Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti — Grade C

Question

Tista l-Ministru tgħid kemm hu l-persentagg ta' studenti ta' kull skola/kulleġġ tal-gvern u dawk tal-Knisja fejn l-istudenti ġabu grade C jew aktar, mill-anqas fi tliet suġġetti li jinkludu s-suġġetti tal-Malti, Ingliż u Maths?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Biex tingħata l-informazzjoni, l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jindika s-sena ta’ l-eżami li qed jirreferi għalih , kif ukoll il-livell (SEC, Junior Lyceum, Common Entrance, Intermediate u Advanced Level) Ta’ min wieħed ifakkar li dawn ir-riżultati ta’ din is-sena għadhom qed jinħadmu.

Skejjel pubbliċi — Bullying

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm waslu rapporti għand il-Ministeru ta' każi ta' bullying fi skejjel pubbliċi f'dawn l-aħħar snin fil-livelli varji edukattivi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li rapporti dwar każi ta’ bullying fi skejjel pubbliċi f’dawn l-aħħar snin fil-livell varji edukattivi huma dawn: Matul is-sena 2003 ġew irrapurtati 118 każ ta’ bullying. Matul is-sena 2004 ġew irrapurtati 174 każ ta’ bullying. Matul is-sena 2005 ġew irrapurtati 181 każ ta’ bullying. Matul is-sena 2006 ġew irrapurtati 186 każ ta’ bullying. Matul is-sena 2007 ġew irrapurtati 186 każ ta’ bullying. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għandu programmi ta’ “Anti-Bullying Services” b’għalliema mħarrġa biex jagħtu appoġġ f’dawn is-sitwazzjonijiet. L-iskejjel għandhom ukoll 134 guidance teachers u 17-il-counsellor li jagħmlu interventi professjonali f’dawn il-każijiet.

Grounds tal-Football

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 981 u tindika liema rħula m'għandhomx ground tal-football? X'se jagħmel il-Gvern biex kull raħal ikollu għallinqas ground wieħed tal-football?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lokalitajiet f’Malta fejn m’hemmx ground huma B’Buġia, Bormla, Iklin, Marsascala, Mtarfa, Qrendi, Swieqi, Ta’ Xbiex. Il-Ministru għal Għawdex tinforma li l-lokalitajiet fejn m’hemmx ground huma l-Fontana u l-Għasri. Il-Kunsill Malti għall-iSport qed jaħdem sabiex jkun hemm spazji f’diversi nħawi li jistgħu jintużaw mill-komunita’ biex jiġu pprattikati dixxiplini sportivi differenti.

Kwestjoni ma' l-għalliema

Question

Tista' l-Ministru tindika x'passi ħa l-Gvern in vista tal-kwestjoni li kellu ma' l-għalliema, liema kwestjoni żviluppat f'azzjoni industrijali ma' l-MUT, biex isolvi din il-kwestjoni? X'se jagħmel biex l-istudenti li se jirċievu r-riżultati tard ma jintlaqtux ħażin, partikolarment dawk li jkunu jeħtieġu resits?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-kwestjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tirrigwarda azzjoni industrijali li zviluppat bejn l-Unions, l-MUT u l-UMASA, u l-Universita’ dwar i-fteħim kollettiv ta’ l-istaff akkademiku. Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Gvern flimkien ma’ l-Universita’ qiegħed jagħmel dak kollu li huwa possibli sabiex din il-kwestjoni tiġi riżolta fl-iqsar żmien possibli. L-Universita’ talbet lil unions biex jitwaqqfu d-direttivi u jitkomplew in-negozjati. Il-unions ma aċċetawx din il-proposta u għalhekk l-Universita’ talbet lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali sabiex isir laqgħa konċiljatorja, skond l-Att dwar l-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali.

San Pawl il-Baħar — Skola Primarja

Question

Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni dwar jekk hemmx xi ħsieb li l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar tingħalaq u tinbena oħra minflokha? Jekk iva, fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li bħalissa m’hemmx pjan li tingħalaq l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar u tinbena oħra minflokha.

Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Vetturi mikrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi/vetturi mikrija fil-mument għall-użu tal-ħteġijiet tal-ministeri, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtha? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali li titħallas kull xahar għal dawn il-karozzi/vetturi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Studenti bi Bżonnijiet Mediċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal, fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-istat li għandhom bżonn jieħdu mediċina (eż pilloli, syrups, inhalers, drops eċċ) waqt il-ħin ta' l-iskola u dan fuq bażi regolari? Tista' tgħid ukoll kemm hemm tfal, fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-istat li għandhom bżonn kura medika aktar intensiva (eż injections, suppositories, catheter eċċ) waqt il-ħin ta' l-iskola u dan fuq bażi regolari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

President tal-Kunsilli Skolastiċi

Question

Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex il-kunsilli lokali m'għadhomx jiġu mitluba jinnominaw persuna għall-ħatra ta' President tal-Kunsilli Skolastiċi fl-iskejjel tal-Gvern? Jidhrilha li għandha terġa' tibda tikkonsulta mal-gvernijiet lokali bħala rappreżentanti eletti mir-residenti fil-lokalitajiet tagħhom? Għal kemm-il sena President ta' Kunsill Skolastiku jista' jibqa' jżomm il-kariga tiegħu ma' l-istess kunsill?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-prassi kurrenti hi li l-Ministeru qed jikkonferma lil Presidenti tal-Kunsilli Skolastiċi wara li jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġijiet partikolari ta’ l-iskejjel u l-fehma tal-kapijiet ta’ l-iskejjel fejn tinħass il-ħtieġa. Hi l-funzjoni ta’ kull Kunsill Lokali li jipproponi persuni biex jinħatru l President tal-Kunsilli ta’ l-iskejjel primarji. Fejn il-Kunsill Lokali jagħmel xi proposti dwar il-ħatra tal-Presidenti din qed tkun ikkunsidrata.

Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Impjegati ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm daħlu mpjegati ġodda ma' l-entitajiet u korporazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Awissu sa Diċembru 2007, xahar b'xahar u skond il-grad?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.

Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Vetturi ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-nurmu ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar, tweġiba tingħata f'Seduta oħra.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 531, fost is-651 student li fallew l-iskola mingħajr raġuni valida, tista' l-Ministru tagħti aktar informazzjoni dwar: i) l-eta' ii)is-sess iii)kemm minhom ġa rrepetew sena skolastika iv)kemm minnhom huma aħwa v) kemm mill-ġenituri tagħhom ġew avviċinati mis-servizzi tas-social work u kemm fil-fatt attendew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar, tweġiba tingħata f'Seduta oħra.

Benefiċċju ta' l-istudenti

Question

Tista l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 606 u tipprovdi lista sena b'sena ta' a)suġġetti li studjaw/qed jistudjaw l-istudenti li bbenifikaw/qed jibbenifikaw mill-iskema tal-YSSS b) l-universitajiet barranin li offrew/qed joffru s-suġġetti rispettivi u ċ)l-ammont ta' studenti skond is-suġġetti u l-universitajiet rispettivi għaż-żmien kollu minn mindu l-YSSS daħlet fis-seħħ sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Child care centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandha biex tiftaħ child care centres f'Malta u Għawdex? Meta se jinfetħu u fejn se jkunu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul il-ħames snin li għaddew il-Gvern investa b’mod konkret fiċ-Ċentri ta’ kwalita’ta’ ħarsien tul il-jum għat-tfal ċkejknin bl-għajnuna finanzjarja u professjonali liċ-ċentri privati kif ukoll billi fetaħ ċentri tiegħu. Fir-rigward ta’ċentri ta’ ħarsien tul il-jum tal-Gvern, fix-xhur li għaddew infetħu tlett ċentri tal-Gvern f’Ħal-Luqa, Raħal Ġdid u l-Għargħur. Fil-ħames snin li ġejjin, il-Gvern irid jiftaħ aktar ċentri f’Malta u f’Għawdex li joffru mhux biss ħarsien imma programm edukattiv li jgħin fl-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom. Għaldaqstant, il-proċess li nbeda bil-ftuħ ta’dawn it-tlett ċentri jrid jitkompla u ser jitwettaq matul is-snin li ġejjin.

Child care centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il child care centre hawn fil-pajjiż bħalissa? Kemm minn dawn iċ-ċentri jiġu mmexxija mill-privat u kemm mill-gvern? Kemm hi r-rata stabbilita ta' ħlas li kull ġenitur irid iħallas għal kull wild li jkollu sabiex jeħodhom hemm? Hemm liċenzja/permess/ċertifikat/kwalifika speċjali għal dawk li jieħdu ħsieb it-trabi u t-tfal f'dawn iċ-ċentri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 152 bħala risposta għall-ewwel parti tal-Mistoqsija. Sabiex inwieġeb it-tieni parti nixtieq ngħarrfek li l-Ministeru tiegħi huwa responsabbli mill-proviżjoni ta’ childcare centers. Ir-regolatur ta’ dan is-settur ser jibqa’ d-Dipartiment ta’ l-Istandards fil-Ħarsien Soċjali li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Politika Soċjali.

Eżami ta' Profiċjenza

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 499, filwaqt li napprezza li dan l-eżami mhux intenzjonat għall-ebda użu ieħor, ħlief għal dawk li jkunu se jagħmlu l-kors ta' għalliema, fl-istess ħin ma nara l-ebda problema biex jinħareġ ċertifikat, iktar u iktar meta llum joħorġu numru kbir ta' ċertifikati oħra. Fl-istess waqt, tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li tkun għamlet dan l-eżami, ikollhiex terġa' tagħmel l-istess eżami jekk ma tidħolx għall-imsemmi kors hekk kif tgħaddi minnu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Lardarba applikant jgħaddi mill-eżami ta’ profiċjenza, ma jerġax jagħmel dan l-eżami jekk jitħajjar japplika jew jibda l-kors ta’ Baċellerat fl-Edukazzjoni f’xi żmien iktar tard.

Basktijiet ta' l-Iskola

Question

Peress li għadni nara tfal ta' eta' żgħira ġejjin u sejrin l-iskola b'basktijiet ta' piż u daqs esaġerat fuq daharhom, tista' l-Ministru tgħid x'inizjattivi konkreti ttieħdu matul din is-sena skolastika biex ma ssirx ħsara lis-saħħa tat-tfal bil-piż esaġerat li jġorru fuq daharhom minn u lejn l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ħarġet ċirkulari fil-bidu tas-sena fejn ngħata parir lill-ġenituri u lill-iskejjel kif għandhom ikunu t-tip u l-piż ta’ basktijiet li għandu jkollhom l-istudenti skond Rakkomandazzjonijiet Internazzjonali. Kien hemm ukoll policy li kienet ħarġet minn kumitat li kien twaqqaf għal dan ir-rigward u li kien hemm survey fl-iskejjel. Hemm xi skejjel li ippublikawhom dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-fuljett li joħorġu biex jagħmlu lill-ġenituri konxji tagħhom. Il- Health & Safety Unit qiegħed jimmoniterja l-piż tal-basktijiet. Id-Direttur Ġenerali waqqfet kumitat dwar il-piż tal-basktijiet ta’ l-iskola biex ikun jista’ jimmoniterja l-piż u kif jista’ jittejjeb dan l-aspett edukattiv.

Sports fl-Iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-iskejjel primarji u sekondarji kemm għandhom ħin allokat l-istudenti għall-isports u attivita' fiżika kull ġimgħa ? Minħabba l-importanza ta' l-isports għas-saħħa mentali u fiżika ta' l-istudenti, x'passi se jittieħdu biex jiżdied il-ħin għall-isports fil-ħajja ta' l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fit-timetable ta’ l-iskejjel primarji hemm dawn in-numru ta’ lezzjonijiet allokati għall-edukazzjoni fiżika: Yr 1 u 2: 4 lezzjonijiet ta’ nofs siegħa l-waħda fil-ġimgħa, b’total ta’ 120 minuta fil-ġimgħa. Yr 3 sa 6: 4 lezzjonijiet fil-ġimgħa ta’ nofs siegħa l-waħda b’total ta’ 120 minuta fil-ġimgħa. Forms 1 sa 2: 2 lezzjonijiet fil-ġimgħa, ta’ 45 minuta l-waħda għall-istudenti kollha. Forms 3 sa 5: lezzjoni waħda ta’ 45 minuta. Dawk l-istudenti li jieħdu l-edukazzjoni fiżika bħala suġġett addizzjonali (option) ikollhom 5 lezzjonijiet fil-ġimgħa. Bħalissa beda xogħol fuq ir-Review tal-Kurrikulu. Id-deċiżjoni jekk ser jiżdied il-ħin għall-isports fl-iskejjel trid tittieħed fi ħdan dan il-proċess ta’ Review.

Healthy Food fl-Iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid fil-konkret x'qed jippjana l-Gvern biex it-tuck shops ta' l-iskejjel jibdew jbiegħu biss healthy food; kif nifhem li diġa' qed issir fil-Kulleġġ ta' San Benedittu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Dipartiment diġa’ għandu pjan li jindirizza s-suġġett interpellat. Dan il-pjan mniedi s-sena li għaddiet igib l-isem ta’ Healthy Eating Lifestyle Plan. Matul din is-sena skolastika dan il-pjan kien fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Fid-dokument HELP hemm indikat l-ikel u xorb li hu permissibbli jinbiegħ fit-Tuck Shops u dak li għandu jkun projbit milli jinbiegħ. Id-direttorat ħa ħsieb biex il-proċess għat-tendering tat-tuckshops ikun konformi ma’ dawn l-istandards.