Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Position of Trust - salarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji għal persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20987 tas-Seduta 462.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu fl-2020 u 2021? Jekk iva ta’ kemm kienet din iż-żieda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20987 tas-Seduta 462.

Fast Ferries — passageway

Question

Billi jien infurmat li waħda mill-fast ferries li qed taħdem mill-Belt m’għandhiex il-passarella (passageway) kif suppost, tant li erba’ ħaddiema fosthom żewġt ħaddiema ta’ Transport Malta jridu jġorru passageway tal-ħadid kull meta jidħol dan il-fast ferry ta’ kumpanija partikolari (MHUX tal Virtu Ferries, hekk kif jidher fil-video li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) jista’ l-Ministru jgħid min qed iħallas liż-żewġt ħaddiema ta' Transport Malta li jkunu hemm għal madwar 18-il siegħa kuljum biex jgħinnu jġorru din il-passageway jekk hux l-operatur jew Transport Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jista' jimmaġina l-ewwel ftit jiem ta' servizz ġdid iġibu magħhom ċertu sfidi li qed jiġu indirizzati bl-aħjar mod possibli u fl-inqas żmien possibli mill-istess operaturi infushom. Bħala Awtorità, Transport Malta hija kommessa li tibqa' tassisti fejn hemm bżonn sabiex naraw li dan is-servizz ikun wieħed li joffri kwalita' ta' ħajja aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin. Dan huwa servizz li kien ilu mistenni għal snin twal mill-istudenti u ħaddiema Għawdxin, tant li l-GUG, GTA u GBC ukoll faħħru is-servizz.

Mosta – Triq Sant’Antnin Abbati – Sqaq numru 1 – asfalt

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra meta Sqaq numru 1 fi Triq Sant’Antnin Abbati fil-Mosta ser jiġi asfaltat, billi dan l-isqaq żgħir jinsab fi stat ħażin u jintuża ta’ kuljum minn ħamsa u għoxrin resident li għandhom il-garaxxijiet tagħhom fih?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Gżira u Ta’ Xbiex – pjanijiet

Question

B’referenza għall-pjanijiet li hemm mal-Kosta tal Gżira u Ta’ Xbiex, u peress li jidher li huma pilotati minn Transport Malta fost oħrajn, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsens jew oġġezjoni mill- kunsilli lokali ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika billi jipprovdilna pjan tas-sit fejn jindika ż-żona u s-sit speċifiku u jgħidilna eżattament għalxiex qed jirreferi.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20616 u jinforma l-Kamra b'informazzjoni ta’ kemm hemm ħaddiema impjegati mal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, jekk humiex impjegati full-time, part-time jew b'mod ieħor kif ukoll indikazzjoni tat-tip ta’ xogħol li jagħmlu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġu t-tagħrif mitlub fit-tabella annessa hawn taħt; PQ 21225 / PQ 20616 - MTIP - impjegati Entitajiet Numru ta' impjegati full-time Numru ta' impjegati part-time Numru ta' impjegati mal- kuntrattur Informazzjoni Addizzjonali - indikazzjoni tat-tip ta’ xogħol li jagħmlu (ez clerical/ management / mechanical/ electrical / architects etc) MTIP (acc to unit/dept) 886 0 8 Administration, 'Category A', ICT, Industrial/Supervisory, Managerial, Others. Professionals, Seconded. Secretariat/POTS, Technical Transport Malta 780 2 69 Management / Clerical & Administrative / Architects & Draughtspersons/ enforcement & Security/ Maintenance/ ERL/ RSSL/ apprenticeship & students Infrastructure Malta 99 0 0 Messengers, Administrative, Technical, Professionals (including architects, engineers and lawyers), Managerial Malta Strategic Partnership Projects (MSPP) 11 0 0 Executives, Managerial, Administrative, Clerical, drivers GHRC 27 0 0 CEO, COO, FC, Project Managers, Procurement Manager; Architects; Engineers; Quantity Surveyor; Draughtsman, Clerical; Technical; Drivers Projects Plus 34 1 Management / Clerical / Technical / Drivers / Cleaner MATS LTD. 164 0 0 Aeronautic Information & Training , Air Traffic Controllers, Managers/Specialists, Cleaners/drivers, Technicians, Administration Yachting Malta Ltd. 1 0 0 General Manager BAAI 2 0 0 Chief Inspector , Administrative Officer

Aġenzija Infrastructure Malta — Chief Executive Officer

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' impieg jew servizzi taċ-Chief Executive Officer tal-Aġenzija Infrastructure Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub ingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija għall-mistoqsija parlamentari 13186 tas-Seduta 306.

Il-Mellieħa – Triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20177 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati li kien meħtieġ li jkollha Infrastructure Malta biex setgħet twettaq xogħol ta’ tarmak fi triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad, limiti tal-Mellieħa, kif ukoll xogħol ieħor li kkonsista f’rampa tal-konkos mill-istess triq għall-istess bajja indikata fir-ritratti li qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq ir-Ramla tat-Torri l-Abjad, li tagħti għall-Bajja tat-Torri l-Abjad u Daħlet ix-Xmajjar, fl-Aħrax tal-Mellieħa. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien meħtieġ wara li tħalliet fi stat ħażin għal żmien twil, b’periklu għal dawk li j¿uru dawn l-inħawi, speċjalment fis-sajf. Filwaqt li l-bini mill-ġdid tat-triq, inkluż it-tibdil u t-tisħiħ tal-katusi u servizzi oħra taħt l-art, strutturi ta’ pedament tat-triq aktar b’saħħithom u wiċċ b’asfalt ġdid, huwa lest, l-aġenzija qed taħdem mal-kuntratturi tagħha biex ilestu wkoll l-aħħar ftit xogħlijiet. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq beda wara li saru l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati u skont ir-rekwiżiti tal-permess meħtieġ għal dan it-tip ta’ xogħol, jiġifieri Road Works Permit, li nkiseb mingħand Transport Malta qabel beda x-xogħol. Ir-rampa li tidher fir-ritratti indikati m’għadhiex fil-post imsemmi. Din ir-rampa żgħira ma kinitx fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta għal din it-triq u ma saritx fuq struzzjonijiet tagħha. Fil-fatt, malli l-periti tal-aġenzija ndunaw b’dan ix-xogħol, li jidher li sar wara lmenti dwar nuqqas t’aċċess minn xi persuni li jużaw l-istess bajja, l-aġenzija talbet li r-rampa titneħħa minnufih. Fil-fatt, din tneħħiet wara biss ftit jiem u l-post treġġa’ lura għal kif kien qabel.

Ħal Tarxien — Tal-Barrani – asfaltar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq indikata bħala Tal-Barrani li tinsab però fuq il-parti ta’ ġewwa ta’ Ħal Tarxien, hiex sejra tiġi asfaltata mill-ġdid minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq indikata diġà kienet fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta sabiex isirulha t-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa u wara tinkesa mill-ġdid fiż-żmien li ġej. Persuni li jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet b’xi xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta, jew li jixtiequ jwasslu xi suġġerimenti lill-istess entità, jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jibagħtu messaġġ permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Raħal Ġdid – Triq San Ġorġ – komunikazzjoni mal-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'komunikazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid dwar Triq San Ġorġ? Huwa infurmat li hemm diversi residenti li sabu l-vetturi tagħhom b'ħsarat, kif ukoll li ma tistax tgħaddi ambulanza jew servizzi neċessarji u dan minħabba l-fatt li t-triq hija dejqa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità rċiviet komunikazzjoni mill-kunsill lokali fir-rigward ta’ din it-triq u wara li għamlet l-ispezzjonijiet neċessarji, ser tkun qiegħda tgħaddi r-rakomandazzjonijiet lill-kunsill lokali.

Persuni li wżaw trasport pubbliku f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna wżat it-trasport pubbliku f'Għawdex matul is-sena 2019 u 2020? Jista' jgħid kemm-il bus għandha l-kumpanija li topera dan is-servizz f'Għawdex u kemm huma l-impjegati tal-kumpanija f'Għawdex? Jista' jgħid kemm mill-impjegati mhumiex ta' nazzjonalità Maltija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fl-2019 użaw is-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex 2,564,167 passiġġier filwaqt li fl-2020 kien hemm 1,178,843 passiġġier. In-network tat-trasport pubbliku ġewwa Għawdex huwa operat permezz ta’ sbatax-il karroza tal-linja u hemm total ta’ 55 impjegat bejn xufiera u ħaddiema oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza ministerjali hija tal-għamla Mercedes u il-mudell huwa ta’ Benz E 220D. Il-karozza konċernata qed tiġi mikrija għall-prezz ta’ € 28.44 (VAT eskluż) kull ġurnata.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kunsill tal-Ewropa – traffic lights

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19551 u invista tal-volum ta’ tfal li jkunu qed jaqsmu, jista’ l-Ministru jikkonsidra li minflok pelican crossing isiru traffic lights f'Triq il-Kunsill tal-Ewropa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li pelican crossing hi pedestrian crossing li tkun bil-lights, kif jidher fl-ewwel ritratt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Min-naħa l-oħra, traffic lights tirreferi għal meta jkun hemm junction, kif jidher fit-tieni ritratt. F’din it-triq ma jidhirx li hemm junction, imma il-bżonn hu għal crossing biex jaqsmu t-tfal.

Il-Mellieħa – Tunnara Promenade — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fiż-żona magħrufa bħala Tunnara Promenade fil-Mellieħa, hux qed isiru minn Infrastruttura Malta u jekk iva jista’ l-Ministru jgħid ma’ min saru laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar dawn ix-xogħlijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta bħalissa qed tlesti l-ewwel fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Dawret it-Tunnara, triq residenzjali mal-baħar fil-bajja tal-Mellieħa. L-aġenzija bdiet tippjana dan it-titjib wara appelli ripetuti mir-residenti minħabba l-biża’ li partijiet mit-triq setgħu jċedu, peress li l-ħajt (retaining wall) tul ix-xatt ġarrab ħsarat kbar mill-elementi bħalma huma baħar qawwi u maltempati matul għexieren ta’ snin, kif ukoll nuqqas ta’ manutenzjoni adegwata. Wieħed mis-sidien saħansitra ħa passi legali biex iżomm lill-Gvern responsabbli minħabba r-risku li l-bini jċedi, kemm-il darba t-triq titħalla tiddeterjora. F’Diċembru tal-2019, Infrastructure Malta applikat għall-permessi meħtieġa għall-iżvilupp biex terġa’ tibni l-ħajt max-xatt b’disinn aħjar, bl-użu ta’ materjali li jifilħu aktar u li huma iżjed adattati għall-kundizzjonijiet marittimi fiż-żona. Il-pjanijiet tal-proġett kienu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika, li matulha ma sarux sottomissjonijiet jew oġġezzjonijiet mill-pubbliku. Il-pjanijiet ġew riveduti wkoll mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li m’oġġezzjonatx għax-xogħlijiet meħtieġa li jsiru. Kemm qabel kif ukoll waqt ix-xogħlijiet, li nbdew f’Jannar li għadda, Infrastructure Malta ltaqgħet ma’ bosta residenti biex iddiskutiet il-proġett magħhhom. Biex tispjegalhom aħjar il-proġett, l-aġenzija organizzat ukoll laqgħa ta’ informazzjoni, li fiha ħadu sehem madwar 30 resident. Id-disinn imtejjeb tal-ħajt il-ġdid huwa maħsub b’mod li dan irażżan aktar il-mewġ u jżommu bogħod mill-bini, biex jonqos l-impatt tal-baħar fuq il-faċċati tar-residenzi, filwaqt li jipprevjeni milli t-triq tegħreq waqt xi maltempata. Il-pjanijiet approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar jinkludu l-bini mill-ġdid tal-ħajt metru għoli, għal aktar sigurezza għal kull min jgħaddi mill-inħawi bil-mixi. Madankollu, wara diskussjonijiet kontinwi ma’ sidien ta’ proprjetajiet tal-pjan terran f’din it-triq, Infrastructure Malta mmodifikat dawn il-pjanijiet biex tnaqqas l-għoli ta’ partijiet minn dan il-ħajt ħalli tnaqqsilhom l-impatt fuq il-veduta tal-baħar. Il-bini mill-ġdid tal-ħajt se jkun lest qabel is-sajf u mhu se jsir l-ebda xogħol f’din it-triq matul ix-xhur tas-sajf biex ix-xatt kollu jkun aċċessibbli. Infrastructure Malta mbagħad se tkompli t-tieni fażi ta’ dan il-proġett f’Ottubru, biex isir wiċċ ġdid lit-triq u xoħlijiet oħra relatati.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — siġar u pjanti miżrugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Minn meta fis-sajf tal-2019 nediet programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar, Infrastructure Malta żiedet 29,840 siġra u 19,654 arbuxell f’diversi postijiet kemm urbani kif ukoll rurali madwar Malta. Matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-aġenzija ħawlet 9,908 siġriet ġodda f’lokalitajiet differenti. B’hekk, diġà laħqet 88% tat-total ta’ 11,213-il siġra li ħawlet fi 93 post differenti matul l-2020. Dan ifisser li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, Infrastructure Malta ħawlet madwar 110 siġriet kuljum, kwa¿i erba’ darbiet aktar mill-medja ta’ 30 siġra kull ġurnata fl-2020. Fost oħrajn dawn kienu jinkludu x-xogħlijiet ta’ tisbiħ u tħawwil ta’ siġar fiż-żoni mħaddrin ġodda madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project, fil-Marsa u Raħal Ġdid. L-aġenzija ħawlet 7,770 siġra f’dawn l-inħawi, li jinkludu żnuber, ballut, deru, ċipress, żebbuġ, siġar ta’ Ġuda u ħarrub. Madwarhom, ħawlet ukoll 10,495 arbuxell, fosthom klin, difla (olejandru) u żebbuġija. Taħt il-gwida tal-arboristi kif ukoll t’esperti u awtoritajiet ambjentali oħrajn, il-kuntratturi tal-aġenzija ser jibqgħu jsaqqu u jieħdu ħsieb dawn is-siġar għal diversi snin, sakemm jikkonfermaw li jkunu qabdu sew fl-ambjent ġdid tagħhom. Infrastructure ser tibdel ukoll dawk is-siġar li jmutu, issirilhom xi ħsara jew jinsterqu. Fil-fatt, fl-2020 reġgħet ħawlet 1,041 siġra flok dawk li ntserqu minn 14-il post differenti ftit wara li kien għadhom kemm tħawlu. Il-valur totali tal-investiment li sar minn Infrastruvture Malta għal dan il-programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar, li jinkludi l-ispejjeż biex dawn jissaqqew u tinżamm kura tagħhom fis-snin li ġejjin, huwa stmat li jammonta għal €5 miljun. Dan l-impenn ambjentali mill-aġenzija se jissokta fix-xhur li ġejjin b’ħafna aktar postijiet urbani u rurali li diġà huma mmarkati għat-tħawwil t’eluf ta’ siġar u arbuxelli ġodda.

Ir-Raba’ Distrett Elettorali – toroq li ser ikunu asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ser ikunu asfaltati din is-sena fir-Raba’ Distrett Elettorali?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità tal-Fgura diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq Mahatma Ghandi, Triq San Tumas, Triq Anġlu u Marianna Camilleri u Triq l-Għollieq, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet fi Triq San Pietru, Triq il-Falkunier, Triq Rgħajja, Triq Ċensu Busuttil u Triq il-Ward tax-Xemx. Fil-lokalità tal-Gudja diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Pjazza biswit Triq Lampat, Sqaq fuq Wied Betti, Sqaq San Mikiel, Sqaq Xlejli, Triq Awrekarja, Triq Burglat, Triq Filippu Castagnia, Triq Ħas-Saptan, Triq id-Dejqa, Triq il-Kappella, Triq il-Lewż, Triq Joseph Pace, Triq Raymond Caruana, Triq Santa Katerina, Triq Ta’ Lampat, Triq Ta’ Loreto, Triq Victor Pasmore u Vjal it-Torri, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq, fi Triq Ħal Resqun, Triq Bir Miftuh, Triq William Baker, Triq Vincenzo Dimech, Triq Pietro Gagliardi, Triq il-Magħsar u Triq San Mark. Fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Ġużeppi Agius, Triq iċ-Ċimiterju, Triq il-Ġdida, Triq il-Prinċipessa Marija, Triq il-Qalb ta’ Ġesù, Triq il-Wied, Triq ix-Xewk, Triq Kordin, Triq M Moran u Triq Sammat, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet u Triq Karl Chircop. Fil-lokalità ta’ Santa Luċija diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Bruka, Triq il-Gardenja, Triq il-Ġiżimin u Triq Żnuber, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet fi Triq Katerina Vitale, Triq Klematis, Triq il-Prinjol, Triq Dun M Mifsud, Dawret it-Torri, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan, Triq iċ-Ċikwejra u Triq il-Freżja. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq Marjanu Gerada u Triq Santa Marija, waqt li fix-xhur li ġejjin se jitlestew xogħlijiet fi Triq it-Tempji Neolitiċi, Triq l-Isqajjaq, Triq Xintill, Triq Ġużeppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard u Triq Tal-Barrani. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Marsaskala – art mgħoddija lill-Klabb tal-Waterpolo

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti/Memorandum of Understanding fejn art (baħar) u/jew proprjetà pubblika li ġiet mgħoddija lill-klabb tal-waterpolo ta’ Marsaskala fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2013 u April 2021 ġewwa l-lokalità ta’ Marsaskala fiż-żona indikata bl-aħmar fid-dokument anness?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Żona tas-Simenta — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fiż-żona magħrufa Tas-Simenta f’San Pawl il-Baħar hux qed isiru minn Infrastruttura Malta u jekk iva jista’ allura l-Ministru jgħid ma’ min saru laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar dawn ix-xogħlijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħlijiet imsemmija saru min Transport Malta u mhux min Infrustructure Malta. Dawn ix-xogħlijiet saru b’ emerġenza, minħabba periklu fl- istruttura eżistenti.

Port tal-Imġarr — Il-Menqa - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qed isiru fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr, Għawdex? Jista’ jgħid meta bdew, meta ser jitlestewu kemm hu previst li ser jiswew dawn ix-xogħlijiet? Min hu l-kuntrattur li qed iwettaq dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Infrastructure Malta bdiet il-proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr fl-ewwel nofs tal-istess sena. Dan l-investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea kien jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li jużaw is-sajjieda. Matul is-snin f’qiegħ il-baħar f’dawn l-inħawi nġemgħu kwantitajiet kbar ta’ ħama u materjali oħrajn, tant li s-sajjieda ma tantx kien għadhom jistgħu jimmanuvraw il-bċejjeċ tagħhom mal-mollijiet. Permezz ta’ dan il-proġett, din il-parti tal-Port tħammlet biex ¿died il-fond u reġgħet saret aċċessibbli għad-dgħajjes tas-sajjieda. L-aġenzija qed tinstalla erba’ puntuni ġodda u għamlet faċilitajiet oħrajn għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. Dawn il-puntuni, twal bejn 55 u 150 metru, b’kollox se joffru 286 post għall-irmiġġ. Tnejn mill-puntuni ġodda diġà bdew jintużaw għall-irmiġġ tad-dgħajjes u jonqos biss li jitwaħħlu l-aħħar tnejn biex il-proġett ikun komplut. B’organizzazzjoni aħjar tal-puntuni ġodda se ji¿diedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom. Permezz ta’ dan l-investiment, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid aktar minn 300 metru ta’ mollijiet fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr. Il-mollijiet ġodda għandhom disinn aktar sigur u aċċessibbli għal dawk kollha li ju¿awhom fix-xogħlijiet jew delizzji marittimi tagħhom u anke għar-residenti lokali u turisti li jżuru dan ix-xatt. Bħala parti mill-istess mollijiet, l-aġenzija bniet ukoll mill-ġdid wieħed mill-akbar skali f’Għawdex, b’rampa wiesgħa madwar 10 metri u toħroġ 48 metru fil-baħar (nofs it-tul ta’ grawnd tal-futbol). B’fond ta’ madwar sular, is-sajjieda f’dan il-port jistgħu itellgħu u jniżżlu bastimenti kbar sa 45 tunnellata. Dan il-proġett, li qed joffri aċċessibilità aħjar u aktar sigurtà lis-sajjieda biex jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port, jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jin¿ammu aktar indaf. Il-proġett se jgħin biex iż-żona tal-Menqa fill-Port tal-Imġarr tkun organizzata aħjar, u biex tidher isbaħ ukoll. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u tħammil saru minn BH joint venture u l-installazzjoni tal-puntuni minn Sammut Marine. Fil-Port tal-Imġarr kif ukoll fil-Port il-Kbir, Infrastructure Malta għadha kemm lestiet żewġ terminals ġodda li nbnew fi ftit ġimgħat u tlestew fil-ħin biex proprju llum inawgurajna s-servizz ġdid tal-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer, kif wegħdna li se nagħmlu. Fl-istess waqt, fost diversi proġetti mrittimi oħrajn, l-aġenzija qed twettaq proġett ieħor ta’ madwar €1 miljun biex issaħħaħ partijiet mill-mollijiet fejn jorbtu l-vapuri t’Għawdex. Dan ix-xogħol ta’ tiswijiet u manutenzjoni huwa meħtieġ perjodikament sabiex dawn l-istrutturi daqstant importanti għall-konnettività t’Għawdex jibqgħu fi stat tajjeb.