Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13328 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12949, jista' l-Ministru jgħid f'kull każ:
a. min kienu l-persuni, individwu jew kumpaniji li bbenefikaw minn dawn id-
direct orders
;
b. x'kien is-servizz jew prodott li pprovda lill-entità msemmija;
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jaġġorna dwar ir-restawr tal-Fanal tal-Ġordan u jgħid x'għad fadal issir biex dan il-proġett jitlesta minn kollox peress li ilu iktar minn sentejn għaddej ix-xogħol fuqu? Jista' jgħid f'liema xahar u sena hu ppjanat li jitlesta minn kollox, kif ukoll minn se jkun qed jamministra dan il-bini meta jkun lest ir-restawr u għal liema skop se jintuża? Il-Kunsill Lokali tal-Għasri se jkun involut fl-amministrazzjoni ta' dan il-fanal?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fil-Fanal tal-Ġordan wasal fil-fażi finali tiegħu, wara li dan l-aħħar ġiet restawrata u armata mill-ġdid il-kamra tal-lanterna. Qed isir ukoll xogħol minn kuntratturi privati fuq sistemi ġodda tad-dawl u oħrajn. Il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem ukoll biex jiġi konsolidat is-sies fuq l-aħħar parti tat-triq, minħabba l-ġeoloġija tal-post
Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender MGOZ/MPU/T37/2019 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt to the Ministry for Gozo li ħarġet fit-23 ta’ Lulju 2019? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħlijet saru, f’liema toroq u lokalitajiet saru x-xogħlijiet permezz ta' din it-tender u x'tip ta' xogħlijiet, f’liema toroq u lokalitajiet hemm ippjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin u sal-aħħar tas-sena 2020 permezz ta' din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onore. Interpellant li x-xogħlijiet li saru huma; rikostruzjoni ta’ parti min Triq San Gużepp fil-Qala, Triq iż-Żewwieqa bejn il-Qala u Għajnsielem u parti mit-Triq tal-Qaċċa fix-Xagħra. Ix-xogħol li jmiss għadu jrid jiġi definit skont il-prijoritajiet u l-urġenzi li jinqalgħu.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa, fil-Promenade ta' Marsalforn kemm intużaw metri kubi ta' concrete ready-mix s'issa, kif ukoll min kejjel (jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-isem, il-kunjom u l-grad tal-individwu/individwi) u xi grad ta' ready-mix hu?, Jista' jgħid ukoll kemm-il test sar, min għamel dawn it-testijiet (jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-isem, il-kunjom u l-grad tal-individwu/individwi) u s'issa fiex kienu jikkonsistu dawn it-testijiet min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema ġurnata, ħin tal-ġurnata u xahar saru u x'kien l-eżitu ta’ dawn it-testijiet kif ukoll jgħid ġewwa liema laboratorji saru dawn it-testijiet u jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kubaġġ ta’ konkos li ntuża fil-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa, fil-Promenade ta’ Marsalforn, huwa kif indikat fis-segwenti: ‘CBM 2 as per seires 1000’ – 213.25 metri kubi, ‘Grade C20 concrete’ – 171.61 metri kubi u ‘Grade C30 concrete’ – 687.30 metri kubi. Dan il-kejl sar mis-Sur Louis Portelli li huwa Quantity surveyor. It-testijiet saru min-naħa tal-kumpanija Solid Base u kopja tal-istess testijiet qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-kampjuni li ttieħdu f’ħames okkażjonijiet, nhar is-27 ta’ Frar, u nhar id-6, 9, 10 u 11 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Attachments:PQ 13952 - Marsalforn - proġett ta' riġenerazzjoni tal-Menqa.pdf
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu min-nhar l-20 ta' Frar 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jindika l-grad u l-kariga li jokkupa kull wieħed mill-imsemmija ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru 12-il talba għal teleworking li kollha ġew milqugħa. L-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nixtieq inżid li fiċ-ċirkustanzi preżenti, kif ġie ukoll mitlub mill-Awtorità tas-Saħħa sabiex jitwaqqaf it-tixrid tal-Covid-19, ingħatat il-possibilità lill-ħaddiema, biex fejn hu possibli, jaħdmu mid-dar. Dan biex tiġi salvagwardjata s-saħħa ta’ kull individwu, speċjalment ta’ dawk li huma vulnerabbli, kif ukoll biex jonqos l-influss ta’ ħaddiema mill-uffiċini.
Minbarra dawn it-12-il ħaddiem imsemmija hawn fuq, bħalissa hemm 59 ħaddiema oħra li qegħdin jaħdmu l-40 siegħa fl-intier tagħhom mid-dar, u 200 ħaddiema oħra li qegħdin jaħdmu b’sistema ta’ rotation bejn xogħol remot u fl-uffiċċju. B’dan il-mod, qiegħed jiġi evitat ir-riskju ta’ trasmissjoni ta’ mard, u fl-istess ħin nassiguraw li x-xogħol u s-servizz lill-klijenti jibqa' konsistenti f'kull ħin.
Attachments:PQ 13977 Ministeru għal Għawdex - teleworking.pdf
COVID-19 — Kirjiet ta' proprjetà pubblika – tħaffif
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux kirjiet ta' proprjetà pubblika lil negozji, entitajiet privati jew volontarji jew inkella persuni privati, li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? Jekk iva jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet biex il-piż ta' dawn il-kirjiet jitħaffef minn fuq il-kerrejja sakemm itul l-effett ta' COVID-19? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji ta' dawn il-pjanijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kemm-il darba ħass il-ħtieġa li jiltaqa' mal-Gozo Regional Committee fi ħdan l-MCESD speċjalment wara li faqqgħet l-imxija tal-Covid-19? Jista' jgħid meta saru dawn il-laqgħat u min kien preżenti? Jista' jgħid min huma r-rappreżentanti tal-Ministeru għal Għawdex fuq dan il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-Kunsill Malti għall-Iżvillupp Ekonomiku u Soċjali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ltqajt mal-imsemmi Gozo Regional Committee fi ħdan l-MCESD ġewwa l-Ministeru għal Għawdex nhar is-27 ta’ Frar 2020 u minn dakinhar sal-lum, komplejt niltaqa’ b’mod frekwenti mal-istake holders kollha nvoluti fil-kontroll tal-imxija tal-COVID-19.
Għawdex — Ix-Xewkija - Triq il-Pitkalija - kisi ta' triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li Triq il-Pitkalija fix-Xewkija Għawdex ilha għal aktar minn erba' xhur b'kisja waħda ta' asfalt? Meta hi ppjanata li tingħata l-aħħar kisja ta' asfalt lil din it-triq u b'hekk tkun lesta minn kollox?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol se jitkompla la darba l-Enemalta ilestu x-xogħlijiet marbuta ma’ din it-triq.
Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar il-proġett ta' Multi Modal Hub ġewwa Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-P.A. number ta' dan il-proġett kif ukoll l-istudji u dokumenti relatati mal-permess? Jista' jgħid jekk dan il-proġett hux iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u jekk iva kemm se jkun l-ammont ta' finanzjament minn fondi Ewropej?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej f’konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi flimkien ma’ Transport Malta biex l-applikazzjoni għall-permess tgħaddi mill-fażijiet li jmiss hekk kif stabbilit mill-istess policies li għandhom iż-żewġ awtoritajiet. In-numru tal-PA huwa PA 1606/19 u l-istudji u d-dokumenti kollha jinsabu fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan il-proġett huwa iffinanzjat minn Fondi Ewropej u l-ammont ta’ finanzjament huwa ta’ € 4,727,388.00.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li flok tinbena blokka ta' appartamenti ġodda f'Taċ-Ċawla, peress li x-xogħol fuq din il-blokka għadu ma bediex u hemm diversi proprjetajiet privati li qed jitbatlu minħabba l-imxija tal-COVID-19, li flok jieħu spazju pubbliku u miftuħ u jibnih fi blokka appartamenti, jikri appartamenti li diġà huma mibnija mingħand il-privat biex jintu¿aw għal social housing?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti l-imsemmija blokka li ser tinbena, il-Gvern diġà qiegħed juża propritajiet tal-privat għall-iskop ta’ social housing.
Għawdex — paroċċi u istituzzjonijiet tal-knisja - għajnuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-knisja f'Għawdex se jingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu matul is-sena 2020? Jista' jgħid f'kull każ kemm ser jkun l-ammont jew għajnuna oħra li gie miftiehem li jingħataw jew li diġà ngħataw lil kull parroċċa u għal liema skop ser jingħataw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Gozo Channel Operations Limited — tender għal Marine Oil Gas
Question
Jista' l-Ministru jaġġorna dwar it-tender li ħarġet fl-1 ta' Ottubru 2019, Framework Contract for the Supply and Delivery of Marine Gas Oil DMA according to ISO 8217 to Gozo Channel (Operations) Limited - CT2196/2019? Jista' jgħid jekk din it-tender ġietx awarded u jekk le x'inhuma r-raġunijiet li din l-imsemmija tender għadha ma ġietx awarded? Meta hemm ħsieb li din l-imsemmija tender tiġi awarded? Sadanittant mingħand min qed jinxtara l-Marine Oil Gas lil Gozo Channel (Operations) Limited u b'liema prezz u kundizzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġie awarded lil Falzon Fuels Services Limited. Kien tressaq appell minn Cassar Fuel Limited quddiem il-Public Contracts Review Board, li min-naħa tiegħu kkonferma l-award mogħti. Madankollu, dan il-bidder reġa’ appella, din id-darba quddiem il-Qorti tal-Appell, liema appell għadu pendenti. Dan it-tender ikun jista’ jiġi definittivament konċess meta jkun hemm id-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Appell.
Sadanitant, id-Dipartiment tal-Kuntratti approva x-xiri tal-marine gas oil qed isir minn għand Cassar Fuel Limited li kellu l-orħos quotation fit-tender. Il-prezz per metric tonne u kundizzjonijiet oħra relattivi għal dan l-arranġament, huma regolati bl-istess mod kif riżultanti mit-tender document.
B’referenza għal rappurtaġġ fil-media fis-27 ta’ April 2020, jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament x’xogħol se jsir eżattament fi Triq tal-Qaċċa fix-Xagħra Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm ġej jiswa dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol jikkonsisti f’manutenzjoni ta’ parti mit-triq li kienet saritilha l-ħsara maż-żmien. Bħalissa qed jiġu miġbura l-kontijiet.
Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fis-sit tal-Għar ta’ Kalipso fix-Xagħra Għawdex? Meta hu maħsub li dan is-sit jerġa jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda titħejja applikazzjoni biex tiġi sottomessa mal-Awtorità tal-Ippjanar għax-xogħlijiet neċessarji li hemm bżonn jitwettqu biex jiġi kkonsolidat l-għar. Dan ikun jista jerga’ jinfetaħ għall-pubbliku meta jitlestew ix-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm-il triq ġiet jew ser tiġi asfaltata, totalment jew parzjalment fix-Xagħra Għawdex matul din il-leġislatura? Kemm hi n-nefqa finali jew stmata għal kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għamel major patching f’Xagħra Road li mistenni jiġi jiswa madwar €22,000.00 (VAT eskluż). Hemm ukoll ippjanat bini mill-ġdid ta’ Triq Ġorf li hi stmata li se tiswa €230,102.82 (VAT eskluż).
Il-Ministeru għal Għawdex qiegħed ukoll jassisti lill-Kunsill biex tinbena Triq Marsalforn, Triq Masri, u jsir il-Proġett ta’ illuminazzjoni ġdida fi Vjal it-8 ta’ Settembru. Filwaqt li l-Ministeru assista wkoll biex saru parti minn Triq Gajdoru u Triq il-Kumittiva. L-ispejjeż marbutin ma' dawn il-proġetti huma kif jinsabu fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 14107 - Xagħra Għawdex toroq asfaltati.pdf
Università ta’ Malta – proposta mill-Grupp Universitarju Għawdxi rigward video conferencing mill-Gozo Campus
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ostakli li qed iżommu lill-Università ta' Malta milli tilqa’ l-proposta tal-Grupp Universitarju Għawdxi biex l-istudenti Għawdxin ikunu jistgħu jsegwu korsijiet Universitarji regolarment bil-video conferencing minn ġewwa l-Gozo Campus? Jista' jispjega wkoll x'beħsiebu jagħmel biex jegħleb dawn l-ostakli?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat. Madankollu, il-Ministeru għal Għawdex huwa disponibbli sabiex jagħti kull għajnuna neċessarja biex dan iseħħ.
Ir-Rabat Għawdex – bini ta’ triq arterjali ta’ Wara s-Sur
Question
B'referenza għax-xogħol li xi darba għandu jsir fuq il-bini mil-ġdid tat-triq arterjali ta' Wara s-Sur ġewwa r-Rabat Għawdex u li minna ta' kuljum jgħaddu mijiet ta' karozzi u trakkijiet, jista’ l-Ministru jgħid:
a. jekk hux se jsir
storm water culvert
minħabba l-ilmijiet kbar li jinżlu minn din it-triq;
b. jekk hux se jsiru walk through culverts biex is-servizzi jgħaddu minn ġo fihom u b’hekk ma jkunx hemm bżonn li terġa’ tinqala din it-triq arterjali meta jkunu se jsiru servizzi jew tiswijiet fuqhom;
c. kemm-il kisja ta’ asfalt se tingħata din it-triq u kemm hi l-ħxuna ta’ kull kisja asfalt;
d. jekk din it-triq prinċipali ġewwa Għawdex hux ser titwessa’ fl-iktar parti dejqa tagħha fejn ma jgħaddux żewġ karozzi fl-istess ħin; u
e. jekk din it-triq ewlenija u importanti ġewwa Għawdex hux ħa tinbena skont standards tal-Unjoni Ewropea, Transport Malta u standards ta' Infrastructure Malta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-triq ser isir storm water culvert. Ser isiru żewġ kisjiet ta’ hot rolled asphalt li jikkonsistu f’base course ta’ 80mm ħxuna u f’wearing course ta’ 40mm ħxuna. Din it-triq ħa tinbena skont standards tal-Unjoni Ewropea u ta’ Transport Malta u kklasifikata bħala “Construction Class V PAVEMENT CONSTRUCTION 4 - ASPHALT, TYPE 1 AND FOUNDATION COURSE’.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol fi Triq it-Torri ta' Kenuna fin-Nadur u dan peress li din it-triq issa ilha magħluqa b'ħajt tal-kantun għal diversi xhur u x-xogħol għadu ma bediex? Jista' jgħid meta hu mistenni li jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq parti minn Triq Fatima tlesta. Ix-xogħol fi Triq it-Torri ta’ Kenuna mistenni jibda fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li l-kumpanija Gozo Channel u l-kumpaniji l-oħra kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu, li ppubblikaw l-accounts tagħhom? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn l-accounts fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid għaliex l-accounts tas-snin sussegwenti għadhom ma ġewx pubblikati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
L-aħħar darba li ġew ippubblikati l-accounts tal-Gozo Channel (Operations) Ltd kienu tas-sena li tagħlaq fil-31 ta’ Dicembru 2017, liema rapport qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Papers Laid - 13764 - Gozo Channel - accounts.pdf