Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra kemm persuni użaw is-servizzi tal-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Tarxien tul is-sena 2018?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm madwar 2,819 il-persuna matul is-sena 2018 li użaw is-servizz ta’ tabib mill-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Tarxien.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra kemm persuni ġew ammessi fl-Isptar Monte Carmeli tul is-sena 2018 u jista’ jindika kemm kien hemm persuni rikoverati fl-aħħar tas-sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2018 kien hemm 2,154 persuni li ġew ammessi fl-isptar Monte Carmeli li minnhom 1,366 kienu ammessi għal aktar minn darba. Fl-aħħar ġurnata tas-sena 2018 kien hemm 367 persuni li kienu qed jiġu rikoverati fl-istess sptar.
Ministeru għas-Saħħa — Nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9211 u 9093 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8874, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa minn skala 1 sa skala 5 fl-istess Ministeru u fis-servizz pubbliku kollu fl-2012? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk f'dan is-settur hemmx miri għall-Horizon 2020 u jekk iva, kemm huma dawn il-miri u jekk humiex se jintlaħqu?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mit-870 każ ta’ tfal li għamlu użu mis-servizz tal-emerġenza psikjatrika minn Ġunju 2016, kien hemm li ġew irreferuti mill-iskola? Kemm minn dawn it-870 każ ta’ tfal, kellhom jiddaħħlu l-isptar mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 79 tfal li ġew ammessi fil-YPU (Young People’s Unit) wara li kienu irrikorrew għas-servizz tal-CAPES (Child Adolescent Psychiatric Emergency Services).
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm adoloxxenti taħt is-16-il sena li għamlu użu mis-servizz tal-Child Guidance Clinic f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-CYPS (children and young people service) joffru s-servizzi tagħhom lil tfal/adoloxxenti sal-eta’ ta’ 18 -il sena. Fil-CYPS fl-2016 saru 6,780 sessjonijiet/appuntamenti, fl-2017 6,275 filwaqt fl-2018 saru 7,031.
Sptar Mater Dei – Outpatients Clinic – adoloxxenti li użaw is-servizz
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm adoloxxenti ’l fuq minn 16-il sena li f’dawn l-aħħar tliet snin għamlu użu mis-servizz tal-Out Patients Clinic tal-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2016 kien hemm total ta’ 436,259-il vista lil adoloxxenti ‘l fuq minn 16 il-sena f’Out Patients Clinics tal-Isptar Mater Dei, fl-2017 kien hemm 449,436 filwaqt li fl-2018 466,885.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux sejrin jinfetħu aktar Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali matul din is-sena? Jekk iva, fejn sejrin jinfetħu dawn iċ-Ċentri? Jekk le, meta se jinfetħu aktar ċentri?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħed jiġi mistħarreġ ir-rispons li kellu d-dipartiment għad-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-pjan nazzjonali għall-kura tas-saħħa mentali.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara għaliex anzjani li għandhom il-pensjoni, mhux qed jingħataw b’xejn il-mediċini Rivaroxaban 20 mg li kull kaxxa ta’ 28 tablet tiswa €85, kif ukoll l-Ideos tablets li jiswew €10 fix-xahar? Billi naf każ ta’ anzjan li dawn iż-żewġ mediċini jeħodhom kuljum, u jgħid li għandu spiża ta’ ‘l fuq minn €100 fix-xahar, jista’ l-Ministru jara li dawn il-pilloli jingħataw b’xejn f’każijiet bħal dawn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar l-imsemmija anzjani sabiex il-każ ikun jista’ jiġi segwit.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-poliklinika fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara tibda tiftaħ ukoll billejl jew għal aktar ħin milli qiegħda attwalment? Jekk le, jħossx li hu opportun li din ir-rikjesta tiġi evalwata fid-dawl tad-domanda li teżisti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit tas-snin ilu, matul il-leġiżlatura li għaddiet, id-Dipartiment tal-Kura Primarja kien estenda l-ħin ta’ diversi ċentri tas-saħħa fosthom dak ta’ Birkirkara biex b’hekk bdew jinfetħu s-sibtijiet ukoll u kuljum sat-tmienja ta’ fil-għaxija minflok sal-ħamsa. Dan wara li waqt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti l-ħin ta’ ftuħ ta’ ħafna Ċentri tas-Saħħa kien tnaqqas. Bħal issa għaddej eżerċizzju sabiex naraw kif nistgħu nutilizzaw bl-aqwa mod ir-riżors uman li għandna fid-Dipartiment tal-Kura Primarja, anke fid-dawl tat-twessieħ ta’ servizzi f’numru ta’ Bereġ tas-Saħħa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjanijiet min-naħa tal-Gvern li l-poliklinika fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara tibda żżid is-servizzi mediċi li toffri milli qiegħda attwalment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jitfasslu l-pjanijiet sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jibda l-proġett tal-immodernizzar tas-sezzjoni tal-Podiatrija li tinsab ġoċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara. L-iskop aħħari hu jiġi mwaqqaf Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Podjatrija minn fejn il-pazjenti jkunu jistgħu jibbenifikaw minn servizz ta’ Podjatrija tal-aktar wiesgħa u tal-għola livell b’apparat modern u tal-aħħar ġenerazzjoni. Permezz ta’ dan il-proġett ser jiżdiedu ukoll is-servizzi tal-Podjatrija u ser jiġu pprovduti servizzi li bħal issa jingħataw biss mill-Isptar Mater Dei.
Billi irċevejt ilmenti min-nies li d-dentisti tal-Isptar Mater Dei qegħdin b'direttiva, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li d-dentisti qed jittrattaw biss każijiet ta' aċċidenti u nies b’emoroġija biss? Jekk iva, x'inhi l-kwistjoni mad-dentisti u kemm ilha fis seħħ id-direttiva? Meta hemm il-ħsieb li tiġi riżolta billi n-nies qed ikollhom imorru privat biex jinqdew?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati għadhom għaddejjin biex jinstab arranġament li jkompli jtejjeb l-prospetti professjonali tad-dentisti li jagħżlu li jagħtu s-servizz tagħhom fis-settur pubbliku, kif ukoll li jipprovdi qafas li permezz tiegħu jkun jista’ jingħata servizz aħjar u aktar fil-pront lill-pazjenti li jirrikorru għal dan is-servizz.
In segwitu għall-mistoqsija parlamentari 8852, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu t-talbiet tat-38 persuna li applikaw biex jerġgħu jingħataw il-mediċina Concerta mill-gvern? Jista’ jgħid kemm minnhom inqdew u kemm għad baqa’ pazjenti jistennew? Jista’ jgħid ukoll kemm żmien jikkalkula li se jieħu biex il-pazjenti kollha jingħataw lura l-prodott Concerta mill-gvern, anki ġaladarba dawn qed isibuha diffiċli jixtruha privatament minħabba li jidher li tinsab out of stock?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif ilu isir f’diversi legiżlazzjonijiet preċedenti, l-Gvern jixtri mediċina abbażi ta’speċifikazzjonijiet ġeneriċi li jassiguraw mediċini ta’ kwalità li huma reġistrati fl-Ewropa. F’dan il-każ beda l-proċess biex jiġu analizzati mil-kap tad-Dipartiment tal-Psikjatrija bl-għajnuna ta’ esperti biex tinstab alternattiva klinika. Il-Gvern qiegħed b’komunikazzjoni mas-settur privat biex il-mediċina tkun f’Malta fl-inqas żmien possibbli.
Memorandum of Understanding bejn il-Gvern Malti u l-Gvern tal-Montenegro
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u dak tal-Montenegro nhar it-18 ta' Mejju 2016?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — miri tal-Horizon 2020
Question
Il-miri tal-Horizon 2020 huma li:
a) tal-inqas 40% tal-persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni jkunu nisa;
b) tal-inqas 50% tal-persuni f’
advisory groups
ikunu nisa; u
c) jiżdied in-numru ta’ nisa fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jitneħħew il-forom kollha ta’ deskrizzjoni a bażi tal-ġeneru.
Għaldaqstant jista’ d-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa jgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8363 u jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar ieħor, u jagħti n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom jistennew skont dawn il-perjodi li ġejjin:
a) anqas minn tliet xhur;
b) bejn 3 u sitt xhur;
c) bejn 7 u 12-il xahar;
d) bejn 13 u 24 xahar;
e) bejn 25 u 36 xahar; u
f) aktar minn 36 xahar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-maġġoranza assoluta tal-pazjenti fuq il-listi ta’ stennija f’Mater Dei u l-isptar Ġenerali t’Għawdex hija ta’ anqas minn 6 xhur. Filfatt 64% tal-pazjenti f’Mater Dei u 75% ta’ l- isptar Ġenerali t’Għawdex ilhom anqas minn 6 xhur jistennew għal-intervent tagħhom. Wieħed għandu jkun infurmat li ż-żmien ta’ stennija għall kull intervent jiddependi mill-urġenza tal-każ.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid fejn huma allokati l-iSmoking Cessation Clinics u x’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iSmoking Cessation Clinics huma allokati fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, tal-Furjana u ta’ Raħal Ġdid. Is-servizz jiġi offrut wkoll fl-isptar Ġenerali ta’Għawdex.
L- Att dwar il-Kontroll tat-Tipjip tat-Tabakk (KAP. 315) jirrekjedi li kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandu jinkludi l-informazzjoni
Tobacco Stop Line
: 80073333 kif ukoll il-website:
www.health.gov.mt
.
Sabiex wieħed jirċievi dan is-servizz, wieħed jista’
· jċempel fuq it-
Tobacco Stop Line
8007 3333 fejn jista’ jħalli d-dettalji tiegħu (f’kull ħin tal-ġurnata u tal-lejl) permezz ta’
answering machine
, jew
· jidhol fuq is-sit health.gov.mt, u japplika onlajn fis-sezzjoni tal-
Health Promotion
, jew
· ikellem professjonist tas-saħħa li t/jkun t/jista’ t/jiggwidah għas-servizz, jew
· jimla applikazzjoni manwalment – applikazzjonijiet jinsabu fiċ-Ċentri tas-Saħħa u ġol-isptar Mater Dei.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu mill-Programm ta’ Ħbiberija? Hemm xi lista ta’ stennija għal dan il-Programm? X’taħriġ għandhom il-voluntiera ta’ dan il-Programm?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan huwa programm ta’ Ħbiberija offrut b’mod volontarju fil-Komunita’ lil persuni b’nuqqas ta saħħa mentali. Dan is-servizz jindirizza persuni li għandhom diffikulta’ biex jissoċjalizzaw jew għandhom nuqqas ta’ sapport bħal ħbieb jew familjari fil-post fejn jgħixu. Il-voluntiera joffru madwar siegħa jew tnejn fil-ġimgħa fejn jiltaqu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u jieħdu sehem f’attiviitjiet li jistgħu jkunu ta’ nteress u ta’ bżonn: bħal joħorġu jieħdu kafe’, jaqraw xi ktieb, jaraw xi film, jakkumpanjaw lil persuna f’xi post li tkun tixtieq tmur, etc. Biex persuna li għandha nuqqas ta’ saħħa mentali taċċedi għal dan is-servizz trid tiġi referuta mit-tim psikjatriku li huwa responsabbli għal kura tiegħu/tagħha. Dan jista’ jsir kemm mill-isptar kif ukoll mill-komunita’.
Persuni li jixtiequ joffru dan is-servizz fi ħdan il-volontarjat, jeħtieġ li jċemplu d-dipartiment tal-psikologija 23304313/23304183 u jistaqsu għal Ms Farrugia Lauri, Ms Ellul Bonici jew Ms Buhagiar. Jingħataw applikazzjoni, jimlew d-dettalji neċessarji u jipprovdu dokumenti mitluba. Wara proċess ta’ vetting issir
interview
u jekk jintgħażel jingħata it-taħriġ neċessarju. Dan il-proċess ta’ għażla huwa neċessarju sabiex il-persuna li se toffri dan is-servizz tkun waħda idoneja u sikura għal persuna li għandha nuqqas ta’ saħħa mentali.
Bħalissa qed jiġu pproċessati numru ta’ applikazzjonijiet ġodda għal volontarjat u għal persuni li jixtiequ jużaw is-servizz. Ta’ min jgħid li dan il-proċess isir b'mod regolari kull tlieta/erbgħa xhur.
Ms Tessie Saliba Practice Nurse toffri introduzzjoni u orjentazzjoni flimkien ma’ Ms Geraldine Ellul Bonnici pero' billi il-volontarji magħżula huma invarjabilment persuni b'degree il-psikoloġija jew fis-social work diġa jkunu ħadu t-taħriġ meħtieġ f'dan il-qasam. Dan jipprovdi sigurta’ kemm għal klijent kif ukoll għal voluntier.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm hemm priġunieri fit-Taqsima Forensika ta’ Ħ’Attard? X’inhi l-ispiża ta’ kull sena relatata ma’ dan is-servizz f’dan il-post?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-ħaddiema tal-pre-hospital, jiġifieri dawk tal-emerġenza humiex inxurjati bl-istess polza bħalma huma l-pulizija u s-civil protection?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema kif imħabbra mill-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali f’dan l-istadju tapplika biss għal membri ta’ forzi ta’ dixxiplinati u uffiċjali tad-Dwana.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – nefqa fuq reklamar fil-media
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.