Sptar għall-Annimali San Franġisk — klinika veterinarja fil-pjanti oriġinali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjanti oriġinali ppreżentati quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Isptar għall-Annimali San Franġisk kienx jinkludi klinika veterinarja?
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — posts ta' diretturi vakanti
Question
Jista' l-Ministru jgħid lil din il-Kamra liema huma dawk il-posts ta' diretturi fil-Ministeru tiegħu illi huma vakanti? Jista' jgħid kemm dawn il-posts ilhom hekk vakanti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant dwar il-postijiet vakanti ta’ Diretturi fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali hija kif tidher hawn taħt:
Postijiet Vakanti
Kemm ilhom Vakanti
Direttur Ġenerali
(Strategy and Support)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mill-5 ta’ Jannar, 2010.
Direttur Ġenerali
(Tindif u Manutenzjoni)
Vakanti mid-9 ta’ Novembru, 2009 minħabba li d-Direttur Ġenerali laħaq l-eta ‘ tal-irtirar, pero ġiet mgħotija lilu estensjoni sat-8 ta’ Novembru, 2010.
Direttur
(Financial Management)
Vakanti mill-14 ta’ Ġunju, 2010.
Direttur (Regolazzjoni Veterinarja)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mit-22 ta’ Marzu 2002
Direttur (Agrikoltura)
Vakanti mill-15 ta’ April, 2008.
Direttur (Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi)
Vakanti mis-6 ta’ April, 2010.
Direttur (Parks, Afforestazzjoni, Restawr tal-Kampanja u Inizjattivi)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mill-24 ta’ Novembru, 2008.
Direttur (Manutenzjoni)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mill-5 ta’ Jannar, 2010.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — flus globali għal hospitality
Question
Jista' l-Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għal hospitality mill-Uffiċċju tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministru għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi n-nefqa fuq hospitality fl-ewwel disa xhur ta' din is-sena hua kif ġej; Dipartimenti fi ħdan il-Ministeru €26,760: Wasteserv: €2,528 u l-Awtorità ta’Malta dwar ir-Riżorsi: €535.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19787, jista' l-Ministru jirrispondi t-tieni parti jiġifieri jekk din il-marda kenitx ta' periklu għall- bniedem u x'kumpens se jingħataw ir-raħħala li nqatlulhom tiġieġ li nstabu morda bis-salmonella?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din il-marda ma kenitx ta’ periklu għall-bniedem minħabba l-moniteraġġ fuq l-irziezet, l-itestjar fuq it-tjur u l-kontrolli stretti li saru mill-veterinarji fil-Ministeru tiegħi. Ir-raħħala li nqatlulhom it-tiġieġ hu maħsub li jingħataw kumpens skont kif provdut fl-Att tas-Servizzi Veterinarji.
Permenent Secretary — mara impjegata taħt ir-responsabilità tiegħu
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le illi l-Permanent Secretary fil-Ministeru tiegħu għandu l-mara tiegħu impjegata f'post illi jaqa' taħt ir-responsabilità tal-istess Permanent Secretary?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma li l-mara tal-Permanent Secretary taħdem f’ wieħed mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Konformi mal-paragrafu 7.1.6.3 tal-Public Service Management Code (PSMC), qatt ma rriżulta li kien hemm sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kuntratturi li qed jiġbru l-iskart re-cycled, għadhom ma tħallsux għax-xoghol li għamlu f'xhur kmieni din is-sena meta kien għadu responsabbli l-Ministeru għal dan il-ħlas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalissa qed issir verifika tal-kontijiet tal-kuntratturi u l-pagamenti mistennija li jsiru kif jintemm dan il-proċess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tunellata ta' drenaġġ u demel l-irziezet Maltin u Għawdxin jipproduċu? Jista' jgħid xi proċedura qed tintuża biex id-drenaġġ u demel li jipproduċu l-irziezet Maltin u Għawdxin jiġi proċessat u jekk dan huwiex qiegħed jintuża biex jerġa' jintuża mill-biedja Maltija u Għawdxija bħala kompost? Jekk le, għal liema raġuni qed jerġa' jintuża?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwantitajiet eżatti ta' produzzjoni ta' demel u drenaġġ jiġu maħduma skont in-numru u tip ta' bhejjem. L-irziezet kollha li qed jirċievu approvazzjonijiet ta' żvilupp mill-MEPA, kollha għandhom Manure Clamp li huwa post fejn jinħazen id-demel għal 5 xhur u nofs. Skont il-linji gwida fil-COGAP ta' Malta dan id-demel maħzun jista' jinfirex biss fir-raba mil-15 ta' Marzu sal-15 ta' Ottubru ta' kull sena. Ammont mid-demel tal-baqar u nagħag jiġi utilizzat mill-ortikoltura iżda id-drenaġġ tal-majjal jintrema fis-sistema tad-drenaġġ skont kif approvat mill-WSC.
demel u drenaġġ tal-annimali mill-irziezet Maltin u Għawdxin
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jassigura li d-demel u d-drenaġġ tal-annimali mill-irziezet Maltin u Għawdxin mhux qed jispiċċa jikkontamina l-ilma li mbagħad dan l-ilma jintuża għal affarijiet oħra, fosthom għat-tisqija u x-xorb?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 18423 u nżid li l-CoGAP (Code of Good Agricultural Practice) fih diversi miżuri u prattiċi li l-bdiewa u r-raħħala għandhom jadottaw sabiex ikun imħares l-ambjent u animal welfare. Fost dawn il-prattiċi hemm miżuri obbligatorji speċifiċi, li l-bdiewa u r-raħħala għandhom jieħdu sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni ta’ l-ilma, kemm dak tal-pjan kif ukoll tal-wiċċ.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Talbiet għal career breaks
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks fl-aħħar sentejn f'kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa, kemm saru minn irgiel u għal liema raġuni?
Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata u fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li fl-aħħar sentejn fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali kien hemm tliet talbiet minn impjegati nisa għal career break li kollha ġew aċċettati. Dawn ġew proċessati f’perjodu ta’ bejn wieħed u ieħor ħmistax-il ġurnata.
It-talbiet saru minn impjegati mis-Sezzjoni għall-Parks, Afforestatzzjoni, Restawr tal-Kampanja u Inizjattivi, mid-Direttorat ghall-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi u mid-Dipartiment għad-Disinn u t-Twettiq ta’ Proġetti.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu fuq il-bord ta’ tmexxija li jieħu ħsieb il-Park Nazzjonali u storiku tal-Majjistral? Meta nħatru? X’inhi r-remunerazzjoni tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-bord ta’ tmexxija li jieħu ħsieb il-Park tal-Majjistral ġie maħtur permezz tal-Avviż Legali 251/2007 u emendat bl-Avviż Legali 224/2009 u huwa iffurmat minn President maħtur mill-Gvern, tliet membri li jirrappreżentaw lill-Gvern ta’ Malta wara konsultazzjoni mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Artijiet u d-Direttur tal-Ambjent, tliet membri nnominati rispettivament minn kull għaqda mhux Governattiva li huma Nature Trust, Din l-Art Ħelwa u Gaia Foundation u membru li jirrappreżenta l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Il-membri tal-bord ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni.
Park Nazzjonali u Storiku tal-Majjistral — nefqa globali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq fi flus il-Gvern Malti mis-sena 2008 sal-lum fuq il-Park Nazzjonali u Storiku tal-Majjistral? Jista’ jagħti breakdown tan-nefqa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għall-iskall li hemm qrib il-Marina l-Imsida, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex is-sidien tad-dgħajjes ikunu jistgħu jibqgħu jtellgħu u jniżżlu d-dgħajjes tagħhom fil-baħar mingħajr xkiel, fl-inħawi quddiem il-Lucky Bar, billi minħabba li hemm ħafna karrijiet fin-nofs u speed boats mitfugħin għall-bejgħ qed jiġu mxekkla milli jagħmlu dan? Dan l-ilment qed jitressaq f’isem għadd ta’ sidien tad-dgħajjes Misidjani.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-immaniġjar tal-mollijiet jaqa taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta u għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
programm ta' mobilità elettrika fil-qasam tal-karrozzi
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li esperti Portugiżi ippreżentawlu dwar programm ta' mobilità elettrika fil-qasam tal-karrozzi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-esperti Portugizi ma ppreżentaw l-ebda rapport formali. Dawn l-esperti ġew Malta fuq stedina tal-Kumitat li ħtart biex joħrog bi strateġija għall-karozzi elettriċi sabiex jaqsmu magħna l-esperjenza tal-Portugall f’dan il-qasam qabel il-kumitat jikkonkludi x-xogħol tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn irziezet tal-bhejjem u tat-tjur f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid kemm kull razzett jipproduċi laħam/ħalib u prodotti oħrajn għas-suq lokali u jekk hemmx xi prodotti minnhom li jiġu esportati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Irid jingħad illi minn żmien għal żmien ikun hemm esportazjoniji ta' laħam. Fl-aħħar snin kien hemm bejgh ta' prodotti fi swieq Ewropej direttament mill-produtturi.
Door to Door collection tal-boroż griżi — impatt fuq il-bring-in sites
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-użu tad-door to door collection permezz tal-boroż il-griżi, kienx hemm xi impatt jew tnaqqis mill-użu tal-bring-in sites speċjalment f’termini ta’ ammonti u volum? Fil-fehma tal-Ministeru, ix-shift mill-użu tal-bring-in sites għall-boroż il-griżi tejjeb jew le, is-source seperation tal-iskart? Mingħajr ma wieħed inaqqas il-validità tal-boroż il-griżi, il-Ministeru jaċċetta l-argument li filwaqt li l-bring-in sites jipproċessaw skart li huwa anqas labour intensive għall-waste processor fil-każ tal-boroż il-griżi dawn ikunu jinkludu aktar xogħol manwali ta’ sorting tal-materjal?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi minn mindu ġiet introdotta l-borża l-griża l-iskart separat miġbur żdied f’kull qasam inkluż mill-bring-in sites. L-introduzzjoni tal-borża l-griża żiedet sostanzjalment is-separazzjoni mid-djar Maltin u Għawdxin . Il-borza l-griża saret bil-ħsieb illi tgħin lill-individwi li jridu jisseparaw l-iskart iżda li jsibu diffikulta biex imorru jiddepożitaw l-iskart fil-bring-in sites u ċ-ċentri ta’ skart goff. Huwa ovvju li l-proċess tas-separazzjoni tal-iskart tal-boroż griżi huwa aktar labour intensive.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — parental leave
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment li jaqa` taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa u kemm minn irġiel? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata? Fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi matul dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm talba waħda għal parental leave minn impjegata fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti liema talba kienet proċessata u aċċettata fi żmien ġimgħa.
Kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi rwol kellhom il-Ministeru tiegħu u l-Awtorita' Maltija tar-Riżorsi fl-abbozzar tat-tweġiba li ngħatat lill-Kummissjoni Ewropea b'reazzjoni tal-ittra li l-Viċi President tagħha Michel Barnier bagħat lill-Gvern Malti f'Ġunju li għadda dwar il-kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara filwaqt li jgħid fiex kien jikkonsisti l-kontribut tal-persuna, li d-dettlalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-istess abbozzar u li kien iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Aġġudikazzjoni tal-istess sejħa għall-offerti msemmija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm illum jaħdmu jew aħjar ġew kummissjonati, sew mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u sew mill-Protokol Taljan? Jista' jgħid kemm tunellati ta' sludge ġew iġġenerati u kif dan ġie trattat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.