Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #9119 Sitting 123 2009-06-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każijiet ta' vjolenza domestika li tressqu quddiem il-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' vjolenza domestika li tressqu quddiem il-Qorti s-sena li għaddiet? Kemm minn dawn il-każijiet il-ġudikatura ħarġet Ordni tat-Trażżin, Ordni ta' Protezzjoni, Ordni ta' Trattament u/jew Ordni ta' Restrizzjoni? Kemm kien hemm każijiet fejn l-aggressuri m'obdewx dawn l-ordnijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-2008 kien hemm 719 persuna li tressqu l-Qorti fuq każijiet relatati ma vjolenza domestika. Rigward it-tieni u l-aħħar domandi, ninforma lill-Onorevoli Membru li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Belt Valletta — Serq minn djar residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8377, 8135 u 7685 u cioè: B'referenza għan-numru ta' serqiet minn djar residenzjali li seħħew matul is-snin 2004 sa 2008 fil-lokalità tal-Belt Valletta, jista' jgħid kemm tressqu nies il-Qorti u kemm instabu ħatja sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Belt Valletta resqet is-segwenti persuni:-
Leg 11 PQ #9076 Sitting 122 2009-06-08 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti irregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar tnax-il xahar kemm-il immigrant irregolari ħarab miċ-ċentri ta' detenzjoni jew kemm ġew nieqsa immigranti irregolari minn open centres u kemm minnhom ġew ri-intraċċati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi dawn l-aħħar 12-il-xahar kien hemm 6 immigranti irregolari li ħarbu minn Ċentri ta' detenzjoni mgħassa mill-Pulizija. S'issa 4 minnhom ġew misjuba.
Leg 11 PQ #9079 Sitting 122 2009-06-08 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Open Centres — Immigranti irregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn immigranti irregolari ġo open centres illum u kemm swew lid-dipartimenti din is-sena u kif?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 141 total ta' immigrant illegali fiċ-Ċentri Miftuħa u ċioe' persuni li ma ngħatalhomx l-istatus ta' refuġjat jew umanitarju. Infurmat ukoll li huwa stmat li dawn jiswew lid-dipartiment medja ta' €71.64 per capita fix-xahar bejn salarji u spejjeż oħra.

Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta u Għawdex — impjegati sick

Question

Jista' l-Ministru b'mod kunfidenzjali jagħti informazzjoni għall-perijodu 1 ta' April 2008 sal-lum, min huma l-impjegati kollha tal Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta u Għawdex li: a) irrapportaw sick fil-perijodu fuq msemmi? b) jekk intbagħatx it-tabib li kull impjegat li rrapporta sick għax-xogħol fil-perijodu fuq imsemmi? ċ) fil-każ li ma ntbagħatx it-tabib lil kulħadd, jgħid lil min intbagħat fil-perijodu fuq imsemmi? d) jekk ma ntbagħatx it-tabib lil kulħadd, jgħid fuq liema kriterji t-tabib ma ntbagħatx lil dawk li irrapportaw sick fil-perijodu msemmi e) jgħid liema huma l-kriterji li a bażi tagħhom l-amministrazzjoni tal-Qrati ta' Malta u Għawdex tiddeċiedi li tibgħat lit-tabib lill-impjegati tagħha li jirrapportaw sick għax-xogħol f) jgħid min huma u kemm kienu dawk l-impjegati tal-Qrati ta' Malta li żarhom it-tabib fil-ġranet li fihom irraputaw sick u ma nstabux id-dar tagħhom fil-perijodu fuq imsemmi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru. Ninsab infurmat illi l-proċedura tat-tabib hija li dan jintbagħat lil numru ta' impjegati kuljum, fuq random sample li tingħata minn kull Direttur fid-Diviżjoni Qrati tal-Ġustizzja.

Qorti ta' Malta — diretturi, reġistraturi, assistenti reġistraturi u assistenti diretturi - sick

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika kunfidenzjalment min huma d-diretturi tal-Qorti, ir-reġistraturi, l-assistenti reġistraturi u l-assistenti diretturi tal-Qorti? Jista' jgħid meta nħatru dawn il-persuni? Jista' jelenka kemm-il darba dawn irrapportaw sick u meta intbagħtilhom it-tabib minn April 2008 sal-lum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Qrati ta' Malta — Direttur ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod kunfidenzjali: a) Min hu d-direttur ġenerali tal-Qrati ta' Malta? b) Meta nħatar id-direttur ġenerali tal-Qrati ta' Malta? ċ) Minn meta nħatar, kemm-il darba rrapporta sick u kemm-il darba intbagħatlu t-tabib id-dar? d) Kemm ħa vacation leave id-direttur ġenerali minn meta nħatar? e) X'karozza għandu d-direttur ġenerali? f) Meta nxtrat din il-karozza tad-direttur ġenerali? g) Kemm qed jonfoq petrol jew fuel fil-ġimgħa, minn meta nħatar id-direttur ġenerali tal-Qrati ta' Malta? ġ) X'inhuma l-benefiċċji kollha illi jgawdi minnhom id-direttur ġenerali tal-Qorti bħala tali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttur Ġenerali tal-Qrati ta’ Malta huwa s-Sur Kevin Mahoney u nħatar f’din il-kariga b’effett mill-5 t’Awissu 2007. Mid-data tal-ħatra sa llum huwa rrapporta sick leave f’perjodu wieħed fl-2008 (mit-8 sal-11 ta’ Jannar). F’din l-okkażjoni ma ntbagħatx tabib id-dar. Kien hemm okkażjonijiet oħra fejn id-Direttur Ġenerali utilizza l- vacation leave tiegħu meta kien ma jiflaħx. Mill-5 t’Awissu sa l-aħħar tas-sena 2007 id-Direttur Ġenerali utilizza 83 siegħa u kwart. Matul is-sena 2008 ħa total ta’ 181 siegħa filwaqt li matul is-sena 2009 s’issa utilizza 64 siegħa u nofs. Il-karozza li juża d-Direttur Ġenerali hija tal-marka Ford Focus u nxtrat fl-20 t’Awwissu ta’ l-2004. Kull uffiċċjal li qiegħed fi skala ta’ salarju bejn il-1 u l-4 u qiegħed regolat b’kuntratt għandu l-faċilita’ li juża sa 150 litru ta’ petrol fix-xahar. Dan l-ammont qatt ma nqabeż mid-Direttur Ġenerali. Il-benefiċċji li jgawdi d-Direttur Ġenerali tal-Qorti huma simili għal dawk ta’ kull Direttur Ġenerali ieħor regolat b’kuntratt u qegħdin elenkati f’Appendiċi C tal-kuntratt iffirmat fis-17 t’Ottubru 2007.

Qrati ta' Malta — visiti tat-tabib

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħda tiġi tiswa kull vista tat-tabib lill-impjegati tal-Qrati ta' Malta li jirrapportaw sick?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta jħallsu €6.85 għal kull vista li jagħmel it-tabib lill-impjegati li jirrapportaw sick.

Qrati ta' Malta — nefqa globali fuq visti ta' tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali sabiex tobba jintbagħtu jinvistaw l-impjegati kollha tal-Qrati ta' Malta li rrapportaw sick għax-xogħol fil-perijodu April 2008 sal-lum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-nefqa globali li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru minn April tal-2008 sallum kienet ta' €2,015.27.

Qrati ta' Malta — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati tal-Qorti li qegħdin jiġu investigati mill-pulizija jew internament għal xi allegat/i att kriminali: a) X'inhuma s-suspetti jew l-akkużi kontra tagħhom? b) Jekk kemm-il darba hemm xi impjegati tal-Qorti hekk investigati jew issuspettati, jista' jgħid jekk għadhomx jattendu għal xogħolhom? ċ) Jekk hemmx xi ħadd minnhom illi jokkupa kariga fl-amministrazzjoni tal-Qrati ta' Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fid-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja Malta hemm żewġ (2) impjegati li qegħdin jiġu proċessati għal xi allegat att kriminali. Infurmat ukoll li wieħed minn dawn l-impjegati hu akkużat fuq pussess ta' droga u jinsab preżentament interdett skont ir-regolamenti tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (proċedura ta' dixxiplina), filwaqt li t-tieni impjegat qiegħed jiġi akkużat li bħala membru ta' klabb tal-banda, li kellu fil-pussess tiegħu jew taħt il-kontroll tiegħu sustanza splussiva għal-użu illegali. Dan l-impjegat qiegħed jattendi għax-xogħol bħala messaġġier peress li ma ġiex interdett. Ħadd minn dawn il-persuni ma jokkkupaw kariga fl-amministrazzjoni tal-Qorti ta' Malta.
Leg 11 PQ #9235 Sitting 122 2009-06-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

bejgħ ta' ġugarelli forma ta' pistola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux permess li jinbiegħu ġugarelli forma ta' pistola fil-festi u fil-ħwienet li l-mudell tagħhom huwa indikat separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda projbizzjoni dwar il-bejgħ ta' dawn it-tipi ta' ġugarelli.
Leg 11 PQ #9236 Sitting 122 2009-06-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Guidelines biex tingħata sentenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġudikatura għandhomx sentencing guidlelines biex jgħinuhom qabel ma jagħtu s-sentenzi tagħhom? Jekk iva, tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn il-guidelines? Jekk le, jista' jgħid jekk hux se jsiru dawn il-guidelines bħalma għandhom pajjiżi oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-kamp penali is-sentencing guidelines jinsabu fil-fatt is-sentenzi li jingħataw mill-Qorti tal-Appell Kriminali, kemm dik kolleġġjalment komposta kif ukoll meta komposta minn Imħallef wieħed. Dawn is-sentenzi huma kollha disponibbli on line. Meta sentenza simili tkun ta’ importanza partikolari, din tiġi wkoll speċifikatament ċirkolata mal-ġudikanti kollha li jagħmlu kawżi penali.
Leg 11 PQ #8860 Sitting 120 2009-06-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Avukati u Prokuraturi legali — għajnuna legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-avukati u l-prokuraturi legali attwali għall-għajnuna legali? Jista’ jgħid matul dawn l-aħħar 18-il xahar, kemm kien hemm riżenji minn din il-lista u r-raġunijiet tar-riżenji?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-lista attwali tal-Avukati u Prokuraturi Legali (7 u 7 rispettivament) għall-Għajnuna Legali ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,384 tat-3 ta' Marzu, 2009, bl-avviżi numri 167 u 168 rispettivament. Infurmat ukoll illi f'dawn l-aħħar tmintax-il xahar kien hemm seba Avukati li irriżenjaw minn din il-kariga, mentri ebda Prokuratur Legali ma irriżenja. Ir-raġunijiet għal tali riżenja huma varji.
Leg 11 PQ #8861 Sitting 120 2009-06-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Avukati għall-għajnuna legali — paga u benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterju juża biex jintgħażlu l-avukati għall-għajnuna legali? X’paga u x'benefiċċji oħra jingħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-kriterji għall-għażla tal-Avukati u Prokuraturi Legali tal-Għajnuna Legali huma bbażati fuq il-kwalifiki, l-esperjenza u d-disponibilita' tagħhom, skont kif jiddeċiedi l-Bord tal-Għażla, wara sejħa għall-applikazzjonijiet minn min huwa interessat tramite l-Kamra tal-Avukati, u dana ai termini tal-Artikolu 89 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. Il-pagi u benefiċċji kompetenti għall-Avukati u Prokuraturi Legali tal-Għajnuna Legali huma kif stipulati bl-Artikolu 95 tal-imsemmi Kodiċi (kapitolu 12), u kif jitħallsu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Leg 11 PQ #8862 Sitting 120 2009-06-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Nomina Maltija għall-Imħallef — intoppi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega fid-dettall x’inhuma l-intoppi li qed jinqatgħu għan-nomina Maltija għall-imħallef biex jippresjedi l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem? Jista’ jippreċiza u jgħid meta suppost jirtira l-imħallef li dettalji qed jingħataw separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jidherx li hemm xi ntoppi għal din in-nomina. Is-Sotto-Kumitat għall-Elezzjoni tal-Imħallfin tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem u Affarijiet Legali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, fehem u aċċetta r-ragunijiet għaliex il-lista li ssottometta l-Gvern Malti kienet ta' tlett irgiel. Is-Sotto-Kumitat irrakkomanda lill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem u Affarijiet Legali li jaċċetta l-lista Maltija. Infurmat ukoll illi meta ltaqa' dan il-Kumitat ma kellux quorum u għalhekk ma setax jieħu deċiżjoni. L-istess Kumitat mistenni jerga' jkollu quddiemu dan il-punt meta jerġa' jiltaqa' f'Ġunju. Rigward it-tieni parti tal-interpellanza, nirreferi lill-Onoreveoli Membru għall-Protokoll numru 11 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Artiklu 23 (Terms of office) paragrafu 6.
Leg 11 PQ #8863 Sitting 120 2009-06-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem — pakket offrut lill-imħallef

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju li huwa offrut lill-imħallef li jippresjedi l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #8864 Sitting 120 2009-06-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti Ċivili — nominazzjoni ta' periti arkitetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-periti arkittetti li ġew imqabbda mill-Qorti tal-Maġistrati matul is-sena 2008 u 2009 u jgħid kemm tħallsu wieħed wieħed? Jista’ jgħid min huma l-periti arkitetti li ġew nominati mill-Qrati Ċivili, inkluż familja, u jagħti dettalji ta’ kemm ħadu pagamenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2008 il-Qorti tal-Magistrati nnomina bħala espert lil Perit Arkitett wieħed f' kawża waħda. L-istess Perit ġie nominat kawża oħra mill-istess Qorti tal-Maġistrati fl-2009. ll-Qrati Ċivili, u ċioe' l-Prim' Awla tal-Qorti Ċivili, il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) u l-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja, matul is-snin 2008 u 2009 (sat-22 ta' Mejju 2009) innominaw sittax-il Perit Arkitetti ndikati fil-lista li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. Rigward il-pagamenti li saru lil dawn il-periti, ninforma lill-Onorevoli Membru li peress li tali ħlasijiet isiru direttament lill-Periti nominati mill-partijiet fil-kawża, ma jinżammux dettalji ta' kemm kienu dawn l-istess ħlasijiet.
Leg 11 PQ #8865 Sitting 120 2009-06-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Traduturi tal-Qrati — liċenzja approvata mill-Istat

Question

Jikkonsidra l-Ministru li jorganizza serjament it-traduturi tal-qrati u jipprovdi, fost affarijiet oħra, li dawn irid ikollhom liċenzja approvata mill-Istat u jkun hemm reġistru appożitu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant se jiġi kkunsidrat.

Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali tar-Repubblika — każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2007, 2008 u 2009 s'issa, kemm kien hemm każi ta' investigazzjonijiet mill-pulizija li dwarhom l-uffiċċju tal-Avukati Ġenerali tar-Repubblika ta parir lill-pulizija li ma kellhomx jipproċedu fil-qorti dwarhom? Liema kienu dawn il-każi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru ma tinżammx taħt forma ta' statistika u għalhekk mhux possibbli li tingħata.
Leg 11 PQ #8290 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Terrorism Working Group — rapport annwali tal-kumitat tas-Sigurtà

Question

B'referenza għar-rapport annwali għas-sena 2008 tal-kumitat tas-sigurtà skond l-artiklu 14(4) tal-Att tal-1966 dwar is-servizzi tas-sigurtà, jista' l-Ministru jgħid liema dipartimenti ġie rapportat lilhom mit-Terrorism Working Group rakkmandazzjonijiet għat-titjieb tas-sigurtà ta' pajjiżna f'każ ta' attak teroristiku?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew indirizzati lis-Servizz tas-Sigurta', lill-Korp tal-Pulizija, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lid-Dipartiment tas-Saħħa kollettivament u lill-MITA.