Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22472 u jgħid min qiegħed jipprovdi l-hearse sabiex iġorr l-anzjani li jkunu mietu fis-swali tal-Faċilità San Vincenz de Paul għall-kamra mortwarja tal-istess Faċilità? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ servizz u jgħid kemm jitħallas għal kull vjaġġ li jsir?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li s-servizz qed jiġi provvdut minn Paul Tonna Son of Santu Funeral Services u l-ħlas għal kull vjaġġ huwa ta’ € 60 (ewro). Il-kopja tal-kuntratt ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22477 u jgħid kemm hu n-numru attwali ta’ carers li jaħdmu fil-Faċilità San Vincenz de Paul? Kemm minnhom jaħdmu mal-Gvern u kemm minnhom jaħdmu mal-kuntrattur? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma barranin? Fil-każ ta’ carers barranin jista’ jgħid ukoll mil-liema pajjiżi ġejjin dawn il-carers?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li hemm (663) sitt mija u tlieta u sittin carer li jaħdmu ġewwa San Vinċenz de Paul, li minnhom (204) mitejn u erbgħa jaħdmu mal-gvern, filwaqt li (459) erba’ mija u disa’ u ħamsin jaħdmu mal-kuntrattur. Minn dawn, (418) erba’ mija u tmintax huma Maltin, filwaqt li (245) mitejn ħamsa u erbgħin huma barranin.
Carers barranin — Kors ta’ taħriġ fil-lingwa Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li kull carer barrani li qed jiġi ingaġġat biex jaħdem fil-qasam tal-anzjani, qed ikollu joqgħod għal kors ta’ taħriġ fil-lingwa Maltija?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-carers barranin impjegati tal-kuntrattur li jaħdmu fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jagħmlu l-kors ta’ taħriġ fil-lingwa Maltija jew qegħdin fil-proċess li jagħmluh.
Ġewwa San Vinċenz de Paul f’kollaborazzjoni mal-Universitá ta’ Malta, qed tiġi offruta l-possibilitá sabiex impjegati barranin fil-qasam tas-saħħa (infermieri kif ukoll carers) jiġu mħarrġa fil-lingwa Maltija fl-aspett Mediku ġewwa San Vinċenz de Paul. Matul is-sena 2024, lestew dan il-kors b’suċċess (53) tlieta u ħamsin impjegat.
Finalment, l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani tivverifika li l-istaff li jaħdem fid-djar tal-anzjani u ma jitkellimx bil-lingwa Maltija qed jiġi mħarreġ fil-lingwa Maltija għas-settur.
Reġjun Tramuntana — Ċentru għal Persuni bid-Dimensja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex identifikat il-post għal Ċentru għal Persuni bid-Dimensja fir-reġjun tal-port tat-Tramuntana? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema lokalità ser ikun qed isir u meta ser ikun qed jopera?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li qed jitwettqu l-proċessi meħtieġa biex jiġi identifikat l-aħjar post għal dan iċ-ċentru, fir-reġjun tal-port tat-Tramuntana.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22255 u ċjoé: Wara li l-Information and Data Protection Appeals Tribunal ordnat lill-Ministeru u l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sabiex jagħmlu aċċessibbli l-kuntratti kollha li l-Ministeru għandu mad-djar tal-anzjani fuq xiri ta’ sodod, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-kuntratti kollha?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm sabiex is-servizz ta' PGTM (Pre-Implantation Genetic Testing for Monogenic Diseases) jibda jsir fl-Isptar Mater Dei?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li jikkwalifkaw għal mediċini tal-POYC u li ma jkunux jistgħu jiġbru l-mediċini tagħhom, jistgħu jħallsu miżata sabiex dawn il-mediċini jittieħdulhom id-dar? Jista’ jgħid jekk dan is-servizz għadux offrut, fid-dawl li dan l-aħħar il-Ministeru tas-Saħħa bagħat ittra li tinforma lil dawn il-persuni, li dan mhux ser jibqa’ jsir?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22573, jista’ l-Ministru jgħid x’hemm fil-kuntratt imsemmi bejn l-Isptar Mater Dei u l-kumpanija G4S fir-rigward ta’ ħlas ta’ parkeġġ mill-ħaddiema?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa weġibt għall-mistoqsija paralmentari 22573, l-Isptar Mater Dei jonora l-kuntratt li hemm mal-kumpanija G4S. Ninsab infurmat li l-Management tal-Isptar ma jidħolx fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-G4S u l-ħaddiema tal-kumpanija sakemm ma jkunx hemm ksur tal-istess kuntratt.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22578 u jgħid fuq liema kuntest naqsu bin-nofs il-fondi għal transgender services mill-Baġit 2024 għal Baġit 2025?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Sptar Mater Dei — Kura tas-Saħħa Mentali akuta u kronika
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22579 u jgħid għaliex fid-diskorsi qabel il-baġit issemma ward/wards għal kura tas-saħħa mentali akuta u kronika fl-Isptar Mater Dei u fil-baġit issemma biss kura psikjatrika akuta f’Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Unit tas-Saħħa Mentali ġo Mater Dei se tkun tilqa fiha persuni li jsofru min kundizzjonijiet psikjatriċi li jkunu ppreżentaw b’mod akut. Skond il-prassi tal-kura psikjatrika moderna, iż-żmien li dawn il-pazjenti idumu l-isptar għandu jkun l-iqsar żmien possibli, bil-kumplament tal-kura tingħata fil-komunitá.
Faċilità San Vincenz de Paule — Ward Kristu Re - Wall mounted oxygen
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19126 fejn il-Ministru informa li l-ħames wards li hemm fil-Blokka Kristu Re fil-Faċilità San Vincenz De Paule huma mgħammra b’wall mounted oxygen points, jista’ l-Ministru jgħid jekk sal-lum dawn il-wall mounted oxygen points humiex jaħdmu jew jintużaw?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-ħames swali msemmija hawn fuq huma mgħammra b’ossiġnu mmuntat mal-ħajt. Bħalissa qed nagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-sistema tal-ossiġnu f’dawn is-swali kollha. Dan il-proċess jinvolvi l-għeluq tal-pajpijiet tal-ossiġnu mediku sakemm jitlesta dan ix-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-mediċina għall-pressjoni għolja Candesartan Cilexetil hijiex ideali għall-pazjenti peress li din ġġiegħel lil ċerti pazjenti jħossuhom ma jifilħux? Jista’ jgħid ukoll għaliex dawn il-pazjenti ntalbu jmorru jixtru l-mediċina huma għax dak li kienu qed jieħdu huma, hija out-of-stock?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina Candesartan tinxtara skont speċifikazzjoni klinika. Hemm żewġ dożi. Doża minnhom hija disponibli u d-doża l-oħra għanda tasal illum.
Għar-rigward jekk il-mediċina hijiex ideali għal pazjent jew le, hija f’idejn il-konsulent rispettiv tal-pazjent li jaċċerta l-aħjar mediċina għall-pazjent.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16308 fejn il-Ministru wieġeb li l-mediċina Stellara ġiet approvata biex tidħol fil-formularju skont protokoll, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-mediċina hijiex għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-pazjenti li għandhom bżonnha?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina tkun għad-dispożizzjoni għall-pazjenti meta l-evalwazzjoni tat-tender tkun pożittiva.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-mediċina għall-cholesterol Rosuvatin tat-200mg għadhiex out of stock? Jista’ jgħid ukoll jekk pazjenti li jieħdu din il-mediċina kellhomx imorru jixtruha minħabba l-fatt li kienet out of stock?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-mediċina Rosuvatin tat-200mg hija disponibli.
Fid-dawl li l-Università, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingħatat liċenzja temporanja biex tkompli bil-ħidma tagħha, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa l-Malta Medical Council f’dan ir-rigward?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Mediku qatt ma rċieva applikazzjoniet mingħand tobba li ggradwaw minn din l-università.
F’din l-eventwalità l-Kunsill jikkonsidra l-applikazzjoni bl-istess mod kif jiġu ttrattati applikazzjonijiet minn universitajiet oħra barra l-UE.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarjat għall-Anzjanità Attiva - rendikont ta’ nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretjaru Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mis-Segretarjat Parlamentari u minn kull entità li taqa’ taħtu għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, jista’ jagħti:
a. L-isem l-attivita;
b. L-iskop tal-attività;
c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.);
d. Id-Data tal-attività;
e. Il-post fejn saret;
f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u
g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellant biex tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 21413.
PA07491/16 — Sptar Ġenerali ta’ Għawdex - Master plan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan (PA07491/16) għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar u sena hu ppjanat li jiġi approvat u b’hekk ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejin bil-pjanijiet għall-ewwel fażi li tinkludi l-istudji ġeoloġiċi li huma kruċjali għall-bini tal-isptar il-ġdid kif ukoll ir-rilokazzjoni tal-anzjani u tal-ħaddiema tal-amministrazzjoni.
Faċilità San Vincenz de Paul – Servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li s-servizz tat-trasport pubbliku jerġa’ jibda jidħol fil-Faċilità San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll x’kien wassal sabiex dan is-servizz jinqata'?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li jiġi provdut servizz ta’ shuttle transport biex iwassal il-viżitaturi fejn is-swali madwar San Vinċenz kollu. Dan jgħaddi b’mod regolari mal-periferija ta’ San Vinċenz kollu għall-kudmitá tal-viżitaturi.
Jista’ l-Ministru jgħid min jipprovdi s-servizz tat-tindif fil-Faċilità San Vincenz de Paul u jekk dan is-servizz ingħatax b’tender jew b’direct order? Jista’ jgħid ukoll kemm jiswa kull sena dan is-servizz u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt eżistenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-kuntratt għal servizz ta’ tindif ingħata wara sejħa b’tender u ntrebaħ minn Xclean Ltd.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Stalevo li jintużaw minn persuni li jbatu mill-marda tal-Parkinsons huma out of stock? Jista’ jara li dawn il-pilloli jkunu disponibbli minnufih ġaladarba mhux kull spiżerija ġġib minn dawn il-pilloli u jiswew ħafna flus u li mhux kulħadd għandu l-mezzi biex jixtrihom?