Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tispeċifika għal-liema kuntratti qiegħda tirreferi.
Ministeru għal Għawdex – konsulenzi/kuntratti minn kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatatx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 13926 - Ministeru għal Għawdex konsulenzi u kuntratti minn kumpanija.pdf
Fid-dawl ta’ vandaliżmu ta’ siġar li seħħ reċentement fid-Dwejra, jista’ l-Ministru jgħid x’beħsiebu jagħmel biex jipprovdi aktar sigurtà ħalli dawn l-atti ma jerġgħux iseħħu? Jista’ jgħid hemmx investigazzjoni għaddejja u jekk iva x’irriżulta s’issa? Jista’ jgħid ukoll jekk fid-Dwejra hemmx stazzjonati persuni inkarigati mis-sigurtà u jekk iva kemm hemm?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li atti vandali bħal dawn huma ta’ stmerrija u kundannabli. Il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jitkellem mal-Kunsill Lokali sa’ San Lawrenz sabiex naraw kif atti bħal dawn ma jerġgħux isiru.
Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament kemm kienet in-nefqa tiegħu bejn l-2013 u l-2019 sena b’sena biex isir reklamar f’Għawdex bħala destinazzjoni turistika unika u distinta minn Malta? Jista’ jispjega kemm ser tkun din in-nefqa għas-sena 2020 u x’inhuma l-inizjattivi ppjanati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12998, jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tal-Ministeru u tal-entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12998.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jitneħħa l-periklu li hemm fi Triq l-Imġarr fil-Qala, Għawdex kull darba li tagħmel ix-xita? X' qed isir biex isiru water culverts f'din it-triq u dan peress li qed jinħoloq periklu għas-sewwieqa peress li l-ilma tax-xita meta saret it-triq erba' snin ilu ntefa' biex jgħaddi minn nofs it-triq? Jista' jiġi kunsidrat li l-ilma tax-xita jintefa' f'Wied Biljun b'tali mod li ma jagħmilx ħsara lir-raba' li hemm fl-istess Wied?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bi pjan ta’ ħidma mifrux madwar Għawdex kollu. Irrid ngħid li din it-triq mill-Qala li twassal sa Ta’Sannat, saret fil-leġiżlatura preċedenti, liema triq kienet ilha ma tara manutenzjoni għexieren ta’ snin.
Iż-Żebbuġ Għawdex — xogħlijiet fuq id-daħla tal-lokal
Question
Jista' l-Ministru jgħid issa li ngħalqet parti mid-daħla prinċipali għar-raħal taż-Żebbuġ f'Għawdex x'inhu x-xogħol li hu rikjest li jsir fis-sies li jagħti fuq id-daħla ta' dan il-lokal? Jista' jgħid x'evalwazzjoni tas-sies saret, minn min saret u jpoġġi kopja tal-istess evalwazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid hux se ssir sejħa pubblika għal dawn ix-xogħlijiet li hemm bżonn isiru? Jekk iva din inħarġet? Jista' jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq dan il-post peress li din hija l-uniku daħla b'sigurtà għall-vettura għal-lokal taż-Żebbuġ peress li l-ebda triq ohra li twasslek għaż-Żebbuġ ma hija aċċessibbli għat-Trasport Pubbliku jew vetturi kbar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol rikjest fuq dan is-sies huwa shortcrete u beda nhar l-Erbgha 22 ta’ April 2020. L-evalwazzjoni tas-sies saret minn Perit tal-Ministeru u kif ukoll minn espert imqabbad mill-Ministeru. Dan ix-xogħol qed isir fuq bażi ta’ direct order minħabba n-natura urgenti tax-xogħlijiet. Din id-direct order ingħatat lill-kumpanija Terracore.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ir-railing minflok il-ħajt tal-bricks li sar temporanjament fi Triq il-Madonna ta' Fatima fin-Nadur, f'dik il-parti tat-triq li kienet ċediet bl-ilma tax-xita?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tender biex issir Triq it-Torri ta' Sopu fin-Nadur waqa'? Jista' jgħid jekk dan it-tender hux ser jerġa’ jinħareġ u meta hu mistenni li jsir ix-xogħol fuq din it-triq peress li tinsab fi stat ħażin ħafna, minkejja li fl-aħħar tliet snin ir-residenti ġew imwiegħda diversi drabi mill-Ministeru għal Għawdex li din it-triq kellha issir fi żmien qasir imma qatt ma saret?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender waqa’ għaliex l-ebda offerta sottomessa ma laħqet il-kriterji amministrattivi, tekniċi u finanzjarji mitlubin fid-dokument tat-tender. Bħalma qiegħed isir m’ Għawdex kollu, il-Ministeru huwa kommess li din it-triq issir.
Ir-Ramla – Master Plan – proċess ta’ konsultazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12386 u jgħid min qed imexxi l-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-master plan tar-Ramla? Jista' jgħid jekk ġiex sottomess xi dokument biex iservi bħala bażi ta' konsultazzjoni u jekk iva jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża s’issa fuq dan il-proċess għall-master plan tar-Ramla u jispeċifika min tħallas s’issa u kemm? Jista' jgħid kif ser jitkompla dan il-proċess u meta hu maħsub li ser jingħalaq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ tender [call-off] u ġie assenjat Perit fuq dan il-proġett fis-26 ta’ Settembru 2019. Bdew l-ewwel stadji preparatorji, fejn ġiet sottomessa proposta u għaddejjin b’diskussjonijiet mal-Environment and Resources Authority. Għaldaqstant, għadu ma beda ebda proċess ta’ konsultazzjoni. Sa issa għad ma sar ebda pagament.
Ir-Rabat Għawdex — Triq ta' Wara s-Sur u Triq l-Imgħallem - tender
Question
Jista' l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar t-tender għat-Triq ta' Wara is-Sur u Triq l-Imgħallem ġewwa r-Rabat Għawdex, li kellhom issiru matul is-sena 2019 u jgħid jekk dawn ġewx awarded, u jgħid f'liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali u jitlestew fuq dawn iż-żewġ toroq arterjali fir-Rabat, Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għat-Triq ta' Wara is-Sur u Triq l-Imgħallem fir-Rabat Għawdex, ġie awarded, bix-xogħol infrastrutturali fuq dawn iż-żewġ toroq arterjali se jibda fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif tinfetaħ mill-ġdid Pjazza San Franġisk li bħalissa x-xogħol fuqha wasal fi stadju avvanzat. Dan sabiex ma jkunx hemm konġestjoni tat-traffiku ġewwa ir-Rabat.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12966, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12966 kollha kemm hi u jgħid jekk it-tender għall-parkeġġ ġewwa x-Xlendi ġiex ippubblikat u jekk le x’inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux it-tenders biex isir ix-xogħol neċessarju fuq il-parkeġġ u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol u jitlesta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li x-xogħol fil-parkeġġ tax-Xlendi jsir permezz ta’ framework contract. Ta’ min jgħid li preżentament, kważi lestejna x-xogħol fuq id-dry-standing facility fix-Xlendi għall-benefiċċju tas-sajjieda Għawdxin filwaqt li bil-ħaddiema tal-Gvern, qegħdin nagħmlu l-manutenzjoni neċessarja tal-waterfront.
Ministeru għal Għawdex — safar, fuel u hospitality - nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12291 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12102, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f’kull Dipartiment, Awtorità jew fil-Ministeru stess minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ħondoq ir-Rummien – spezzjoni minn uffiċjali tal-Ministeru
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10628 fejn intqal li fit-8 ta' Frar 2019 saret spezzjoni mill-Uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex fin-niżla li twassal għall-Bajja ta' Ħondoq ir-Rummien, jista’ l-Ministru jgħid x'sar fuq din l-imsemmija triq (niżla) li sar xogħol fuqha u li ġiet asfaltata fl-2015, peress li partijiet minn din it-triq qegħdin iċedu u huma ta' periklu għan-nies li jużaw din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Marsalforn — Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar - tenders
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13031 u r-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11414, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender għax-xogħol fuq it-toroq Santa Marija u Qbajjar f'Marsalforn, Għawdex ħariġx? Jekk ħareġ, dan ġie mogħti u meta hu mistenni jibda x-xogħol fuq dawn it-toroq? Jekk għadu ma ħariġx, meta hu mistenni li jiġi ppubblikat u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq dawn it-toroq li jintużaw minn eluf ta' karozzi kuljum speċjalment fis-sajf?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem fuq it-Tender document biex eventwalment dan jiġi ppublikat għal dawn it-toroq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12963 u jgħid kemm kien hemm persuni li kienu jokkupaw il-pożizzjoni ta' person of trust fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b'sena mit-8 ta Marzu 2013 sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tender: Framework agreement for the provision, maintenance and regular collection of open skips at various sites in Gozo
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender 'Framework agreement for the provision, maintenance and regular collection of open skips at various sites in Gozo. (CfT CA Unique ID: MGOZ/MPU T 32/2019)' li għalqet fis-17 ta' Ġunju 2019 u jgħid jekk din it-tender ġietx awarded u jekk le x'inhuma r-raġunijiet li din it-tender għadha ma ġietx awarded u meta se tiġi awarded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjoni għal award tas-sejħa għall-offerti saret lura fit-2 ta’ Awwissu 2019, iżda, għal dik ir-rakkomandazzjoni, ġiet sottomessa oġġezzjoni mal-Bord tar-Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB). Wara li l-PCRB kkonferma r-rakkomandazzjoni tal-bord tal-aġġudikazzjoni, din id-deċiżjoni sussegwentament ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Appell. Wara l-aħħar deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell, qed terġa’ ssir ri-evalwazzjoni tal-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti biex isir breakwater ġewwa Marsalforn? Jista' jgħid meta hu mistenni jibda x-xogħol fuq dan il-proġett li issa ilu mwiegħed snin u ssemma f'numru ta' budgets fl-aħħar ħames snin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadhom għaddejjin l-istudji neċessarji.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12976, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-Għar tal-Mixta fin-Nadur u l-inħawi tal-madwar u liema pjanta tkun tindika wkoll liema proprjetà hija privata, liema proprjetà hija pubblika u liema proprjetà hija pubblika però mwellija għand persuni privati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 12976, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.
Għawdex — Ir-Rabat – Pjazza Indipendenza – zebra crossing
Question
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 13073 u 13536, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet kollha u jgħid b'mod ċar:
1. Jekk Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex humiex toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
2. Jekk huma toroq arterjali, kif allura r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari hawn fuq indikata, kienet biex tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat?
3. Skont il-Ministru għal Għawdex, min hu l-Ministru konċernat?
4. X’għamel il-Ministeru issa, wara li saritlu l-mistoqsija u jaf li f’dan il-post ċentrali f’Għawdex hemm zebra crossings li mhumiex skont il-liġi biex is-sitwazzjoni tiġi rranġata qabel jiġri xi inċident li jkun fatali? u
5. Meta jiġri inċident minħabba dawn in-nuqqasijiet, f’liema Ministeru jew dipartiment ser iwaħħal? Jaf li qed jipperikola li jkun hemm xi inċident fatali u sadanittant qed jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet u jgħid x'passi ittieħdu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari numri 12338, 13073, 13536.