Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei u Residenza San Vinċenz de Paule — security cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li twaħħlu security cameras f'postijiet strateġiċi kemm fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule twaħħlu security cameras ġodda madwar il-kċina, il-Provision Stores u l-ispiżerija. Dwar dawn nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23063. Fl-Isptar Mater Dei twaħħlu security cameras f’postijiet strateġiċi primarjament bħala miżura kontra s-serq. L-istallazzjonijiet kollha saru skont il-liġi u l-postijiet li huma mgħassa bis-CCTV huma indikati permezz ta’ tabella.

Residenza San Vinċenz de Paule — cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni prinċipali li xprunat l-idea biex jitwaħħlu cameras tas-siġurtà f'diversi postijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-security cameras fir-Residenza San Vinċenz de Paule tqiegħedu fl-areas tal-Kċina, tal-Farmaċija u tal-Provision Stores. Il-Kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule hija waħda mill-akbar kċejjen f’Malta, fejn isiru l-fuq minn 3,000 ikla kuljum u taqdi l-bżonnjijiet tar-residenti ġewwa din ir-Residenza, li bħalissa jammontaw għal 1,200 resident. Wieħed jista’ jifhem l-operat kumpless u l-ammonti kbar ta’ ngredejenti u ikel li hemm bżonn sabiex isir dan l-ikel kollu. Propju għal dawn ir-raġunijiet twaħħlu s-security cameras, sabiex ikun hemm kontroll aħjar tal-area madwar il-kċina, liema kontrolli jgħinu biex ma jkunx hemm abbużi ta’ serq. Il-cameras iservu wkoll sabiex ikun hemm aktar kontroll ta’ aċċess u ipparkjar ta’ vetturi. Twaħħlu wkoll security cameras fl-area tal-Farmaċija u tal-Provision Stores peress li dawn is-sezzjonijiet jimmaniġġjaw ammont sostanzjali ta’ finanzi u għalhekk huwa mportanti li din l-area tkun sorveljata.

Sptar Mater Dei u Residenza San Vinċenz de Paule — security cameras - flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswewh is-security cameras li twaħħlu bħala sorveljenza fir-Residenza San Vinċenz de Paule u fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-security cameras li twaħħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule ġew jiswew €4,900.00. Dawn il-cameras twaħħlu wara li nġabru quotations skont il-provizjonijiet tal-Public Procurement Regulations. Fl-Isptar Mater Dei ġew installati għaxar CCTV cameras matul is-sena 2010. Il-prezz totali, li kien jinkludi l- wiring mis- CCTVs għall- multiplexers , kien ta’ €10,268.00.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — flus għas-safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2010 kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet għas-safar tal-Ministru u tal-Ministeru tiegħu, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-nefqa globali għas-safar kienet tammonta għal sitt mija u tlieta u għoxrin elf disa’ u tletin Ewro u tmintax il-ċenteżmu (€623,039.18).

Hyperbaric chambers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22096 u jgħid kemm hawn hyperbaric chambers fl-isptarijiet ta' Malta u Għawdex? Kemm swew flus biex inxtraw u ġew stallati l-hyperbaric chambers fl-istparijiet ta' Malta u Għawdex? Kemm fil-fatt tħarrġu persuni biex joperawhom? Min qed joperahom illum u kemm huwa n-numru ta' persuni/nies li iħaddmuhom? Jista’ l-Ministru jinfurmani jekk kienx hemm fondi li l-Unjoni Ewropea ħallset biex ikkumpensat it-taħriġ tal-persuni biex iħaddmu l-hyperbaric chambers fl-isptarijiet ta' Malta? Kemm mill-ispiża għax-xiri u l-istallazzjoni tal-hyperbaric chambers ġiet kumpensata mill-Unjoni Ewropea? Fuq bażi ta' sena kemm huma l-ispejjeż fixed, inkluż pagi, biex jitħaddmu l-hyperbaric chambers fl-isptarijiet ta' Malta u Għawdex? B'referenaza għall-hyperbaric chambers u esklużi l-ispejjeż fixed tagħhom, kemm tiġi tiswa “dive” ġo dawn ic-chambers, għal għaxra min-nies, f’fond ta’ sitt metri jekk jużaw ossignu pur?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei hemm żewġ hyperbaric chambers. L-ispiża biex inxtraw u ġew stallati dawn il- hyperbaric chambers kienet ta’ € 1,547,646.06 (eskluż 18% VAT). It-taħriġ meħtieġ biex jiġu mħaddma l-magni ingħata lill-impjegati kollha tal- Hyperbaric Unit tal-Isptar Mater Dei mill-istess kumpanija li forniet il-magni, bħala parti mill-proċess ta’ commissioning taċ- chambers ġodda. Dawn il-magni qegħdin jiġu mħaddma minn impjegati full-time tal-Isptar Mater Dei. Dan l-istaff jikkonsisti f’żewġ medical officers , tliet technicians , żewġ staff nurses u enrolled nurse . Ma kienx hemm bżonn u ma ħarġu ebda fondi mill-Unjoni Ewropeja għat-taħriġ tal-persuni li kienu ser iħaddmu l- hyperbaric chambers . Ix-xiri u l-istallazzjoni tal- hyperbaric chambers ma kienux finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropeja. L-ispejjeż biex jitħaddmu l- hperbaric chambers tal-Isptar Mater Dei fuq bażi ta’ sena jammontaw għal €368,000. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar dive ġol- hyperbaric chambers ma tistax tingħata għaliex hija domanda ipotetika li ma għandha l-ebda relevenza għall-użu taċ- chambers biex jiġu ttrattati divers u pazjenti. Dwar il- hyperbaric chambers fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Persuni li daħlu fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li daħlu fl-emerġenza ta' l-Isptar Mater Dei, matul Ottubru, Novembru u Dicembru 2010 u Jannar 2011 rispettivament? Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' persuni li daħlu fl-emerġenza matul ix-xhur, Ottubru, Novembru u Dicembru 2009 u Jannar 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei matul il-perjodu indikat huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt. It-tabella tinkludi wkoll dettalji dwar attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Xahar Attendenzi Xahar Attendenzi Differenza Ottubru 2010 9134 Ottubru 2009 8494 + 640 Novembru 2010 8944 Novembru 2009 8514 + 430 Diċembru 2010 8784 Diċembru 2009 8407 + 377 Jannar 2011 8998 Jannar 2010 8350 + 648

Sptar Boffa — Linear Accelerator - bunker

Question

Jista' l-Ministru jgħid ladarba jieqaf jintuża il-bunker tal-linear accelerator tal-Isptar Boffa, kemm-il sena trid tgħaddi biex isir użu ieħor mill-bini?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Isptar Boffa huwa mgħammar b' żewġ bunkers; u bħalissa qiegħed jitlesta it-tielet wieħed sabiex tkun tista titpoġġa fih linear accelerator ġdida. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Isptar Boffa irid ikompli joffri s-servizzi kollha lill-pazjenti morda bil-kanċer sakemm jitlesta u jibda jitħaddem iċ-ċentru ġdid tal-onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei. Il-bini jista jintuża b' mod immedjat wara li l-apparat eżistenti jiġi decommissioned - jiġifieri li jitneħħa mis-servizz kompletatament.

Dipartiment tas-Saħħa — konsulenza

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24192, jista' l-Ministru jgħid jekk hux permess li persuna f'kariga ta' Direttur f'dipartiment tal-Gvern, f'dan il-każ f'Dipartiment tas-Saħħa, ikollha rwol ta' konsulent ta' azjenda privata li topera fl-istess qasam?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li meta jkun hemm talba minn Direttur biex jaħdem fil-privat, kull talba titqies fuq il-merti tagħha u skont il-provvedimenti tal-Public Service Management Code u ukoll skont il-Code of Ethics kif elenkati f’part 1, para 5, tal-Public Administration Act. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi ħadd partikulari, ta’ min jissuġġerixxi li wieħed jagħti d-dettalji tal-persuna/i konċernat/i sabiex il-Ministeru tal-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jindaga dwar il-każ.

Mosta — Central Home - Qtugħ mill-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara l-kaz tal-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kienet tgħix is-Central Home il-Mosta fejn kienu jaqtgħulha mill-pensjoni u skont din is-sinjura minkejja li ħarġet minn hemmhekk, xorta waħda baqgħu jaqtgħulha l-flus mill-pensjoni? Hi rrapurtat ħafna drabi lis-social service u qalulha li mexxew l-każ.

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — voti approvati li ma ġewx utilizzati

Question

B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji item item, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-Voti taħt Contributions to Government Entities, Programmes and Initiatives u Kapitali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sezzjoni tal-Ġerantoloġija — dħul ta' aktar carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jdaħħal iktar carers fil-qasam tas-saħħa, fis-sezzjoni tal-Ġerantoloġija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li għalissa m’hemmx ħsieb li jiddaħħlu iktar carers mas-servizz pubbliku. Bħalissa is-servizz ta’ carers ġewwa San Vincenz De Paule huwa ipprovdut minn żewġ kuntratturi li huma Health Care Services u Novitas Ltd. Għadu kif ġie awarded kuntratt ġdid tal- caring lill-Health Care Services. Id-Dipartiment tal-Anzjani ħareġ l-ittra biex il-kuntrattur jibda fl-1 ta’ Frar 2011. Dan għadu ma bediex billi il-kuntrattur qed jistenna mid-dipartiment tal-kuntratti biex jiffirma l-kuntratt. Il-kuntratt ser ikun fih regoli tal-impieg biex il-kuntrattur il-ġdid jimpjega lill-impjegati ta’ Novitas bl-istess ħlas li kellhom ma’ Novitas anke jekk dan hu aktar milli huma mħallsa il-ħaddiema ta’ Health Care Services.

Sptar Mater Dei — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispiża tal-manutenzjoni tal-Isptar Mater Dei żdeditx għas-sena 2010 jew jekk baqgħetx stabbli bħal dik tas-sena 2009/2008? Jista' jgħid kemm kienet is-somma minfuqa fil-manutenzjoni ta' dan l-isptar f'dan il-perjodu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ispiza għal xoghol ta’ manutenzjoni fl-iSptar Mater Dei fl-aħħar tliet snin kienet kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Spiża 2008 € 8,087,607 2009 € 11,858,421 2010 € 11,742,613

Qasam tas-Saħħa — nies li marru l-customer care

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm li marru għand il-customer care tal-qasam tas-saħħa matul is-sena 2010? Kemm minn dawn il-każijiet li tressqu quddiem il-customer care tad-Dipartiment tas-Saħħa ġew solvuti wara dan l-intervent jew ingħatat soluzzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu impjegati persuni ġodda mal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010, xahar b'xahar u f'liema grad? Kif sar kull impjieg, ċioe jekk hux b'sejħa pubblika jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qasam tas-Saħħa — full compliment ta' nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bżonn nurses f'Diċembru 2010 biex ikun hemm il-full complement fil-qasam tas-saħħa? Veru li biex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas se jingaġġa nurses minn barra l-pajjiż? Jista' jgħid jekk dawn in-nurses humiex se jiġu ngaġġati b'kuntratt permanenti jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-complement tal-bżonnijiet tan-nurses fis-Servizz Pubbliku jinbidel skont il-ħtieġa u s-servizzi li qed noffru. Fl-2010 imtlew il-vakanzi kollha approvati mill-Gvern fil-Capacity Building Exercise. Din is-sena se nkomplu nimlew il-vakanzi skont l-istess Capacity Building Exercise għas-sena 2011. Dawn il-vakanzi imtlew kemm minn- nurses Maltin kif wkoll min nurses barranin, kemm mill-Unjoni Ewropeja kif wkoll minn pajjiżi oħra, skont sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fit-2 ta’ Frar 2010. Nurses barranin li mhux ġejjin mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja, jiġ u ngaġġati b’kuntratt definit ta’ tlett snin.

Qasam tas-Saħħa — full complement tal-paramediċi u mediċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bżonn ta' ħaddiema, paramediċi u mediċi fil-qasam tas-saħħa, minbarra n-nurses, biex ikun hemm il-full complement fl-istaff mediku u paramediku kollu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li fl-aħħar Eżerċizzju tal-Capacity Building hemm: · mitejn tlieta u ħamsin (253) vakanza fi gradi tal-klassi Medika; · u sitta u disgħin (96) vakanza fi gradi tal-klassi Paramedika.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas f'overtime matul is-sena 2010, xahar b'xahar fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — kirjiet ta' għamara, pitturi, pjanti u siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2010 sarux xi kirjiet ta' għamara, pittura/i, pjanti u siġar mill-Ministeru u/ jew dekasteri/entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-2010, il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u/jew id-dekasteri/entitajiet li jaqgħu taħtu m'għamlu ebda kirjiet ta’ għamara, pittura, pjanti jew siġar.