Legislature:
Category:
Reset
Active:

Long Term Care – Persuni allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif, kemm u min jiġi allokat għal-Long Term Care?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-proċess biex anzjan/a jiġi allokat għal-Long Term Care, jinvolvi eżami mediku / assessjar minn tim multi-dixxiplinarju. L-anzjani eleġibbli huma dawk li jiġu determinat li għandhom bżonn kura, attenzjoni u servizzi mediċi inter-dixxiplinarji iżjed regolari u allura jaqgħu f’kategorija 1. Anzjani li jaqgħu f’kategorija 2 fl-eżami mediku/assessjar jiġu ammessi ġewwa djar residenzjali skont il-livell ta’ kura li għandhom bżonn u d-disponibbiltà ta’ sodod f’dawn ir-residenzi. Anzjani li jaqgħu f’kategorija 3 jiġu provduti bis-servizzi ġewwa l-komunità skond il-bżonn individwali tagħhom.

Djar tal-anzjani – Allokazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-allokazzjoni għal dar tal-anzjani, jiġix ikkunsidrat il-post fejn ikunu joqogħdu l-persuna u l-qraba l-iktar viċin tagħha li normalment ikunu anzjani wkoll u mhux neċessarjament isuqu? Jista’ jgħid jagħmilx sens li l-anzjana titpoġġa l-Mellieħa u l-qarib tagħha jkun miż-Żejtun?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lil Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mistoqsija parlamentari 20434.

L-Isptar Mater Dei – Linji gwida dwar kunfidenzjalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi garantita kunfidenzjalità assoluta waqt il-ward round fl-Isptar Mater Dei, meta hemm biss purtiera bejn pazjent u ieħor u dettalji u informazzjoni sensittiva dwar il-pazjent ikunu qed jinstemgħu minn pazjenti oħra? Jista’ jgħid ukoll x’linji gwida qed jintużaw f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li waqt il-"ward rounds" ma jkunx hemm qraba. Għaldaqstant jinżamm volum baxx kemm jista’ jkun. Meta jkun hemm bżonn tintuża kamra privata, jekk il-pazjent ikun jista’ jiċċaqlaq. Meta jkun hemm bżonn issir laqgħa mal-pazjent u l-familjari, din issir f'kamra privata.

L-Isptar Mater Dei – Linji gwida dwar kunfidenzjalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi garantita kunfidenzjalità assoluta u l-informazzjoni tingħata biss lil terzi persuni jekk ikun hemm il-kunsens tal-pazjent? Jista’ jgħid ukoll x’linji gwida qed jintużaw f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-linji gwida li qed jintużaw huma dejjem skont il-GDPR.

CT4002/2024 — Contract Agreement for the Leasing of Twenty-Two (22) Accommodation Units for Gozo General Hospital – Sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġunijiet f'dawn l-aħħar ġranet inħasset il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa ‘CT4002/2024 - Contract Agreement for the Leasing of Twenty-Two (22) Accommodation Units for Gozo General Hospital’? Jista’ jgħid ukoll minn min ser jiġu użati dawn it-22 Units tal-akkomodazzjoni? Jista’ jgħid fil-preżent u f'dawn l-aħħar xhur u snin minn min kien qed jiġi offrut dan is-servizz u meta kienu ħarġu s-sejħiet pubbliċi biex jiġi offrut dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-sejħa li ħarġet riċenti hija meħtieġa għall-kontinwazzjoni tas-servizz li bħalissa qiegħed jingħata diġa li d-dettalji dwar l-użu ta’ dawn il-units diġa ngħatat fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19277.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Bordijiet u Kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva? F’kull każ, jista’ jagħti l-ismijiet tal-persuni li jiffurmaw dawn il-bordijiet u/jew kumitati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

PA07491/16 — Sptar Ġenerali ta’ Għawdex - Master plan

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22443 dwar il-Master Plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn ġie mwieġeb li “bħalissa għaddejjin bil-pjanijiet għall-ewwel fażi li tinkludi l-istudji ġeoloġiċi li huma kruċjali għall-bini tal-isptar il-ġdid”, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se toħroġ sejħa pubblika għal-istudji ġeoloġiċi, u jekk iva, meta hu maħsub li toħroġ din is-sejħa u kemm hi stmata li se tkun tiswa? Peress li f'dawn l-aħħar għaxar snin kienu saru diversi studji ġeoloġiċi, jista’ jgħid jekk dawn humiex se jiġu użati għall-bini ta' sptar ġdid ġewwa Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kuntratt għall-istudji ġeoloġiċi ġie iffirmat u qed jsiru il-preparamenti meħtiega biex ix-xogħol ta’ tħaffir jibda fil-jiem li ġejjijn. Il-kuntratt ġie mogħti bi proċess ristrett direttament ma’ kuntratturi kompetenti lokali għal valur ta €95,920. Dawn l-istudji huma meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni neċċesarja biex fuq dawn ir-riżultati jsir id-disinn tal-bini tal-isptar u l-binjiet anċillari oħra. Ninsab infurmat illi sa issa l-Gvern mgħandux aċċess għall-studji preċedenti.

Servizz tas-Silver T

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm anzjani użaw is-servizz tas-Silver T, lokalità lokalità u xahar b'xahar, mill-1 ta' Settembru 2023 sat-30 ta' Settembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istatistika mitluba dwar is-Servizz tas-Silver T, lokalità lokalità u xahar b’xahar mill-1 ta' Settembru 2023 sat-30 ta' Settembru 2024 qed tiġi impoggija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar tal-Anzjani — Kuntratti ta’ xiri ta’ sodod

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22255 u 22488 u ċjoè: Wara li l-Information and Data Protection Appeals Tribunal ordnat lill-Ministeru u l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sabiex jagħmlu aċċessibbli l-kuntratti kollha li l-Ministeru għandu mad-djar tal-anzjani fuq xiri ta’ sodod, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-kuntratti kollha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li huwa importanti li wieħed jinnota li peress li l-kuntratti saru fi snin differenti, il-prezz imniżżel fil-kuntratt jiġi aġġustat kull sena biż-żieda tal-indiċi tal prezzijiet. Dan huwa stipulat fil-kuntratt. Għalhekk biex wieħed iqabbel il-prezzijiet iridu jiġu aġġustati skont meta sar il-kuntratt. Kif wieħed jista’ jara ma hemm l-ebda kuntratt ta’ €120 kull sodda. Il-prezzijiet ivarjaw ftit minħabba diversi fatturi li jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta jsir il-kuntratt, għax kull dar hija differenti minn oħra. Fatturi bħal kemm ilha mibnija l-proprjetà u kemm sar rinovar fiha; il-lokalità ta’ fejn hi mibnija d-dar; is-servizzi anċillari jew infrastrutturali li toffri d-dar - bħal postijiet ta’ rikreazzjoni fuq barra, pixxina, kmamar interni mdaqqsa fejn l-anzjani jkunu jistgħu jagħmlu xi attivitajiet u jiltaqgħu flimkien; amenitajiet elettroniċi bħal sistemi ta’ sorveljanza elettronika tar-resident permezz ta’ tracking; faċilità li għandha rekords mediċi kompjuterizzati; postijiet li għandhom closed areas b’sigurtà u kura għola li jkunu adattati għal resident vulnerabbli. Wieħed irid isemmi wkoll li r-regoli tax-xiri tal-gvern, jagħtu eżenzjoni fejn jidħol is-soċjal. Nitkellmu ħafna fuq kemm ir-residenza tiġi d-dar tal-anzjan, u kemm issir ħsara meta jkun hemm rilokazzjonijiet sfurzati. Wieħed għalhekk jista’ jara kemm sistema ta’ tender f’dan is-settur tkun tfisser li l-anzjani joqogħdu jbiddlu d-dar residenzjali skont l-irħas offerent kull darba li jispiċċa t-tender ta’ dik id-dar u l-offerta li tiġi sottomessa fit-tender ma tkunx l-irħas. Dan barra l-fatt li l-kuntratti jkun fihom diversi sodod u allura qegħdin nitkellmu li mijiet ta’ anzjani jkunu jridu jiġu rilokati f’każijiet hekk. Żgur mhux sitwazzjoni aċċettabbli għall-benessere tal-anzjani. Din il-proċedura u dawn il-kuntratti dejjem saru skont ir-regoli tad-dipartiment tal-kuntratti minħabba r-raġuni soċjali, kif ukoll bl-approvazzjoni tal-fondi mill-Ministeru tal-Finanzi. Dawn l-istess kuntratti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenż De Paul — Welfare hampers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21986 u 20654 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid jekk tqassmux Welfare hampers lill-anzjani fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern, inkluż ir-Residenza San Vinċenz De Paul, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? i. Jekk le, għaliex twaqqfu? ii. Jekk iva, min kien/u l-fornitur/i? iii. Kemm tqassmu hampers kull darba? iv. Kemm-il darba tqassmu hampers matul kull sena partikolari, sena b’sena? v. Kemm sewa kull hamper? vi. Fiex kien jikkonsisti kull hamper? vii. Kif intgħażlu l-fornituri, jekk hux b’tender jew b’modi oħrajn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-Kumitat tal-Welfare iqassam riġali f’Jum l-Omm, f’Jum il-Missier u fil-Milied jiġifieri (3) tlieta fis-sena. L-informazzjoni mitluba minn l-2013 sa’ Jum l-Omm u Jum il-Missier tal-2024 dawn ir-rigali dejjem tqassmu, u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

CFT014-4112/24 (CPSU2458/24) 'Procurement of Property — Tender for the Leasing of Premises to Provide Warehouse Space for the Gozo General Hospital Stores within the Ministry for Health and Active Ageing'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa f’dawn l-aħħar ġranet li toħroġ is-sejħa - CFT014-4112/24 (CPSU2458/24) 'Procurement of Property - Tender for the Leasing of Premises to Provide Warehouse Space for the Gozo General Hospital Stores within the Ministry for Health and Active Ageing' u għal xiex se tintuża din il-Warehouse?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa CFT014-4112/24 (CPSU2458/24) 'Procurement of Property - Tender for the Leasing of Premises to Provide Warehouse Space for the Gozo General Hospital Stores within the Ministry for Health and Active Ageing' inħarġet bħala parti minn numru ta’ xogħlijiet neċessarji biex jiġi rrilaxxat l-ispazju meħtieġ ġewwa l-kampus tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex b’hekk jkun jista’ jinbena l-Isptar il-ġdid u l-bini anċellari tiegħu.

Is-Siġġiewi – Klinika tal-komunità ġdida — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol biex infetħet il-klinika l-ġdida għall-komunità fis-Siġġiewi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-nefqa totali biex infetħu kemm il-klinika, ċ-ċentru tat-telemedicine u l-istores li jinstabu fl-istess binja kienet tammonta għal €228,359.

Is-Siġġiewi – Klinika tal-komunità ġdida

Question

Fid-dawl li nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru fil-klinika l-ġdida għall-komunità fis-Siġġiewi, xi residenti infurmawni li kien hemm il-kuritur mimli ilma u ilma jqattar, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux minnu? Jista’ jgħid jekk kienx hemm xi ħsarat u x’kienet ir-raġuni għal dan? Jekk kien hemm xi ħsarat, jista’ jgħid ukoll meta se jerġgħu jibdew ix-xogħlijiet kif meħtieġa biex dan ma jerġax iseħħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm l-ebda ħsarat fuq l-apparat li jintuża fil-klinika. Din il-binja hija mikrija lill-Primary Healthcare u għal daqstant ġew infurmati l-periti tal-proġett biex issir spezjoni tal-bini.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16408.

Imtarfa Home — Ħsara fil-boiler

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu bil-ħsara l-boiler tal-Imtarfa Home? Jista’ jgħid ukoll għaliex għadhom ma sarux it-tiswijiet u meta ser ikun lest sabiex l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-ilma sħun fil-kmamar tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-boiler tal-Imtarfa Home kien bil-ħsara mill-21 ta’ Ottubru u ġie msewwi fil-31 ta’ Ottubru 2024. Id-dewmien fit-tiswija kien dovut għal nuqqas ta’ parti speċifika min-naħa tal-kuntrattur. Matul dan iż-żmien, xorta kien hemm provvista ta’ ilma sħun permezz ta’ boilers iżgħar alternattivi. Barra minn hekk, tender għall-boiler ġdid biex iservi għall-kontinġenza, diġà ġie ppubblikat.

Djar tal-anzjani — Każijiet ta’ salmonella

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każijiet ta’ salmonella fid-djar tal-anzjani matul din is-sena? Jekk iva, jista’ jgħid fejn u kemm persuni kellhom din l-infezzjoni? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni u prekawzjonijiet ittieħdu f’kull każ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li permezz tal-Anzjanitá Attiva u Kura fil-Kommunita u l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani instab li kien hemm każ wieħed ta’ salmonella matul din is-sena. Dan il-każ instab fid-dar tal-anzjani Dar il-Madonna tal-Mellieħa. L-Infection Control Nurse tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità flimkien mad-Dipartiment għar-Regolamenti tas-Saħħa, ħadu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni. Fost l-oħrajn, sar enfasi fuq l-importanza ta’ proċeduri rigorużi ta’ kontroll tal-infezzjoni mal-ħaddiema. Ir-resident ġie iżolat minn mar-residenti l-oħra u ttieħdu kampjuni ta’ ppurgar biex tiġi identifikata l-kawża tal-infezzjoni. Dan il-każ baqa jiġi segwit mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Min naħa ta’ San Vinċenz de Paul, kien hemm każ wieħed biss fejn ir-residenta ma tħallietx toħroġ mill-kamra sakemm fieqet. Barra minn hekk, l-impjegati ħadu l-prekawzjonijiet kollha kontra l-kuntatt, fosthom: · Ilbies ta’ fradal tal-plastik; · Iġene tal-idejn; · Ilbies ta’ ingwanti; · Użu ta’ kontenituri għal skart kliniku; · Żieda fil-frekwenza ta’ tindif tal-kamra; · Intuża apparat mediku għar-residenta biss; · Ħwejjeġ, lożor u investi intbagħtu għall-ħasil f’boroż apposta; · Ġiet notifikata d-Disease Surveillance Unit fi ħdan d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.