Legislature:
Category:
Reset
Active:

Furjana — allokazzjon ta' appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jiġu allokati l-appartamenti fi Triq l-Argotti u Triq l-Iljun, il-Furjana?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Preżentament hemm 3 binjiet – A,B u C. Bħalissa qed isir xogħol fuq il-finishing ta’ binja C. Din il-binja tkun lesta fl-aħħar ta’ Frar 2011. Binja B tkun lesta għall-aħħar ta’ Mejju 2011, waqt li binja A tkun lesta fil-bidu tal-2012. Meta x-xogħol jitlesta’, l-Awtorita’ tkun tista’ talloka r-residenti skont il-waiting list tagħha.

kwestjoni rigward pensjoni ta' persuna li kienet fl-RMA

Question

Tista' l-Ministru tindaga x'inhi r-raġuni li filwaqt li dawk il-pensjonanti li kienu fl-RMA u li kienu intitolati għall-pensjoni Ingliża, xi ftit tax-xhur ilu ħadu somma li kienet ittieħdet lilhom mill-pensjoni tagħhom mill-Gvern Malti u issa l-pensjoni tagħhom tal-bolol akkumulat sostanzjalment; pensjonant li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li ma kellux il-pensjoni Ingliża, iżda li xorta waħda kien magħhom u ħallas xorta l-istess bolol daqshom skont il-paga li kellu, baqa bl-istess pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

College Counsellor, Trainee Counsellor, Traniee Career advisor

Question

Peress li f’Għawdex ma hawn l-ebda college counsellor, trainee counsellor jew trainee career advisor bħalma hemm f’Malta mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, peress ukoll li għadu kemm kien hemm l-intervisti għal college counsellors li mill-erbgħa li għaddew, tnejn minnhom kienu Għawdxin, tista' l-Ministru tgħid għaliex ħadd minn dawk li għaddew ma’ kien offrut post fil-Kulleġġ ta’ Għawdex imma liż-żewġ Għawdxin intalbu biss jaċċettaw post f’kulleġġi f’Malta u dan meta f'Għawdex hawn bżonn ta' dawn is-servizzi ukoll?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar interviews li saru fit-30 ta’ Lulju 2010 għall-ħatra ta’ College Counsellors kien hemm żewġ applikanti li għaddew, waħda minn Malta u l-ieħor minn Għawdex. L-applikant Għawdxi rrifjuta l-pożizzjoni ta’ College Counsellor meta ġie infurmat bil-ħatra l-ġdida tiegħu. Is-servizz ta’ Trainee Career Advisor u Trainee Counsellor għall-Kulleġġ ta’ Għawdex ser jingħata minn professjonisti Maltin li ġew ingaġġati.

appelli pendenti quddiem l-uffiċċju tal-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm matul dawn l-aħħar tliet snin, appelli pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali? Tista' tikkonferma li dawn il-persuni ma jirċievu l-ebda benefiċċju soċjali sakemm jinstema' l-appell tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta jkun hemm proċedura ta’ appell għaddejja ma tistax tgħid li l-ebda benefiċċju ma jkun qed jitħallas. Jekk l-appell jkun dwar jekk persuna hiex intitolata għal benefiċċju, pensjoni jew għajnuna partikolari, dak il-benefiċċju, jew dik il-pensjoni jew għajnuna partikolari ma tkunx qed titħallas matul l-perjodu ta’ l-appell. Iżda, jekk l-appell ikun dwar ir-rata tal-benefiċċju, pensjoni jew għajnuna li tkun qed titħallas, il-benefiċċju, pensjoni jew għajnuna tkun għadha qed titħallas lil benefiċċjarju bir-rata li tkun qed tiġi kkontestata. Il-benefiċċjarju jista’ jkun qed jirċievi xi benefiċċju ieħor li mhux qed ikun ikkontestat waqt li l-proċedura ta’ appell tkun għaddejja. Jista’ jkun li membri oħra fl-istess familja jkun qed jirċievu benefiċċju separati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika dwar l-ammont ta' appelli pendenti quddiem l-uffiċċju tal-Arbitru tas-Sigurta' Soċjali.

Għawdex — Sannat - Skola tal-Mużika - Għalliem tal-Vjolin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20077 peress li l-istudenti tal-vjolin tal-iskola tal-mużika ta' Sannat, Għawdex qed jilmentaw għaliex l-għalliem li kellhom is-sena l-oħra li kien part-timer m'għadux f'din l-iskola u l-istudenti għadhom mingħajr għalliem, tista' l-Ministru tara jekk dan l-għalliem jistax jerġa' jibda jgħallem lill-istudenti tal-vjolin bħalma kien is-sena l-oħra peress li jidher li dan l-għalliem irid jerġa' jiġi jgħallem f'din l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif ġiet mgħarrfa l-Onor. Interpellanta fit-Tweġiba Parlamentari Nru. 20077, il-persuna li kienet tgħallem il-vjolin fuq bażi part-time fl-Iskola tal-Mużika tas-Sannat, applikat u ġiet magħżula biex tagħallem suġġett ieħor fuq bażi full time fi skola oħra. Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja ħareġ sejħa għall-Edukaturi għall-Adulti (Ċirkulari Nru. DLLL 10/10) bid-data 11 ta’ Ottubru 2010. Għalkemm applikaw erba’ persuni biex jgħallmu strings f’din l-iskola, meta ntbagħt għalihom biex jibdew jgħallmu, kollha esprimew problemi biex jgħallmu waqt il-ħinijiet li fihom topera din l-iskola. Hemm tnejn li lesti joffru s-servizz tagħhom minn Marzu li ġej. Id-Direttorat u l-amministrazzjoni tal-Iskola tal-Mużika f’Għawdex għadhom jippruvaw iħajjru aktar persuni kwalifikati biex jgħallmu l-vjolin f’din l-iskola. Sa issa, kull tentattiv sabiex jinstab għalliem part-time għadu ma rnexxiex.

Dritt għall-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk mara separata bi ftehim ta' separazzjoni li sar bonarjament għandhiex tieħu bi dritt is-sehem tagħha mill-pensjoni tal-eks raġel tagħha li meta kien qed iħallas is-social security contributions, il-mara kienet qed tagħti sehma bil-ħidma tagħha għall-familja u fid-dar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-dritt ta’ mara separata legalment b’mod bonarju għas-sehem tagħha mill-pensjoni tal-eks żewġa jiddependi mill-kontenut tal-istess kuntratt ta’ separazzjoni.

Diskriminazzjoni bejn Studenti tal-MCAST u studenti tal-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li studenti tal-MCAST li qed jagħmlu kors ta' tliet snin li jwassalhom għall-degree fl-Electrical/Electronic Institution qed jieħdu biss €400 fl-smart card tagħhom u stipendju ta' €85 fix-xahar, meta studenti tal-università li qed jagħmlu l-istess kors qed jieħdu €1400 fl- smart card u madwar €150 stipendju fix-xahar? Tista' l-Ministru tagħti raġuni għal dan peress li b'dak li qed jingħata lill-istudenti tal-MCAST, kulma dawn koprew kien biss il-kors li jiswa €350, meta dawn l-istudenti, sabiex jagħmlu dan il-kors għandhom bżonn: kotba li jiswew mat-€300, għodda li jiswew mal-€100, electronic kits li jiswew mal-€100 liema kits jinxtraw mingħand it-teachers u ma jistgħux jitħallsu bl-smart card, laptop li jiswa mas-€700, liema laptop jużawħ ħafna klassijiet biex jissimulaw circuits, stationery, photocopies, notes u ħafna iktar, li huma kollha spejjeż żejda fuq il-ġenituri tagħhom? X'inhi r-raġuni għal din id-diskriminazzjoni bejn l-istudenti tal-MCAST u l-istudenti tal-Università li qed jagħmlu l-istess kors, liema studenti tal-Università qed jiġu aġevolati aktar mill-istudenti tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST ma joffri ebda kors imsejjaħ Electrical/Electronic Institution. L-MCAST għandu l-Institute of Electrical and Electronics Engineering li joffri numru ta’ korsijiet. Mis-sena li għaddiet studenti li jagħmlu kors f’dan l-istitut fil-livell ta’ Higher National Diploma, jistgħu jagħżlu li jkomplu jistudjaw sena oħra u jieħdu degree. L-istudenti li jkunu qed jagħmlu l-Higher National Diploma jieħdu l-istess stipendju li jieħdu studenti li qed jagħmlu Diploma fl-Universita’. Dawk l-istudenti li jagħżlu li jagħmlu sena oħra biex jieħdu d-degree, f’dik is-sena jieħdu stipendju daqs kemm jieħdu studenti tal-Universita’ li jkunu qed jagħmlu kors simili fl-inġinerija. Għalhekk ma teżisti ebda forma ta’ diskriminazzjoni.

Community Work Scheme — ħaddiema fuq bażi full-time

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21745, hekk kif jidher li hemm numru ta’ ħaddiema li bħala parti mill-Community Work Scheme, qed ikollhom it-terminu tagħhom mġedded kull darba, għaliex qed jaghmlu xoghol tajjeb, tant li qed ikun hemm talba biex jitħallew ikomplu bix-xoghol li qed jagħmlu, tista' l-Ministru tgħid għalfejn il-gvern mhux jikkunsidra l-fatt li joffri impjieg fuq bażi full-time lil dawn il-ħaddiema? Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-mod kif qed jitħaddmu u jitħallsu dawn il-persuni ma jikkostitwixxix tħaddim b’kundizzjonijiet ta’ prekarjetà?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni li qed jipparteċipaw fil-Community Work Scheme kienu nfurmati minn qabel li x-xogħol hu ta’ natura temporanja. Infatti waħda mill-kundizzjonijiet ta’ l-iskema tgħid hekk “Il-persuni magħżula se jkunu qed jagħmlu 30 siegħa xogħol fil-ġimgħa ma’ entita’ li magħha jkunu ġew assenjati. Kull perjodu jkun ta’ mhux anqas minn sitt xhur (780 siegha) kull darba li persuna tiġi magħzula biex tipparteċipa. Kull ħidma ma’ kull entita’ hi fuq bażi temporanja u m’għandha fl-ebda ħin u ċirkostanza, tiġi meqjusa bħala mpjieg fiss jew permanenti.” Apparti dan, kull impjieg mall-Kunsilli Lokali hu regolat bi kriterji li jridu jiġu osservati għalhekk dawn ma jistgħux jaqbdu u jimpjegaw dawn il-persuni magħhom. Barra l-Kunsilli Lokali hemm ukoll NGO’s li qed jibbenifikaw minn din l-iskema. Rigward ħlas, il-parteċipanti qed jirċievu l-paga minima pro rata bla li ma jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ socjali. Dan għax huma m’humiex ikkunsidrati bħala ħaddiema imma huma parteċipanti fl-iskema.

informazzjoni dwar il-popolazzjoni taż-Żurrieq

Question

Tista' l-Ministru tgħid: kemm hemm nies fiż-Żurrieq li kienu ntitolati għall-benefiċċju tal-enerġija matul l-2009; kemm hemm nies residenti ż-Żurrieq li segwu programm ta’ riabilitazzjoni tad-droga matul l-2009; kemm kien hemm persuni reġistrati bħala persuni b’diżabilità fiż-Żurrieq matul l-2009; kemm kien hemm nies jirreġistraw għax-xogħol fiż-Żurrieq matul is-sena 2009; kemm kien hemm persuni fiż-Żurrieq li kienu reġistrati bħala single mothers matul l-2009; u kemm kien hemm studenti miż-Żurrieq li bdew kors l- MCAST u l-Univeristà matul l-2008 u ma komplewx l-istudji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ residenti fiż-Żurrieq li kienu ntitolati għall-benefiċċju tal-enerġija matul l-2009 kien 564, u n-numru ta’ residenti fiż-Żurrieq li kienu reġistrati bħala single mother matul l-2009 kien 189. Kien hemm 221 persuni reġistrati bħala persuni b’diżabilità fiż-Żurrieq matul l-2009. Fl-aħħar ta’ Diċembru 2009 kien hemm 158 persuni jirreġistraw għax-xogħol fiż-Żurrieq, li minnhom kien hemm 7 b’diżabilita’. Kien hemm 25 student miż-Żurrieq li bdew kors l-MCAST matul l-2008 u ma komplewx l-istudji tagħhom. 20 student miż-Żurrieq bdew kors fl-Universita’ ta’ Malta u ma komplewx l-istudji tagħhom. Filwaqt li ma kien hemm l-ebda persuna miż-Żurrieq li segwiet programm ta’ riabilitazzjoni tad-droga matul l-2009.

Każ ta' housing soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, dwar post tal-housing? Fiex waslet fil-waiting list imsemmija li ilha għaxar snin tistenna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li l-Onor. Interpellant mhux korrett fil-mistoqsija li qiegħed jagħmel, aħjar jagħti parir lill-persuna ndikata minnu biex titkellem mal-Customer Care Office tal-Awtorita’ tad-Djar.

każ ta' bullying f'iskola

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġu investigati rapporti li kelli mingħand familja li t-tfal tagħhom, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament u li jattendu l-Iskola Sekondarja Ġuże d'Amato f'Raħal Ġdid qed jiġu msawta u bullied serjament minn tfal oħra fl-istess skola u li dan il-bullying u swat seħħ anki fil-bini tal-istess skola? Jistgħu jittieħdu l-passi xierqa biex jieqaf dan il-bullying u swat li qed iħalli ħafna ħsara anki psikologika fuq dawn iż-żewġ addoloxxenti u l-attitudni tagħhom lejn l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-iskola taf bil-każ riferut għalih f'din il-mistoqsija parlamentari. L-istudenti involuti f'dan l-argument li kienu responsabbli għall-aġir mhux xieraq ġew esklużi mill-iskola immedjatament. Fil-ġranet li ġejjin se tissejjaħ case conference bil-professjonisti tas-servizzi tal-APPOĠĠ sabiex isir pjan għall-proviżjonijiet neċessarji kemm għall-vittmi, kif ukoll għall-aggressuri. L-istudenti qed jirċievu wkoll servizzi mill-Anti-Bullying Unit. L-iskola għamlet ukoll kampanja biex tqajjem kuxjenza dwar il-bullying u l-guidance teachers u l-counsellor qed jaħdmu kuljum fuq każijiet ta' bullying.

Dipartiment tal-Eżamijiet — tibdil fl-istruttura

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb għal xi bdil fl-istruttura fid-Dipartiment tal-Eżamijiet? Jekk iva, x'tip ta' bidliet qed jiġu kkunsidrati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa qiegħed isir review tal-MATSEC li jinkludi fih ir-rwol tad-Dipartiment tal-Eżamijiet. Sakemm isir dan ir-review mhux mistenni tibdil fl-istruttura ta’ dan id-Dipartiment.

skola sekondarja tal-bniet tar-Rabat f'Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jsir mill-iskola sekondarja tal-bniet tar-Rabat f'Malta? X'se jsir mill-kulleġġ li għalih tappartjeni biex ikollu skola sekondarja tal-bniet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-sena skolastika li ġejja l-iskola tar-Rabat sekondarja bniet se tibqa' tiffunzjona bħala skola, pero’ mhux se tilqa' fiha studenti tal-ewwel sena sekondarja. Jiġifieri din l-iskola tibda l-phasing out tagħha. Il-bniet tal-Kulleġġ San Nikola eventwalment se jkollhom skola ġdida. Sakemm tinbena din l-iskola, l-istudenti l-ġodda tas-sena d-dieħla, jiġifieri dawk deħlin fil-Form 1, se jmorru l-iskola tal-Mrieħel, li illum isservi bħala Junior Lyceum. Il-Kulleġġ San Nikola se jibqa' jkollu fih l-iskejjel li għandu din is-sena skolastika.

eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC — tibdil

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'bidliet hemm maħsuba fl-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC? X'xogħol sar s'issa fuq ir-riforma tagħha u meta hemm il-ħsieb li jiġu ppubblikati l-proposti ta' tibdil biex jiġu diskussi qabel jiddaħħlu fis-seħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Inħatar working group (grupp ta’ ħidma) fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCHE) biex jikkunsidra alternativi għas-sistema tal-eżamijiet tal-MATSEC li hemm bħalissa. L-għan aħħari ta’ dan ix-xogħol huwa li jiżdiedu n-numri ta’ studenti fil-livell post-sekondarju u terzjarju. Dan il-grupp mistenni li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu sal-15 t’April 2011. Wara, dawn ikunu ppublikati u diskussi qabel jittieħdu l-passi li jmiss.

tfal li qed jistennew li jiġu statemented

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li qed jistennew li jiġu statemented mill-bord imwaqqaf apposta? Kemm ilhom jistennew u meta hu maħsub li jiġu statemented?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tfal li ġew statemented mill-bord

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li ġew statemented mill-bord imwaqqaf apposta u li ngħataw l-għajnuna li talbu, iżda qalulhom li l-għajnuna tingħata if it is available?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-interpretazzjoni tad-diskors ‘if it is available’ hija li jekk ikun hemm LSA fil-klassi l-imsemmija tfal jigwadanjaw, iżda mhux neċessarjament jeħtieġu LSA. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm tfal dehru quddiem l-istatementing moderating panel u ġie rrakkomandat li dawn jistgħu jiġu mgħejuna mill-LSA u l-għalliema tal-klassi.

Skola Primarja ta' Pembroke — Kotba tal-Malti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21175 fejn ġejt mgħarraf li l-uniku ktieb tal-Malti li t-tfal tal-iskola primarja ta' Pembroke huma mistennija jixtru huwa l-Qawsalla, ninsab infurmat li dawn ġew ordnati jixtru ukoll Qawsellinu u testi u testijiet. Tista' l-Ministru tinvestiga dan l-ilment ta' għadd ta' ġenituri minn San Ġwann?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mistoqsija Parlamentari 21175 speċifikat li l-uniku ktieb tal-Malti li jixtru l-istudenti tas-Sekondarja tal-Form IV fl-iskejjel statali huwa l-Qawsalla. Fl-iskola ta’ Sir Luiġi Preżiosi/Kulleġġ Santa Klara Sekondarja Bniet Pembroke l-istudenti tal-Form IV jiġu mħajjra jixtru l-kotba msemmija, Qawsallinu u Testi u Testijiet. Iżda jekk xi studenti jsibu diffikulta biex jixtru dawn il-kotba, dawn jiġu pprovduti mill-iskola.

White Rocks — negozjati

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'’liema stadju waslu n-negozjati dwar il-proġett White Rocks?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati għadhom għaddejjin u l-informazzjoni dwarhom tingħata ladarba jkunu konklużi.

White Rocks — negotiating team

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri tan-negotiating team dwar il-proġett White Rocks?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati dwar il-proġett tal- White Rocks Sports & Leisure Village għadhom għaddejjin. Huwa fl-interess tal-pajjiż u tal-komunita’ sportiva li se tgawdi minn dan il-progett li dawn in-negozjati jseħħu f’ambjent seren biex jinkisbu l-aħjar riżultati possibli. Informazzjoni dwar il-proċess u dwar l-eżitu ta’ dawn in-negozjati tingħata fiż-żmien opportun, jiġifieri meta n-negozjati mal-proponenti jiġu konklużi u konsegwentament il-Gvern ikollu proposta dettaljata xi jressaq għall-approvazzjoni ta’ dan il-Parlament.

Reviżjoni fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali

Question

Taħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li jsir xi ħaġa u ssir reviżjoni fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali sabiex ġuvintur u xebbiet, li għalkemm mhux ta' età żgħira jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom u jitilfu l-impjieg tagħhom, jibbenefikaw minn xi għajnuna jekk idumu ma jsibu mpjieg?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor interpellant li meta persuna titlef l-impieg tikkwalifika għal benefiċċju għad-diżimpieg li jitħallas għal perjodu ta’ 156 ġurnata (madwar sitt xhur). Kif jintemm dan il-benefiċċju, jista’ dak li jkun jagħmel talba għal Għajnuna Soċjali għal waqt il-qgħad. Biex persuna tikkwalifika għal din l-għajnuna jittieħed għal fini tat-test tal-meżżi d-dħul tal-familja (household) kollha. Fir-rapport li sar biex tiġi aġġornata il-liġi dwar is-sigurta soċjali din kienet issue li ġiet diskussa.