwar l-Edukazzjoni, it-Tribunal Skolastiku kellu l-kompetenza sabiex jisma’ u jiddeċiedi appelli li jsiru quddiemu: (a) f’każ ta’ ċaħda ta’ xi applikazzjoni għall-liċenzja sabiex tinfetaħ skola; (b) meta min japplika għall-licenzja ta’ ftuħ ta’ skola ma jkunx ġie notifikat bil-miktub bid-deċizjoni fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-Ministru jirċievi l-applikazzjoni; (ċ) f’każ ta’ persuna li thossha aggravata b’deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għall-warrant ta’ għalliem u ta’ sospensjoni jew tħassir ta’ warrant ta’ għalliem. Fiċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq, il-liġi kif approvata mill-Parlament tgħid li min irid jappella għandu jagħmel dan quddiem il-Qorti ta’ l-Appell (Ġurisdizzjoni Inferjuri). Il-parti tal-liġi li tittratta dwar appell dwar liċenzja sabiex tinfetaħ skola hija diġa fis-seħħ. Dik il-parti tal-liġi li tittratta dwar appell fil-każ ta’ warrant ta’ għalliem ser tiddaħħal fis-seħħ malli jitwaqqaf il-Kunsill dwar il-Professjoni ta’ l-Għalliema.

Programmi ta' Long Life Education

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx programmi ta' Long Life Education? F'liema settur jeżistu dawn il-programmi? Kemm jattendu studenti għalih? Huwa ppjanat taħriġ ieħor f'oqsma ġodda u differenti? F'liema ħinijiet jingħata dan it-taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Progammi ta’ Lifelong Learning Education jaqgħu taħt id-Dipartiment tas- Servizzi għall-istudenti fi ħdan id-Direttorat tas- Servizzi Edukattivi. Bħalissa hemm 390 student jattendu l-Lifelong Learning Centre. Hemm diversi korsijiet li l-istudenti jattendu għalihom. It-taħriġ jingħata bejn 8.30am u 13.30pm. Id- Direttorat għal Servizzi Edukattivi dejjem impenjat li jaġġorna u jżid korsijiet f’oqsma edukattivi.

Ħarġiet minn membru Parlamentari

Question

Tista'il-Ministru tagħti tagħrif dwar liema proċedura trid jew tista'/tiġi użata biex membru parlamentari jorganizza ħarġiet għat-tfal ta' xi skola governattiva partikolari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħarġiet li jsiru waqt il-ħinijiet ta’ l-iskola huma kollha organizzati mill-iskola. L-ebda persuna jew entita’ ma tista’ torganizza attivita’ mingħajr ma din tkun approvata mill-Kap u parti mill-programm edukattiv tas-sena skolastika. Persuni jew entitajiet jistgħu jagħmlu suġġeriment lill-Kap ta’ Skola.

Universita' ta' Malta — Taħriġ

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28886 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 590 dwar taħriġ fl-Universita' ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-preżent għaddejjin taħdidiet mal-Unions li jirraprezentaw lill-istaff akkademiku fuq l-aħjar mod kif xi taħrig imsemmi fil-mistoqsija jigi indirizzat.

Kapijiet u Assistenti Kapijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex? Tista' tindika wkoll fejn m'hemmx Kap jew Assistant u fejn hemm persuni li huma fil-kariga imma bħala acting?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Universita' ta' Malta — Promozzjonijiet/appointments

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 29278 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 604 dwar promozzjonijiet u appointmentsfl-Universita' ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Universita’ ta’ Malta tippublika l-listi ta’ promozzjonijiet ta’ membri ta’ l-istaff akkademiku fuq il-website tagħha. Infatti kemm il-darba jkun hemm rapporti f’xi gazzetti fuq dawn il-promozzjonijiet. Ħatriet mhux akkademici ta’ l-Universita’ li huma ta’ natura għolja bħal ta’ uffiċjali ewlenin, jiġu ppublikati wkoll fuq il- website ta’ l-Universita’. Sal-lum m’hemmx l-użanza li ħatriet oħra jiġu ppublikati.

Warrant permanenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 29588 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 610 dwar warrant permanenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-preżent hemm 151 għalliem li s’issa m’għandhomx warrant permanenti. Dawn qed jgħallmu f’diversi skejjel u suġġetti (tabella ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra). Jingħataw il-warrant permanenti dawk li jkunu eleġibbli skond l-Att ta’ l-Edukazzjoni. Jekk ma jkunux konformi ma’ din il-liġi jingħataw il-warrant temporanju.

Luxol club

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29589 li saret fil-leġislatura li għaddiet f'seduta 610, tista' l-Ministru tgħid għaliex inħass l-ħtieġa li l-formula li ġiet addottata bosta drabi ma ġietx segwita f'dan il-każ imsemmi tal-klabb tal-Luxol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’ dan il-każ ma ngħatatx l-art lill-assoċjazzjoni sportiva Luxol ghaliex l-art hija ta’ l-iskola Primarja Biċe Mizzi Vassallo.. Il-ftehim, jipprovdi biss għall-użu , żvilupp u management ta’ l-art in kwistjoni. Il-Gvern jibqa’ l-propjetarju assolut ta’ l-art bi dritt ta’ użu sħiħ u esklussiv waqt il-ħin ta’ l-iskola.