Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Bajjiet magħluqa għal għawm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema bajjiet ġewwa Għawdex ġew magħluqa u ddedikati għall-għawm sabiex in-nies b’mod partikolari t-tfal, jgħumu f’ambjent aktar sigur? Jista’ jgħid liema bajjiet fadal ġewwa Għawdex jiġu magħluqa biex ikunu iddedikati għall-għawm għan-nies, u meta ser jingħalqu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li dawn il-bajjiet f’Għawdex huma magħluqa: · Mġarr Xini · Bajja ta’ Xlendi · Bajja tal-Qbajjar · Bajja ta’ Ramla · Ħondoq Ir-Rummien · Bajja ta’ Marsalforn

Is-sitt u s-Seba’ Distrett – Tarmak li sar minn Fondi ta’ Infrastructure Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqisja parlamentari 18196 u jgħid kemm-il triq saret bit-tramak minn fondi ta’ Infrastructure Malta mill-2013 (inkluż dawk mgħoddija lill-kunsilli lokali) sal-lum fil-lokalitajiet kollha tas-6 u s-7 distrett? Jista’ jagħti l-informazzjoni lokalità b’lokalità u b’total ta’ metri għal kull lokalità u sena b’sena? Jista’ jgħid min kienu l-kuntratturi f’kull każ? Kemm kienet in-nefqa f’kull każ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Mellieħa – Triq Port Ruman – sfrundar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif wara biss ftit ġimgħat li saret Triq Port Ruman fil-Mellieħa minn Infrastructure Malta, din sfrondat (hekk kif jidher fir-ritratt anness)?

Response (BORG, IAN)

Hija ħasra li hawn deputati li kif jaraw kumment jew ritratt fuq Facebook jiġu jiġru jagħmlu mistoqsija parlamentari ħalli jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa, bla ma l-ewwel jagħmlu mqar ftit riċerka ba¿ika biex jivverifikaw il-fatti, f’tellieqa ma’ membri parlamentari u kandidati oħra biex jidhru li huma “ħadu azzjoni” l-ewwel. Dan qed iwassal għal ħafna ħela ta’ riżorsi sabiex jiġu ċċekkjati allegazzjonijiet inkorretti, jew sabiex tinġabar informazzjoni bba¿ata fuq mistoqsijiet b’tagħrif żbaljat. Nixtieq nibda billi ninforma lill-Onorevoli Cutajar li l-Mellieħa m’hemm l-ebda triq jisimha Triq Port Ruman. Toroq b’dan l-isem jinsabu f’San Pawl il-Baħar u f’Marsaxlokk. Jista’ jkun li l-Onorevoli Cutajar qed jirreferi għal Triq il-Wied ta’ Ruman, imsemmija għal wied fil-Mellieħa li m’għandha xejn x’taqsam mal-portijiet tar-Rumani. Jekk fil-fatt qed jirreferi għal Triq il-Wied ta’ Ruman, allura nixtieq ninforma lill-Onorevoli Cutajar li din it-triq ma saritx minn Infrastructure Malta “biss ftit ġimgħat” ilu kif qed jallega, iżda bejn l-2013 u l-2014, xi tmien snin ilu, meta Infrastructure Malta lanqas biss kienet teżisti. Fl-aħħarnett, jidher li dan l-aħħar fi Triq il-Wied ta’ Ruman kien hemm ħsarat f’xi pajpijiet taħt l-art u l-entitajiet konċernati wettqu xi tiswijiet fl-istess triq. Filwaqt li dawn ix-xogħlijiet ma jiffurmawx parti mir-responsabilitajiet ta’ dan il-Ministeru, Infrastructure Malta u Transport Malta qed jitolbu lill-entitajiet li għamlu dawn it-tiswijiet sabiex ji¿guraw li t-triq titreġġa’ lura għall-istat tajjeb li kienet qabel seħħew il-ħsarat fis-servizzi taħt l-art, li jidher li kkawżaw ukoll il-ħsarat li jidhru fl-asfalt ta’ parti żgħira ta’ din it-triq.

Il-Mellieħa – Triq Port Ruman – dokumenti relatati maċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati maċ-ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta fuq Triq Port Ruman fil-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 21892 tal-istess Seduta. Triq Port Ruman fil-Mellieħa ma teżistix.

Il-Mellieħa – Triq It-Tabib Joseph Grech Attard, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa — inkonvenjenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser ikun qed jittaffa jew eliminat għal kollox l-inkonvenjent li ilhom isofru għal diversi snin ir-residenti li joqogħdu fit-Triq it-Tabib Joseph Grech Attard, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa fil-Mellieħa, peress li jinsabu fi stat ħażin u tal-biki hekk kif jidher fit-ritratti annessi?

Response (BORG, IAN)

Permezz ta’ Infrastructure Malta, il-Gvern għaddej bl-akbar investiment li qatt sar fit-toroq Maltin, bil-bini mill-ġdid ta’ mijiet ta’ toroq residenzjali u rurali, fosthom uħud li kien ilhom mitluqin għexieren ta’ snin. Ninsab infurmat li t-tliet toroq indikati huma toroq residenzjali ġodda li fihom beda jsir l-iżvilupp tal-bini f’dawn l-aħħar snin. Infrastructure Malta ser tibni Triq it-Tabib Joseph Grech Attard wara li jitlestew ix-xogħlijiet meħtieġa ta’ servizzi taħt l-art mill-entitajiet rispettivi. Sadanittant, Triq il-Barkazza u Triq Għar u Casa jkunu jistgħu jinbnew b’wiċċ t’asfalt meta l-iżviluppaturi konċernati jlestu l-formazzjoni tal-istess toroq, hekk kif mitlub minnhom skont il-liġi u skont il-permessi tal-iżvilupp applikabbli.

Ix-Xemxija – Żona tal-Fekruna — slielem

Question

Jista’ l-Ministru jara li ż-żewġ slielem li s-soltu jkun hemm fix-Xemxija, viċin jetty (kif jidher fir-ritratt anness) fl-akkwati taż-żona magħrufa bħala l-Fekruna jerġgħu jitpoġġew peress li n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ slielem qed joħloq periklu u inkonvenjent għal min jagħżel li jmur jgħum f’din iż-żona popolari?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħddi l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mellieħa — Triq Lewis Wettinger - qisien tal-bike lane u tal-karreġġjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16070 u 15564 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15156 fejn il-Ministru rrefera għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15154 u peress li f’din it-tweġiba mhemmx l-informazzjoni mitluba, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15156 u jagħti l-qisien preċiżi aġġornati ta’ kemm se tkun wiesa’ l-bike lane u l-wiesgħa tal-karreġġjati tal-Bypass tal-Mellieħa (Triq Lewis Wettinger) wara li ftit tal-ġimgħat ilu suppost saru l-culverts fuq l-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Louis Wettinger, jew kif inhi magħrufa l-Bypass tal-Mellieħa, inbniet mill-ġdid fl-2018 b’investiment ta’ €2.8 miljun sabiex tkun aktar sigura għal dawk kollha li jużawha. Fost oħrajn, f’din it-triq saret struttura ġdida tal-konkos biex issaħħaħ il-pendamenti tat-triq mal-ġenb tal-karreġġjata tat-tramuntana, fuq ir-riħ tal-Miżieb. B’hekk, seta’ jiġi introdott tagħmir ġdid ta’ crash barriers aktar siguri mal-ġenb tal-karreġġjata. Saret ukoll central strip ġdida bil-crash barriers fin-nofs, bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti, biex jonqsu r-riskji t’aċċidenti u ħabtiet bejn karozzi għaddejjin f’direzzjonijiet opposti. It-triq kollha, li qabel qatt ma kienet imdawla, saritilha wkoll sistema ġdida ta’ lampi LED fuq arbli. Fl-istess waqt, flimkien mal-erba’ korsiji għall-karozzi, tnejn f’kull direzzjoni, din il-Bypass issa għandha wkoll korsija għar-roti b’tul ta’ 1.4 kilometri. Il-proġett kien jinkludi wkoll disinn ġdid ta’ uħud mill-junctions bejn din it-triq u toroq oħrajn li jinfdu magħha, fosthom it-triq tal-Miżieb u toroq oħrajn li jwasslu għaż-żoni residenzjali tal-Mellieħa, sabiex ikomplu jonqsu r-riskji t’aċċidenti. Wara li tlestew ix-xogħlijiet, bħalma jiġri f’kull proġett ta’ dan it-tip, Infrastructure Malta kkummissjonat it-testijiet tekniċi biex tivverifika l-kwalità tax-xogħol li jkun sar. Dawn it-testijiet ikkonfermaw li partijiet mill-wiċċ tal-asfalt tat-triq kien jeħtieġ li jitranġaw. Xogħlijiet bħal dawn biex jintlaħaq il-livell ta’ kwalità rikjesta jsiru mill-kuntratturi tal-proġett, bi spejjeż għalihom. L-ewwel fażi tax-xogħlijiet ta’ tiswijiet saru fil-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Bypass u tlestew fil-bidu tal-2020. Fl-istess ħin, waqt dawn ix-xogħlijiet, fuq talba li għamel il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Infrastructure Malta għamlet ukoll tisħiħ tas-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita fl-istess parti ta’ din it-triq. Permezz ta’ dan it-tisħiħ, ġew introdotti pajpijiet u spralli mal-ġenb ta’ din il-karreġġjata, filwaqt li ttejbet ukoll l-istruttura tal-kurduna mal-ġenb tat-triq, sabiex toffri aktar lqugħ għall-ilmijiet. Kif diġa spjegajt fit-tweġibiet ta’ diversi mistoqsijiet lill-nstess interpellant fix-xhur li għaddew, dawn ix-xogħlijiet m’affettwaw bl-ebda mod il-qisien tal-korsiji tal-karozzi jew tal-korsija għar-roti fl-istess triq, li baqgħu l-istess bħal ma kienu qabel. Il-korsiji ta’ din it-triq baqgħu wiesa’ madwar 3.25 metri, filwaqt li l-korsija għar-roti tvarja minn 1.5 metri sa 1.8 metri. F’xi partijiet mit-triq, il-korsija għar-roti hija usa’ minn hekk.

Marsaskala: Triq il-Qaliet – speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta, jindika jekk irċevietx xi talba sabiex jiġu installati speed cameras fit-Triq il-Qaliet, Marsaskala sabiex jiġu evitati aktar inċidenti tat-traffiku? Jekk iva, għaliex ma ittieħdet ebda azzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorita’ tat-Trasport ma rċiviet l-ebda applikazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Marsascala jew inkella mingħand il-LESA sabiex tiġi nstallata speed camera kif indikat.

Transport Malta – dgħajjes fuq art pubblika

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'politika għandha Transport Malta fir-rigward ta' dgħajjes li jitħallew fuq art pubblika għal żmien twil, jekk jiġix impost xi ħlas fir-rigward u jekk hemmx limitu kemm tali qoxriet jistgħu jitħallew fuq art pubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Trasport f’Malta ma toħroġx l-ebda permessi sabiex jitpoġġew opri tal-baħar fuq art pubblika.

Transport Malta – fast ferry catamarans — prijorità

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala Transport Malta ddeċidiet illi l-fast ferry catamarans ikollhom prijorità fid-dħul u l-ħruġ mill-Port tal-Imġarr fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u x'kien l-impatt ta' din il-politika fuq l-operat tal-Gozo Channel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li hija prassi li l-bastimenti tal-passiġieri (passengers only: inkluż cruise liners and ferries) jingħataw prijorita’. Dan japplika ukoll għal fast ferries. Irrid inżid li b’mod ġenerali is-servizz tal-fast ferries mhux qed jikkaġuna xi dewmien fl-iskeda tal-Gozo Channel.

Fast Ferry – operaturi – bejgħ ta’ biljetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-operaturi tal-Fast Ferry li ġie introdott dan l-aħħar jistgħux ibiegħu biljetti għall-vjaġġi provduti minnhom, barra t-terminals minn fejn jitlaq is-servizz? Jekk iva, x'inhuma l-parametri?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li operaturi ta’ bastimenti kummerċjali inkluż il-fast ferries jista ibiegħu biljetti għall-vjaġġi provduti minnhom skond il kundizzjonijiet kif stabbilit permezz tar-Regolamenti Dwar il-Bastimenti Kummerċjali L.S. 499.23 u b’refernza partikolari għal regolament 37A. (1) Is-servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri jistgħu jinbiegħu biss minn post kummerċjali awtorizzat, mill-uffiċini tal-operatur jew miċ-ċentru minn fejn jopera, online, bit-telefown jew bil-posta, mill-bastiment kummerċjali li għalih is-servizzi ta’ ġarr ta’passiġġieri jkunu qegħdin jinbiegħu, mill-istand tal-operatur li hija koperta b’awtorizzazzjoni jew liċenza jew f ’distanż a ta’ mhux aktar minn ħames metri ’l bogħod mill-postijiet stabbiliti li minnhom jittellgħu u, jew jitniżżlu l-passiġġieri: Ida dawn il-ħames metri m’għandhomx ifixklu d-drittijiet ta’, jew ikunu ta’ fastidju lil, operatur ta’ ħdejh. (2) l-bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri f’distanza ta’ mhux aktar minn ħames metri bogħod mill-postijiet stabbiliti li minnhom jittellgħu u, jew jitniżżlu l-passiġġieri hija soġġetta għal kull awtorizzazzjoni ,ċertifikat, permess jew liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti sabiex tkun mwaqqfa, imqiegħda, imwaħħla jew installata dik l-għamara tat-triq neċessarja. (3) L-ebda bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri m’għandu jsir f’distanza ta’ inqas minn ħames metri ’il bogħod minn bus stop, venda ta’ taxi jew venda tal-karozzini, jew kull waqfa jew venda oħra użata esklussivament għal servizzi għat-trasport fuq l-art. Qiegħed ukoll inpoġġi kopja tar-Regolamenti fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gżira u Ta’ Xbiex – pjanijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21676 u għall-pjanijiet li hemm mal-Kosta tal Gżira u Ta’ Xbiex lis-site plan tagħhom qed tingħata separatament u peress li jidher li huma pilotati minn Transport Malta fost oħrajn, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsens jew oġġezjoni mill- kunsilli lokali ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-site plan tindika l-iżvilupp tal-Gzira Marina,l-kosta u l-ġnien tal-Gzira. Rigward dan hemm qbil u kunsens mill-Kunsill Lokali tal-Gzira. Dawn il-pjanijiet ser isiru sabiex ikun hemm tisbiħ tal-infrastruttura, bandli, siġar u pjanti biex jitgawda mill-pubbliku f’ambjent li jixraq dawn l-inħawi.

Il-Mosta — Triq il-Kbira - drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li d-drenaġġ fi Triq il-Kbira fil-Mosta, waqt li qed jsir xogħol, ma jibqax drenaġġ miftuħ minħabba r-residenti li jgħixu hemm?

Response (BORG, IAN)

Il-Mosta hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-aktar li saru toroq ġodda minn Infrastructure Malta minħabba t-telqa u s-snin twal ta’ nuqqas t’investiment li kien hemm f’din il-lokalità fil-passat. Fil-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira, u Triq Patri Ġuże' Delia. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta u Triq il-Kostituzzjoni waqt li diġà hemm ippjanti diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità biex isiru fiż-żmien li ġej. Wara li tlestiet l-ewwel fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kbira bħalissa qed issir it-tieni fażi fin-nofs l-ieħor ta’ din it-triq lejn ix-xaqliba tal-qalba tal-Mosta. Qabel ma terġa’ tibni l-karreġġjata ta’ din it-triq, Infrastructure Malta qed tagħmel bankini ġodda u qed tqiegħed aktar minn 4 kilometri pajpijiet tal-ilma, katusi ġodda tad-drenaġġ, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi oħrajn tat-telekomunikazzjoni, cables għall-provvista tal-elettriku u sistema ta' katusi għall-ilma tax-xita. Minħabba li ilhom ma jinbidlu snin, meta qed jinkixfu l-katusi l-antiki tad-drenaġġ qed jinstab li tant huma fi stat ħażin li uħud minnhom ikunu mkissrin. Kull fejn jinstabu katusi mkissrin qed tittieħed azzjoni mill-ewwel biex, sakemm jitlestew il-katusi ġodda, dawk antiki jitranġaw temporanjament ħalli d-drenaġġ ma jiskulax barra. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Transport Malta – limitu ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal catamarans bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'limitu ta' emissjonijiet ta' CO2 imponiet Transport Malta fuq l-operaturi tal-catamarans bejn Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-bastimenti li jidħlu u joperaw fl-ibħra u fil-portijiet Maltin, inkluż dawk li qed jintu¿aw għas-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, huma obbligati li jsegwu l-Konvenzjonijiet Internazzjonali tal-IMO, id-Direttivi u r-Regolamenti Ewropej u kif ukoll il-leġiżlazzzjoni lokali bl-isem Ir-Regolamenti dwar il-Kwalità tal-Karburanti (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 545.18). Kull bastiment hu obbligat li juża karburant b’kontenut ta’ kubrit li ma jeċċedix 0,10% bil-massa jew billi jagħmlu użu minn metodi approvati ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. L-Awtorità kompetenti li timplementa u tenforza dawn ir-Regolamenti, inkluż li jsiru spezzjonijiet, huwa r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS).

Il-Mosta – Triq id-Durumblat – tneħħija ta’ tabelli

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jitneħħew it-tabelli tal-one way fi Triq Durumblat fil-Mosta u fl-inħawi sabiex jitneħħa kull periklu li dawn it-tabelli jistgħu joħolqu issa li dawn ġew bla skop?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat minn Infrastructure Malta li t-tabelli temporanji fit-triq indikata tneħħew.

Ħ’Attard – Triq Tursin ir-Riħ — asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ħa jiġu ri-asfaltati minn Transport Malta f’Ħ’Attard u jekk Triq Tursin ir-Riħ hijiex waħda minnhom? Jekk iva, meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq Triq Tursin ir-Riħ?

Response (BORG, IAN)

Qabel xejn nispeċifika li Transport Malta waqfet tagħmel xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid u asfaltar ta’ toroq minn meta twaqqfet Infrastructure Malta tliet snin ilu. Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità ta’ Ħ’Attard diġà saru Triq il-Ġamar, Triq Dun Alwiġ Galea, Triq il-Marġ, Triq Hannibal, Sqaq Rajgu, Triq Annibale Preca, Triq Ferdinandu Inglott, Triq qrib San Anton, Triq Kananea, Triq Oliver Agius u Triq Lord Strickland. Bħalissa għaddej xogħol fi Triq l-Imdina, Triq iż-Żagħfran, Triq in-Nutar Zarb, Triq il-Belt Valletta, Triq Ħaż-Żebbuġ, Triq Wied ta’ Rmiedi u Triq San Anton. Fl-istess lokalità hemm ukoll diversi toroq oħrajn li bħat-triq indikata qed ikunu ppjanati biex isiru xogħlijiet fihom fiż-żmien li ġej li jinkludu wkoll Trejqet ir-Reġina, Triq l-Isptar, Triq l-Inħasa, Triq Ta’ Fgieni, Triq il-Pitkali, Triq il-Linja, Triq A Schembri u Triq Ħal Warda. Uħud mit-toroq li qegħdin isiru bħalissa f’Ħ’Attard jagħmlu parti mis-Central Link Project, li huwa investiment ewlieni li Infrastructure Malta qed twettaq anke b’fondi Ewropej biex ittejjeb il-kwalitá, is-sigurtá, s-sostenibilità u l-effiċjenza fir-rotta arterjali li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout li hemm fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. Il-ħin tal-ivvjaġġar f’dan in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż għandu jonqos bin-nofs. Ser jonqos l-ammont ta’ persuni li jkollhom jgħaddu minn toroq residenzjali fl-inħawi biex jippruvaw jaslu aktar malajr. B’hekk ser igawdu mhux biss il-lokalitajiet ta’ Ħal Balzan u Ħ’Attard, iżda wkoll oħrajn viċin bħal Ħal Lija u Birkirkara. Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.

Rapporti ta’ servizzi fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn saru rapporti dwar servizzi fit-toroq li qed isiru f’Malta u Għawdex? Jista’ jipprovdi r-rapport tas-servizzi tal-pajpijiet tar-rain water culverts u tad-drainage system kemm tat-toroq residenzjali kif ukoll tat-toroq kollha li saru jew qed isiru anke jekk parzjalment minn fondi tal-Unjoni Ewropea speċjalment tal-Flyover tal-Marsa u tas-Central Link?

Response (BORG, IAN)

Peress li l-Gvern qed iwettaq investiment bla preċedent fit-toroq, b’ħafna u ħafna xogħlijiet f’kull lokalità biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità ogħla wara għexieren ta’ snin ta’ telqa, u peress li jeżistu ħafna tipi ta’ rapporti, ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Agius jispeċifika eżattament x’tip ta’ rapporti jrid kopja tagħhom u għal liema toroq eżattament qed jagħmel referenza għalihom. Peress li fil-Marsa hemm seba’ strutturi ta’ flyovers u mhux waħda, jista’ wkoll l-Onorevoli Agius jindika għal liema waħda qed jirreferi? Fl-aħħarnett, jista’ jispeċifika għal liema mit-toroq li qed jinbnew mill-ġdid permezz ta’ Central Link Project qed jirreferi?

Kalkara – Triq is-Sienja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikunu finalizzati x-xogħlijiet li qed isiru fi Triq is-Sienja, il-Kalkara?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra. Fil-lokalità tal-Kalkara Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Kapuċċini, Triq Rinella, Trejqet Francesco Chircop u Triq il-Ġir. Bħalissa qegħdin isiru Triq is-Sienja u Triq il-Progress, waqt li fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet fi Triq ġdida fi Triq il-Kapuċċini. Ix-xogħlijiet fi Triq is-Sienja jinkludu bdil ta’ servizzi taħt l-art fosthom dawk għad-distribuzzjoni tal-ilma u drenaġġ, kif ukoll bini mill-ġdid tal-bankini fuq iż-żewġ naħat u tisħiħ tal-pedamenti qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat u mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

Ħ'Attard — Rotot tal-Karozzi tal-Linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, meta r-rotta tal-karozzi bin-numri 51, 52, u 53 se jibdew jgħaddu b' mod regolari minn Ħ' Attard, peress li r-residenti qed ikollhom imorru lejn l-isptar Monte Karmeli, biex jaslu fid-direzzjoni tar-Rabat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li r-rotot 51, 52 u 53, minkejja l-iżvilupp li għaddej in konnessjoni mal-proġett tas-Central Link, baqaw isegwu l-istess perkors tas-soltu bid-differenza li peress li Triq in-Nutar Zarb issa saret one way fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta, it-traffiku fid-direzzjoni lejn ir-Rabat qiegħed jgħaddi minn Triq Tumas Chetcuti.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħlas lil ditta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, mill-2013 sal-lum, x’entità fi ħdanu ħallset lid-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew ġietx mitluba ħlas għal xi servizzi kwalsiasi mill-istess ditta? Jekk iva, jistax jagħti d-dettalji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajijiet li jaqaw taħt il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ma ħadu l-ebda servizz jew ma nħarreġ l-ebda ħlas lejn din id-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament.