Billi minn żmien għal żmien ikun hemm proċeduri fil-qrati, fejn meta jinżammu seduti quddiem xi espert, suppost li tinġabar ix-xhieda kollha f'seduta waħda, iżda mbgħad l-avukati (ħafna drabi l-avukati ta' dawk li jkollhom tort) jibqgħu ikaxkru kultant is-snin biex tinġabar ix-xhieda, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi jittieħdu biex dawn il-każi ma jirrepetux ruħhom? Min hu responsabbli biex jara li dawn il-każi ma jiġrux?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-mod ta' kif jitmexxew il-kawżi quddiem il-Qorti huwa prerogattiva assoluta tal-Qorti li quddiemha tkun qegħda tinstema' l-kawża. L-Eżekuttiv ma għandu ebda poter jew prerogattiva li jindaħal fil-mod ta' kif jiġu amministrati l-kawżi.
Madankollu l-Qorti tista' fl-aħħar tal-kawża, meta tkun qegħda tikkunsidra l-ispejjeż involuti fil-proċeduri u min għandu jħallashom, timmulta ulterjorment lil dik il-parti li tkun tawwlet il-proċedura għalxejn. Il-Qorti tista' wkoll tirreferi lill-avukat tal-parti li tkun tawwlet, lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja sabiex jiġi nvestigat.
Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ — isem ta' triq ġdida
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ għall-għoti ta' isem lit-triq il-ġdida fil-lokalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq ma rċieva l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Zebbuġ, għall-għoti ta' isem lit-triq il-ġdida fil-lokalita`.
Infurmat ukoll illi l-aħħar proposta ta' tismija ta' triq mibgħuta mingħand dan il-Kunsill kienet fl-24 ta' Awwissu tal-2004.
Għalkemm it-Tribunal Industrijali ma jaqax strettament taħt id-dekasteru tiegħu, jikkonsidra l-Ministru li bi ftehim jieħu ħsieb sabiex is-sentenzi tat-Tribunal Industrijali jiġu wkoll ippubblikati online fil-website tal-Ministeru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Peress li fuq domandi preċedenti l-Ministru kien wieġeb li ma tinżammx statistika dwar kemm inqatgħu kawżi mill-Qorti Kostituzzjonali u kemm minn dawn inqatgħu mill-individwu, peress li din hija kwesjtoni ta’ interess nazzjonali, jidhirlu l-Ministru li wasal iż-żmien li tibda tinżamm din l-istatistika?
Peress li għal għexieren ta’ snin saret prattika kostanti quddiem il-Qrati tal-Maġistrati li jsiru patteġġjamenti informali, jista' jintroduċi leġislazzjoni relattiva sabiex jirregolarizza din il-kwestjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-Mistoqsija Parlamentari nurmu 1703 li ngħatat tweġiba għaliha, indikat bil-preċiż kemm inqatgħu kawżi mill-Qorti Kostituzzjonali.
Għar-rigward it-tieni parti, s-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Tribunal Lokali — Kummissarju għall-Ġustizzja - smigħ ta' kawżi
Question
Minħabba l-fatt li t-Tribunali Lokali (Kummissarju għall-Ġustizzja) jinsabu mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha, u b’hekk dak li jkun mhux qed jirnexxielu jsib avukat li jiddefendih, jista' l-Ministru jerga’ jiċċentralizza s-smigħ ta’ dawn il-kawżi fil-bini fejn jinstemgħu wara l-ħin tal-kawżi l-oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għalkemm hemm argumenti fuq kull naħa, l-posizzjoni preżenti hija li dawn ma jerġgħux jiġu ċentralizzati.
Pubblikar ta' verbali tal-kumpilazzjonijiet u ta’ appelli Kriminali
Question
Jikkonsidra l-Ministru li jieħu ħsieb li l-verbali tal-kumpilazzjonijiet u ta’ l-appelli Kriminali jigu wkoll ippubblikati online kif qed jiġu s’issa ppubblikati l-verbali f’kawżi ċivili?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għalkemm lest li nikkunsidra dak li qed jipproponi l-Onorevoli Interpellant, wieħed irid joqgħod ferm attent, fejn si tratta ta' proċeduri kriminali, li tiġi osservata mhux biss il-kelma imma anke l-ispirtu tal-Artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali. Fil-waqt li r-regola fiċ-ċivil hi li l-atti huma aċċessibbi għal kulħadd, fil-kriminali r-regola hi bil-kontra u, ċioe' li huma biss il-partijiet u l-avukati tagħhom li għandhom aċċess għall-atti u d-dokumenti tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa l-Qorti, persuni fuq abbuż ta' minorenni matul din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena, il-pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 17-il persuna fuq akkużi ta' abbużi sesswali fuq minorenni.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2008 u Jannar 2009 kemm ġew irrapurtati każi ta' vjolenza domestika:
a) kontra nisa?
b) kontra rġiel?
ċ)kontra tfal?
X'passi ttieħdu dwar dawn il-każi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2008 u Jannar tal-2009, kien hemm 477 u 57 persuna rispettivament li allegatament sfaw vittma ta' vjolenza domestika. Dawn kienu kif ġej:-
Sena 2008 Jannar 2009
nisa 339 nisa 42
irġiel 92 irġiel 13
tfal 46 (minuri taħt 18-il sena) tfal 2 (minuri taħt 18-il sena)
Infurmat ukoll illi, f'kull każ, il-Pulizija tipproċedi skont il-Liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mil-multi, f'ċifra ta flus mill-Qrati ta' Malta u Għawdex matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jgħarrafni bl-istess tagħrif għall-istess perijodu matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-dħul mill-multi, f'ċifra ta' flus mill-Qrati ta' Malta u Għawdex kien kif ġej:-
L-ewwel erba' xhur tal-2009 € 743,131.00
L-ewwel erba' xhur tal-2008 € 550,278.82
L-ewwel erba' xhur tal-2007 € 429,166.29
L-ewwel erba' xhur tal-2006 € 394,315.61
L-ewwel erba' xhur tal-2005 € 343,058.21
Persuni li applikaw biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni biex jidħlu mal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar sejħa li kien hemm riċenti? Kemm kien hemm rġiel u kemm nisa? Kemm kien hemm applikanti li kellhom il-marka tal-Ingliż li kienet fi grad sitta (6)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 237 persuna, 194 irġiel u 43 nisa, li applikaw għal dħul ta' taħriġ għal kuntistabbli skont sejħa għal applikazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-10 ta' Marzu 2009. Minn dawn kien hemm 40 applikant li kellhom il-marka tal-Ingliż fil-grad 6.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8315, jista' l-Ministru jagħti xi ftit aktar dettalji? Japprezza li hawn qed nitkellmu fuq allegati mediċini foloz?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għalkemm ma jkunx opportun illi jingħata tagħrif fuq investigazzjoni li tkun għadha mhix konkluża, nista` ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jirriżulta li l-mediċina allegatament falza la kienet intiża għas-suq lokali u lanqas ma nbiegħet jew tpoġġiet fis-suq lokali. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkjesta Maġisterjali ġiet magħluqa fl-24 ta' Ottubru 2008.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-fond/negozju li dettalji dwaru qed jingħataw separatament fil-fatt għandux permess ta' negozju għal wara l-11pm? X'inhu jsir biex tali ħanut ma jkunx ta' inkonvenjent għar-residenti ta' madwar, partikolarment fid-dawl tar-rapporti numerużi li jsiru lill-Pulizija li donnhom iżda ma jservu għalxejn? Aktar minn hekk, jekk tali ħanut għandu permess għal wara l-11pm, dan kif ħareġ meta l-fond hu mdawwar dawra tond bil-bini residenzjali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija jirriżulta li l-ħanut imsemmi mill-Onorevoli Membru għandu l-permessi meħtieġa sabiex jopera wara l-11pm. Infurmat ukoll illi l-Pulizija tagħmel spezzjonijiet spissi fl-istabbilliment imsemmi u fejn jirriżulta li jkun hemm xi ksur tar-Regolamenti, il-Pulizija tieħu provvedimenti skont il-Liġi. Għar-rigward tal-aħħar domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Mobile phones u fixed lines
Question
Jista' l-Ministru jinforma jekk hemmx xi impjegati tal-gvern, inkluż is-segretarjat tal-Ministru, li għandhom iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-gvern? Min huma dawn il-persuni u x'inhu l-ammont li tħallas kull xahar mill-2008 sal-lum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Korp tal-Pulizija sarx xi tibdil fix-shifts tal-Pulizija? Jekk ma sar l-ebda tibdil ta' shifts tax-xogħol tal-pulizija, jista' jgġid jekk hux qed isir xi eżerċizzju f'dan ir-rigward? Jekk sar (jew qed isir) tali eżerċizzju, jista' jgħid jekk saritx il-konsultazzjoni dovuta ma' dawk li se jiġu milquta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi wara li saru diversi talbiet kemm minn uffiċjali tal-Pulizija individwalment, kif ukoll mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, kien inbeda eżerċizzju sabiex jiġu riveduti l-ħinijiet tax-xogħol f'diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jeżistix Police Hearse b'arja kontrollata? Jekk dan ma jeżistix, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinġieb wieħed anke fid-dawl tas-saħħa u sigurtà tal-membri tal-Korp tal-Pulizija involuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jeżistix Police Hearsemgħammar b'arja kkontrollata. Pero' infurmat ukoll illi l-kompartiment fejn jinġarru l-kadavri huwa kompletament isolat mill-parti minn fejn ikun hemm ix-xufier.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu fil-preżent, fid-data tal-lum ossia fl-20 ta' Mejju 2009, in-numru ta' vakanzi ta' membri fil-Korp tal-Pulizija? F'liema grad jeżistu dawn il-vakanzi fil-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi skont l-esiġenzi preżenti fil-Korp tal-Pulizija hemm dawn il-vakanzi:-
Spettur 16
Surġent Maġġur 4
Surġent 42
Kuntistabbli 119
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati fil-preżent fl-SAG? Kif inhuma mqassma dawn fid-diversi gradi? F'ġurnata normali, kemm ikun hemm pulizija stand by u f'liema gradi jkunu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 65 membru stazzjonat fit-Taqsima tal-SAG tal-Pulizija. Dawn maqsuma f'4 xiftijiet. F'kull ġurnata 3 xiftijiet ikunu xogħol fuq xift ta' 8 sigħat sabiex ikopru l-24 siegħa tal-ġurnata. Infurmat ukoll li f'każ ta' ħtieġa, il-membri li ma jkunux fuq xogħol, jistgħu jkunu msejħa jirrapportaw għax-xogħol. Ma nħoss li hi l-prassi li jiġi ppubblikat tagħrif dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija.