WasteServ — rapport fuq il-livelli ta' diosina u persistant organic pollutants
Question
Jista' l-Ministru jippreżenta u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imħejji mill-konsulenti mqabbdin mill-WasteServ sabiex jistudjaw u jiżvellaw il-livelli ta' diosina u persistant organic pollutants fil-lokalitajiet u l-viċinanzi tal-Magħtab, qabel ma sar it-trattament u de-gassing meħtieġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-rapport tpoġġa fuq il-website tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fil- 11 ta’ Frar 2005 fil-link http://www.mrra.gov.mt/downloads.asp . Għall-benefiċċju tal-Onor. Membru qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja elettronika ta' dan ir-rapport.
Rapport ta' moniteraġġ tal-persistant organic pollutants
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti ta' moniteraġġ għal dawn l-istess pollutants (persistant organic pollutants) sabiex iserraħ moħħ il-poplu illum, li t-trattament li sar fil-Magħtab li kien sewa madwar €40miljun, kien effettiv?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-proġett tal-Aerial Emissions Control fil-Magħtab ma sewiex €40 miljun iżda madwar €10 miljuni u kien jinkludi trattament ta’ emissjonijiet f’żewġ miżbliet oħra. Rapporti dwar il-moniteraġġ ta’ diossina jingħataw b’mod regolari lill-MEPA. Ir-rapport għas-sena 2009 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra juri li l-kwantità ta’ diossina naqset b’99% mill-medja li ġiet identifikata fir-rapport mħejji qabel ma sar it-trattament u de-gassing meħtieg. Sadanitant dan il-monitoraġġ baqa' għaddej fl-2010 u r-riżultati uffiċjali jiġu rappurtati lill-MEPA fl-ewwel kwart tas-sena 2011.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18689 u jgħid, wara li s-Salini ta’ ħdejn Kennedy Grove jiġu riabilitati, xi pjan hemm għall-użu u t-tmexxija tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-użu futur prinċipali tas-Salini se jibqa' għall-produzzjoni tal-melħ. Se jkun hemm ukoll ċentru għall-viżitaturi li se jkun qed jagħti tagħrif dwar iż-żona kollha u wirja permanenti dwar il-produzzjoni tal-melħ. It-tmexxija tas-Salini se tkun f’idejn il-gvern.
Bdiewa u raħħala — Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18690 u jgħid fl-aħħar sitt snin kemm kienu l-bdiewa u r-raħħala li ħadu għajnuna finanzjarja minn xi programm tal-Unjoni Ewropea? X’kienet l-ikbar somma u x’kienet l-iżgħar somma li ħa bidwi jew raħħal f’din l-għajnuna? Għal liema oqsma ta’ ħidma ngħataw dawn l-għajnuniet? Minn dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea li ngħataw lill-bdiewa jew raħħala, kemm huwa stmat li ħadu konsulenti, awdituri jew persuni oħra li jkunu mlew l-applikazzjonijiet biex tingħata din l-għajnuna? Jista’ jagħti lista ta’ dawn il-konsulenti/awdituri u nies oħra professjonisti u jgħid f’kull każ kemm ħadu tax-xogħol tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi bejn is-sena 2004 u it-30 ta’ Ġunju 2010, ibbenefikaw 8,393 bidwi u raħħal minn għajnuna finanzjarja taħt diversi programmi tal-Unjoni Ewropea maħsuba għall-agrikoltura u żvilupp rurali. L-akbar somma li tħallset mill-imsemmija għajnuna kienet ta’ €650,318. Din is-somma tħallset taħt l-iskema ta’ Tadam għall-Ipproċessar. Mill-banda l-oħra, l-iżgħar somma li tħallset lill-bidwi taħt l-iskema ta’ Raba Mistrieħ (Set Aside) kienet ta’ anqas minn €10.
Dawn l-għajnuniet ingħataw għal dawn il-miżuri hawn taħt imsemmija:
Għajnuna taħt il-European Agricultural Guarantee Fund (EAGF)
Għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi
Tadam għall-ipproċessar
Għajnuna lill-gruppi ta' produtturi
Għajnuna fuq dwieli
Għajnuna lil min irabbi n-naħal
Skema ta' pagament uniku
Għajnuna fuq qmugħ u ċerejali
Għajnuna fuq raba mistrieħ
Special premium
Calf premium
Adult premium
Ewe and goat premium
Għajnuna lis-settur tal-ħalib (inkluż għajnuna għar-ristrutturar)
Għajnuna taħt il-European Agricultural Fund for Rural Development
Għajnuna lill-bdiewa
full-time
Għajnuna fuq raba f'żoni żvantaġġati
Għajnuna fuq miżuri agri-ambjentali
Għajnuna għall-baqra Maltija
Għajnuna fuq biedja organika
Għajnuna fuq ħitan tas-sejjieħ
Għajnuna taħt il-miżura 3.1 (investiment fi strutturi agrikoli)
Għajnuna taħt il-miżura 121 (modernizzar fi strutturi agrikoli)
Rigward is-servizz ta’ konsulenza jrid jingħad illi l-Ministeru jħallas lill-benefiċjarji u sta għalihom li jagħżlu l-konsulenti.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijeit Rurali — Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi hemm 7 persuni ngaġġati bħala konsulenti fil-Ministeru tiegħi. Id-dettalji dwar x’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom u kemm jitħallsu jinsabu fit-tabella t’hawn taħt:
Xogħol ta’ Konsulenza
Salarju
Kif impjegat
Adviser - Agriculture & Fisheries
€25,654
Full-time
Adviser - Food Health and Veterinary Enforcement
€25,654
Full-time
Adviser – Appraising project proposals and programmes for maintenance works
€22,211
Full-time
Adviser – EU Affairs
€16,034
25 siegħa fil-ġimgħa
Adviser – Malta Centre for Fisheries Sciences
€22,800
Full-time
Adviser – Rehabilitation Projects
€25,654
Full-time
Legal Adviser – On various issues related to the environment particularly on emission reduction legislation, etc.
€25,654
Full-time
Dawn il-konsulenti jitħallsu b’mod fiss u l-ebda wieħed m'hu
specifically assignment based.
Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti kummerċjali jeżistu bejn il-Wasteserv u il-GreenMT tal-GRTU aktar u aktar billi ġieli kien hemm riklami fil-media ta' ħidmet konġunti fejn il-GRTU saħansitra kellhom il-logo tal-Wasteserv f'mod prominenti fl-istess riklam? Billi l-Wasteserv hija finanzjata minn fondi pubbliċi u billi jingħad li, fost affarijiet oħra l-Wasteserv isservi ta' receiving facility għall-GreenMT, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn l-arranġamenti kummerċjali u kull arranġament ieħor, inkluż kull kuntratt u dettalji finanzjari dwarhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-WasteServ Malta Ltd kienet ħejjiet abbozz ta’ proposta li ġiet sottomessa liż-żewġ skemi u diskussa mar-rappreżentanti tagħhom. Il-proposta kienet ibbażżata fuq il-fatt li l-WasteServ tista' tkun service provider għall-dawn l-iskemi. It-taħditiet mal-iskemi baqgħu javvanzaw, saħansitra il-WasteServ tipprovdi servizz ta’ sorting u esportazzjoni ta’ skart riċiklat għall-Green MT u Green Pak fuq bażi kummerċjali skont il-proposta oriġinali. Rigward ir-riklami l-Wasteserv ma tagħmel l-ebda kontribut għal dawn l-ispejjeż.
Jista' l-Ministru jispjega kif il-fatt li skont id-Direttur Ġenerali tal-GRTU ir-recovery tar-recyclable waste tal-GreenMT kien duly certified mill-Wasteserv meta s-certifying authority waħdanija fil-pajjiż hija l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biss u l-Wasteserv hija mifhuma li hija operatur daqs kemm hija l-kumpanija GreenMT nnifisha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma li l-Wasteserv hija service provider u għaldaqstant kull ammont ta’ skart illi hi tirċievi mingħand terzi, toħroġ riċevuta.
Art ġdida fejn jitpoġġew impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Kamra jekk sarux feasibility studies tal-possibilità li b'mod għal kollox artifiċjali (jiġifieri mhux naturali) tiġi maħluqa art jew territorju ġdid fil-baħar (land reclamation), in linea ma' dak li sar b suċċess f pajjiżi żgħar oħra bħal Singapore, anke biex, bħalma sar f'pajjiżi oħra żgħar bħalna, fuq din l-art ġdida u allura 'il bogħod mill-abitat jkunu jistgħu jitpoġġew impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b' mod nadif, b'mod sostenibbli, bħal wind stations jew anke jintuża għal skopijiet ta' waste management (waste to energy eċċ.)? Jista' jagħti sfond ta' kif saret kunsiderazzjoni bħal din fuq livell governattiv u jgħid pajjiżna f liema direzzjoni sejjer f dan is-settur? Jista' ukoll jelenka l-ismijiet tal-istudji prinċipali li saru f dan ir-rigward għall-konsum tal-Gvern, bl-annu u l-awtur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li l-din il-materja tikkonċerna lill-MEPA nissuġerixxi lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Ministru jgħid u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu rziezet tat-tiġieġ infettati bis-salmonella f'dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm ġew maqtula tiġieġ infettati? Kif ġew maqtula dawn it-tiġieġ? Din il-marda hi ta' periklu għall-bniedem li jikkonsma t-tiġieġ? Ir-raħħala li nqatlulhom it-tiġieġ se jingħataw kumpens u jekk fl-affermattiv kif se jinħadem il-kumpens?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat lis-servizz veterinarju fi ħdan l-Ministeru iwettaq kontinwament żjarat fuq irziezet b’mod regolari biex issir analiżi fuq tiġieġ tas-simna u tal-bajd għas-salmonella. Kif jiġri normalment fejn jinstabu riżultat pożittivi, dawn l-għasafar jinqerdu skont proċedura magħrufa bħala Cevical Dislocation jew Percussive blow skond kif previst fir-regolament.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18688 u jgħid fil-pjan ta’ riabilitazzjoni tas-Salini ħdejn Kennedy Grove x’arranġamenti saru ma’ min għandu l-kuntratt biex iħaddem is-salini?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li din hi materja li tikkonċerna lid-Dipartiment tal-Artijiet, nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Staff
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu (l-ismijiet mhumiex meħtieġa)? X’inhuma s-salarji u allowances li għandha kull persuna f’kull kariga u designation mill-Head of Secretariat sal-messenger/drivers?
Kemm hemm membri tal-istaff ministerjali li qegħdin b’kuntratt definit u li mhumiex civil servants jew public officers? Liema karigi jinsabu jokkupaw? Il-kuntratti tagħhom kull meta jiskadu? Jekk hemm, kemm hemm membri tal-istaff ministerjali tiegħu li jservu wkoll fuq boards li fihom hemm
rappreżentanza tal-Gvern Malti anke bħala minority shareholder? Liema huma dawn il-membri tal-istaff, x’karigi għandhom, fuq liema boards iservu u kemm jitħallsu ta’ dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi hemm 18–il persuna. Is-salarji u allowances ta’ kull kariga u designation jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-persuni qegħdin kollha fuq kuntratt definit għal perjodu ta’ sena. Fl-istaff Ministerjali hemm tlettax-il persuna li huma uffiċjali pubbliċi jew li ġejjien mis-settur pubbliku . Fit-tabella hemm indikazzjoni ta’ liema karigi huma okkupati minn uffiċjali pubbliċi u uffiċjali fis-settur pubbliku.
Hemm uffiċjal
(Projects Co-ordinator)
li jservi bħala segretarju fir-
Rehabilitation Committees
tal-Imdina, Valletta & Floriana u Cottonera. Dan l-uffiċjali m'għandu remunerazzjoni talli jservi fuq dan il-kumitat.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Talbiet għal reduced working hours
Question
Jista l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reduced working hours fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment separatament li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn ħaddiema nisa u kemm minnhom saru minn ħaddiema rġiel? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?
Jista' jgħid fil-każ tar-rifjut tat-talba x'kienet ir-raġuni u fil-każ ta' talbiet pendenti f'liema stadju waslet it-talba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi matul dawn l-aħħar sitt xhur, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali kien hemm talba waħda għal reduced working hours. Din it-talba saret minn impjegata fi ħdan id-Direttorat għat-Twettiq ta’ Proġetti, liema talba ġiet milqugħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-valur tal-feed in tariff? Hemm xi limitu fuq il-ħlas ta' dan il-feed in tariff għal min jipproduċi l-enerġija elettrika permezz tas-sistema photovoltaic?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviż Legali 422 tal-2010 li jirregola l-elettriku ġġenerat minn stallazzjonijiet fotovoltajċi tax-xemx.
kunsilli lokali — ħruġ ta' skemi għal tisbiħ fl-inħawi agrikoli
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jerġa' jkun hemm ħruġ ta' skemi ta' għajnuniiet lill-kunsilli lokali biex dawn isebbħu l-inħawi agrikoli tagħhom?
Jekk iva, meta hu mistenni li jinħarġu dawn l-iskemi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi fil-ġimghat li għaddew numru ta’ kunsilli lokali ibbenefikaw minn għajnuna allokata taħt il-Programm ta’ l-Iżvilupp Rurali 2007-2013 fuq żewġ miżuri marbuta mat-tisbieħ u l-konservazzjoni tal-patrimonju rurali malti b’investiment ta €26 miljun. Minħabba li d-domanda għall-fondi kienet tiżboq l-ammont allokat taħt il-miżuri speċifiċi ma huwiex possibli li tinħareg sejħa oħra għall-applikazzjonijet.
Madanakollu madwar € 4 miljun addizjonali ġew allokati lit-tlett Gruppi t’ Azzjoni Lokali (GAL) li jirrappreżentaw il-Majjistral, in-Nofsinhar ta’ Malta u Għawdex sabiex joħorgu sejħiet għall-applikazzjonijet bil-għan li jsiru proġetti li jwasslu għal tisbieħ taż-żoni rurali sabiex iservu bħala żoni ta’ rikreazzjoni u attrazzjoni turistika. Huwa ppjanant li dawn is-sejħiet jinħarġu s-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid meta jmut annimal domestiku u jkun irid jiġi skartat il-ġisem tiegħu, hemmx għalfejn sidu jirreġistra biex juża xi servizzi tal-biċċerija? Japprezza li l-NGO's konċernati ma jlaħħqux mad-domanda u huma stess jirrakmandaw li l-iġsma jittieħdu l-biċċerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li meta jmut annimal domestiku, jista’ jiġi skartat fl-inċineratur mingħajr il-ħtieġa li sidu jirreġistra sakemm ikun ta’ darba. Jekk wieħed iġorr annimali domestiċi spiss jiġi meqjuż bħala trasportattur ta’ annimali mejta u għaldaqstant ikollu jirregistra mad-Diretorat tar-Regolazzjoni Veterinarja. L-inċineratur hu mmexxi mill-Wasteserv u regolat mid-Diretorat tar-Regolazzjoni Veterinarja.
Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19374 u jgħid:
a) kemm-il permess/awtorizazzjonijiet nħargu mill-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta għall-istallazzjoniet ta’ tankijiet ta’ gass ta’ volum bejn il-500 litru u l-2000 litru f’dawn l-aħħar għaxar snin?
b) kemm minn dawn inħarġu fiż-żona ta’ Paceville?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-avviż legali numru 85/2010, jista' l-Ministru jgħid għaliex għaqdiet volontarji non-profit bħall-Iscouts qed jintalbu jħallsu €500 kull ġurnata għall-użu tal-Park Nazzjonali f'Ta' Qali? Ma jaħsibx li din it-tariffa hija ftit eċċessiva għal organizzazzjonijiet simili?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li ir-rata applikabbli tvarja skond iż-żona fil-Park Nazzjonali u dawn skond l-iskeda li tidher fl-Avviż Legali. F’numru ta żoni l-ħlas sħiħ hu ta’ anqas minn €160. Madankollu klawsola numru 5 (2) tal-Avviż Legali li qiegħed jagħmel riferenza għalih l-Onor. Interpellant tistipula li dawk l-NGOs li huma reġistrati taħt l-Att dwar Organiżżazzjonijiet Volontarji, jiġu eżentati milli jħallsu ħamsin fil-mija tar-rati. L-Avviż Legali jagħti wkoll poteri lill-Ministru li jeżenta minn kull ħlas lill-entitajiet tal-karita.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koperazzjoni hemm bejn id-dipartiment tal-agrikoltura u l-uffiċjali tad-dwana biex ikun hemm kontroll u tagħrif korrett dwar l-ammonti ta' prodotti li jiġu mqiegħda fis-suq Malti wara li jaslu minn barra minn Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li hemm fis-seħħ Memorandum of Understanding (MoU) bejn id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti u l-Customs Division fuq il-kontrolli li jsiru skont id-Direttiva tal-EU 2000/29 .
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kontrolli sanitarji (phyto-sanitary) qed isiru biex jiġi kontrollat il-mard li jista' jiġi mpurtat flimkien ma' siġar u pjanti li jiġu minn barra għas-suq Malti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti permezz tat-taqsima tas-Sorveljanza u Spettorat jagħmel spezzjonijiet fuq siġar u pjanti u prodotti tagħhom li jiġu impurtati minn pajjiżi terzi. L-ispezzjonijiet isiru fuq dawk il-prodotti li huma regolati bil-Liġi tal-Unjoni Ewropeja 2000/29EC u l-Avviz Legali 97/2004 u l-emendi tagħhom. Il-prodotti li huma suġġetti għal spezzjoni huma dawk li huma mniżżla fl-Anness VB tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja 2000/29EC u Skeda VB tal-Avviż Legali 97/2004.