Legislature:
Category:
Reset
Active:

xiri ta' taxi meters ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta jew il-gvern xtarax jew hux se jixtri taxi meters ġodda? Kemm kienet/se tkun l-ispiża u kif se tiġi rkuprata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li la Transport Malta u lanqas il-gvern m’huma se jixtru taximeters ġodda.

rotta numru 42

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil din il-Kamra x'se jsir dwar ir-rotta numru 42 li kienet twassal minn Birkirkara għal San Ġwann, Ta' Giorni (San Ġiljan), il-Gżira u l-Belt Valletta partikalarment in vista tat-tbatija li qed jgħaddu minnha r-residenti ta' Ta' Giorni (San Ġiljan)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Ta' Ġiorni hu servut bir-rotta 110, liema rotta tibqa’ sejra Mater Dei u tas-Sliema u bir-rotta 24 li mill-Belt Valletta tmur għal San Ġwann via Ta’ Ġiorni u viċi versa.

Arriva — bus shelters li għadhom mhux imwaħħla

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fadalx tined/shelters li għad iridu jinbnew fid-diversi termini li għandha l-Arriva madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx ftehim partikolari biex il-bus shelters li huma nieqsa madwar Malta fil-fatt jitwaħħlu? Tista' Transport Malta tassigura li kull fejn hu meħtieġ matul ir-rotta tal-Qawra fil-fatt jitwaħħlu x-shelters meħtieġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Parlament il-Ġdid — kunsiderazzjonijiet ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kunsiderazzjonijiet ambjentali qed jittieħdu fil-bini tal-Parlament il-Ġdid li jaffetwaw l-operat tal-bini meta dan jibda jiffunzjona f'termini ta' energy performance? Jista' jgħid x'rating ambjentali mistenni li jkollu l-bini tal-Parlament il-Ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq M.A. Sapiano - bus stop wieħed

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27742, jista' l-Ministru jikkonferma li l-informazzjoni mogħtija fis-sens li fi Triq M.A. Sapiano f'Ħaż-Żebbuġ hemm bus stop wieħed, hi korretta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara spezzjoni fiżika fuq il-post li għamlu uffiċċjali ta' Transport Malta, jirriżulta li fil-fatt, fi Triq M.A. Sapiano f'Ħaż-Żebbuġ hemm żewġ bus stops fuq naħa waħda bl-isem ta' 'Srina' u 'Batu'.

Pjanta tar-rotta 109

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi b'mod ċar ir-rotta 109 fid-direzzjoni għal Ħ'Attard u pjanta oħra li turi l-istess rotta fid-direzzjoni opposta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rotta 109 fid-direzzjoni għal Ħ’Attard hija l-istess rotta li topera fid-direzzjoni opposta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija rotta 109.

Ħad-Dingli għall-Isptar Mater Dei — rotta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Ħad-Dingli hemmx rotta diretta għall-Isptar Mater Dei u għall-Università? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'numru għandha din ir-rotta u kull x'ħin topera?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament, ir-residenti ta’ Ħad-Dingli huma moqdija bir-rotta 52 li teħodhom minn Ħad-Dingli lejn ir-Rabat (interchange) fejn hemm ibiddlu r-rotta għal dik bin-numru 202 li teħodhom Mater Dei u l-Università. Jistgħu ukoll permezz tar-rotta 52 jinżlu Ta’ Qali (interchange) u minn hemm ibiddlu r-rotta għal dik bin-numru 106 li teħodhom Mater Dei u l-Università. Infurmat ukoll li mis-6 ta’ Novembru 2011 ir-residenti ta’ Ħad-Dingli ser ikunu moqdija bir-rotta 203 li se tkun qed topera direttament minn Ħad-Dingli lejn Mater Dei u l-Universita’ kull siegħa.

Corporate Data Centre — management/corporate tree set up

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-corporate structure flimkien mal-management/corporate tree set up tal-Corporate Data Centre il-ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-management structure tal-MITA ma tinbidilx skont il-faċilitajiet fiżiċi u m' hemm l-ebda struttura ta’ management ġdida abbinata mad-Data Centre il-ġdid.

Santa Venera — Corporate Data Centre - Dipartiment tal-MITA

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema dipartiment tal-MITA se jkunu bbażati fil-premises il-ġodda ta' Santa Venera tal-Corporate Data Centre? Min huma l-kapijiet tad-Dipartimenti u kif ġew magħżulin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Systems Management u dak tan-Network and Services (fil-biċċa l-kbira tagħhom) se jibdew joperaw mill-faċilità tad-Data Centre l-ġdid. Nenfasizza però li dipartimenti u l-impjegati tal-MITA li jaħdmu skont l-esiġenzi tas-servizz li jinkludi ukoll l-aħjar użu ta’ spazju f’ kuntest ġenerali. Ma kien hemm l-ebda għażla ta' kapjiet ta’ dipartimenti għaliex l-istruttura tal-MITA ma nbidlitx.

Santa Venera — Corporate Data Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar cloud computing? Jista' jgħid jekk il-Corporate Data Centre ta' Santa Venera hijiex geared għal din it-teknoloġija ġdida?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Gvern jara cloud computing bħala opportunità għal Malta. Din it-teknoloġija diġàqiegħda tintuża f’mezzi bħal siti tal-internet ta’ social networking, email u teknoloġiji oħra. Fir-realtà l-MITA llum diġa' tipprovdi numru ta’ servizzi li jintużaw mid-Dipartimenti tal-Gvern fuq bażi simili, mingħajr m'hemm bżonn li d-dipartiment rispettiv jidħol f’aspetti tekniċi jew infrastrutturali. Cloud Computing toffri opportunitajiet kemm għall-konsumatur li permezz tagħha jista’ juża sistemi li jkunu f’ data centres madwar id-dinja, kif ukoll biex l-industrija tal-IT f’Malta, partikolarment fir-rigward ta’ software , jkollha opportunita’ tikber u tilħaq suq dinji mingħajr spejjeż kapitali jew infrastrutturali kbar. Il-Gvern ra l-opportunità ta’ dawn it-teknoloġiji u wasal għal ftehim ma’ Microsoft biex tiftaħ Innovation Centre f ' Malta, ddedikat fuq Cloud Technologies u mmirat lejn kumpaniji li qed iħarsu li jimplementaw soluzzjonijiet b’dawn it-teknoloġiji. Fil-kuntest tas-sistemi tal-gvern, wieħed jifhem li għal numru ta’ sistemi hemm bżonn attenzjoni partikolari fuq is-sigurtà tad- data. Għalhekk filwaqt li jkun hemm opportunitajiet ċari fejn il-gvern jista’ jiffranka l-ispejjeż permezz ta’ Cloud Computing , huwa mistenni li jibqa’ l-bżonn li ħafna sistemi jkunu kompletament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Gvern f’Malta. F’dawn il-kazi jkun implementat kunċett ta’ private cloud fejn l-istess teknoloġija tkun implementata għall-bżonnijiet ta’ klijenti partikolari. Il-gvern qed iħares l-aktar lejn dan il-mudell. Il- Corporate Data Centre li l-MITA qed tlesti f’Santa Venera ħa jkun mgħammar biex jipprovdi għal dawn it-teknoloġiji għall-gvern.

Dipartiment tal-MITA — Gattard House

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema dipartimenti tal-MITA se jibqgħu fejn huma f'Gattard House, il-Blata l-Bajda?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għal-mistoqsija parlamentari numru 27700. Ninsab infurmat li d–dipartimenti l-oħra se jibqgħu fejn huma.

Santa Venera — Corporate Data Centre - strutturi differenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema struttura qed tintuża biex jiġu konnessi l-Corporate Data Centre il-ġdid ta' Santa Venera ma' dawk eżistenti ta' Gattard House u Sptar Mater Dei?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-data centres kollha huma konnessi permezz ta' fibre optic cables speċifikament dedikati għal dan il-għan.

Data Centres — security precautions

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'security precautions qegħdin jittieħdu dwar il-tliet data centres tal-MITA? Jista' jikkonferma x'miżuri ttieħdu biex tiġi mħarsa id-Data Integrity speċjalment kontra hacking eċċ.? Se jkun hemm security section f'kull ċentru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-mizuri ta’sigurtà huma dawk li-l-industrija stess tirrakkomanda bħala best practice fil-kuntest tal-ispiża li jista' jagħmel il-gvern. Barra minn hekk matul dawn l-aħħar sentejn il-MITA għamlet investimenti kbar fil-qasam tas-sigurtà li wasslu biex tikseb iċ-ċertifikazzjoni tal-ISO 27001. Aktar minn hekk l-Uptime Institute diġà ċċertifika bħala Tier III id-data centre il-ġdid, biex b’hekk sar l-ewwel ċentru ta’ dan it-tip f’Malta li għandu dan ir-rikonoxximent globali. Sabiex il-viġilanza kontinwa f'dan l-aspett ma tonqosx isiru numru ta’ audits independenti speċifikament relatati mas-sigurtà tal-informazzjoni. Kif jaf tajjeb l-Onor Interpellant fil-qasam tas-sigurtà tal-informazzjoni, wieħed qatt ma jista' jagħmel iżżejjed u l-għan tagħna huwa li nibqgħu naħdmu biex, fil-limitu tal- budgets tagħna, nipprovdu l-aħjar qafas ta’ sigurtà possibbli.

Blue sticker

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27260 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jara għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kellha l-blue sticker għal dan l-aħħar 16-il sena u issa meta marret iġġedded, irrifjutaw li terġa' tingħata l-blue sticker peress li huma qed isostnu li huwa żball?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Upgrading fix-Xatt tal-Isla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-Xatt tal-Isla, jiġifieri mill-Maċina sal-ponta tal-Isla, huwiex ser jiġi upgraded ? Jekk iva, x’kunsiderazzjonijiet qed jittieħdu għas-sidien tad-dgħajjes li jtellgħu d-dgħajjes tagħhom fuq il-moll?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb biex il-Waterfront li jibda mill-Maċina sal-Ponta tal-Isla jiġi upgraded. Fil-fatt hemm applikazzjoni mal-MEPA għal dan il-għan. Fil-pjan qed jiġi kunsidratt ir-riorgannizzjoni tad-dgħajjes fuq l-art b'konsultazzjoni mar-raprezentanti tas-sidien kif ukoll mal-kunsill lokali.

Koppji li żżewġu u twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iżżewġu koppji f'pajjiżna sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'kienet l-età medja tal-irġiel u tan-nisa sena b'sena? Kemm ġew reġistrati twelid ta' trabi sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minnhom, kemm hemm reġistrati li l-missier mhux magħruf?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ħal Far — Tneħħija ta' bus stop ħdejn l-ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-bus stop li kien hemm ħdejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ f'Ħal Far tneħħa u issa l-mijiet ta' klijenti li jmorru l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ qed ikollhom jimxu mixjiet twal sakemm jaslu għad-destinazzjoni tagħhom? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li tneħħa minn hemmhekk? Min ħadem ir-rotot jew iddecieda fejn għandhom jieqfu l-karozzi tal-linja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li billi r-rotta antika tbiddlet, il-bus stop antika kellha tinbidel ukoll iżda ġiet sostitwita b'waħda oħra.