Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċju tal-wens

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu intitolat għall-benefiċċju tal-wens minħabba familjari b'mard serju u restrittiv: a) kif irrid ikun jiġi mill-persuna marida; b) x'inhu d-dħul finanzjarju li jirrendi l-applikant mhux eliġibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuna mhux miżżewwġa jew persuna armla li tkun qed tieħu ħsieb, waħedha, fuq bazi full time u regolarment tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, zijitha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett tista’ tapplika għall-Pensjoni tal-Wens. Din il-persuna trid tkun tgħix fl-istess dar ta’ abitazzjoni u l-pazjent irid ikun kostrett li jgħaddi ħajtu f’sodda jew wheelchair. Barra mill-kundizzjonijiet msemmija, il-persuna li tapplika għal din il-pensjoni trid tissodisfa test tal-mezzi. B’mod ġenerali biex persuna tikkwalifika ma jridx ikollha iktar minn €14,000 Kapital (propjeta’ jew flus il-bank), u d-dħul tagħha fil-ġimgħa minn imgħaxijiet, kirjiet, renti u kull dħul ieħor ma jridx jeċċedi € 94.81. Peress illi hemm xi kapital u/jew dħul li ma jiġix ikkunsidrat fit-test tal-mezzi, huwa dejjem importanti li persuna tfittex l-għajnuna ta’ l-Uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għal gwida dwar id-dritt tagħhom għal din il-pensjoni.

Furjana — allokazzjoni ta' appartamenti

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22047, kemm-il siegħa xogħol hu kkalkulat li fadal isir fuq Binja A, B u C, fi proġett li kien fuq id-drawing board aktar minn 20 sena ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif indikat fit-twegiba 22047 huwa previst li Binja A ser tkun lesta fil-bidu tal-2012, Binja B tkun lesta Mejju 2011 u Binja C fl-aħħar ta’ Frar 2011. Mhux possibbli li jkun ikkalkulat kemm fadal sigħat xogħol biex jitlesta kollox.

Benefiċċju tal-mard

Question

Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament naqqsulha l-benefiċċju tal-mard? Tista' tgħid kemm għandha pensjoni u kemm jonqos jeħdulha mill-benefiċċju tal-mard?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew persuna oħra sabiex f’isimha tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

numru ta' tfal taħt care order

Question

Tista' l-Minsitru tgħid kemm hawn tfal taħt care order illum u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-31 ta’ Diċembru kien hemm 265 tfal taħt care order; 31 minn dawn il-care orders huma ta’ unaccompanied minors. It-tfal jitneħħew mill-kura u kustodja tal-ġenituri tagħhom minħabba problemi diversi fejn il-ġenituri juru nkapaċita’ kbira u saħansitra jpoġġu l-ħajja tat-tfal tagħhom f’periklu. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jinkludu: Ġenituri li jkunu qed jabbużaw minn sustanzi, u jista’ jkun hemm ukoll problemi ta' prostituzzjoni, li tfal ikunu qed jiġu esposti għalihom. Ikun hemm sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri jkollhom mard mentali severi u ma jkunux kapaċi jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom u jista' jkun hemm traskuraġni gravi. Ikun hemm sitwazzjonijiet fejn it-tfal jitneħħew għax ikunu qed jiġu abbużati fiżikament jew sesswalment u emozzjonalment. Jista' jkun hemm iżjed minn tip ta’ abbuż wieħed f’dawn is-sitwazzjonijiet li ġew imsemmija.

Aġenzija Appoġġ — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kellhom budget l-Aġenzija Appoġġ is-sena li għaddiet u din is-sena? X'kien il-work load jew inkella kemm ġew assistiti persuni s-sena li għaddiet u din is-sena? X'età kellhom? Kemm hemm social workers u kemm għandhom case loads kull wieħed? X'tip ta' moniteraġġ isir fuq dawk il-każijiet fdati lilhom fil-weekends u festi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anzjana tappella biex tieħu l-benefiċċju soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-kaz ta' appell ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha bla dħul għax kienet qabzet is-somma ta' flus ġewwa l-bank? Issa din l-anzjana kellha toħroġ il-flus mill-bank biex tgħix u jidher li issa kulma baqgħalha xi €6500. Din l-anzjana għamlet l-appell tagħha permezz ta' avukat.

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew persuna oħra sabiex f’isimha tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Żagħżugħa b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex iż-żagħżugħa b'diżabilità, li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, u li tattendi l-Iskola Dun Manuel Attard fil-Wardija u li għalkemm għalqet 22 sena, ma intbagħtitx fir-Resource Centre kif suppost intbagħtet meta għalqet 19-il sena? Tista' l-Ministru tgħid meta din iż-żagħżugħa se tkompli bil-programm tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tul is-sena 2010 saret riforma f’dawk li kienu jissejħu Skejjel Speċjali. Il-Programm taċ-Ċentru ta’ Riżorsa Edukattiva, Dun Manwel Attard, huwa mqassam fuq 6 snin, minn 16 sa 22 sena. Għalhekk, iż-żagħżugħa li d-dettalji tagħha ingħataw separatament u li tattendi f’dan iċ-Ċentru fadlilha sal-aħħar ta’ din is-sena skolastika biex tispiċċa dan il-programm.

MCAST u Higher Secondary tan-Naxxar — nuqqas ta' għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema għalliema/lecturers hemm neqsin, ta' liema suġġetti u f'liema livelli, korsijiet u programmi provduti mill-MCAST u l-Higher Secondary tan-Naxxar? Meta hemm il-ħsieb li l-istudenti jkollhom min jgħallimhom f'dawn is-suġġetti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola ta' San Ġwann

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-possibilità flimkien mad-dipartimenti kkonċernati dwar jekk fil-każ tal-iskola ta' San Ġwann fejn jinżamm ħafna ilma tax-xita, jistgħux jsiru culverts sabiex l-ilma jista' jiġi re-directed lejn il-bjar minn ġewwa l-iskola nnifisha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskola msemmija hemm żewġt ibjar żgħar li jilqgħu l-ilma tas-soqfa tal-iskola. Fil-preżent mhux qed iżommu l-ilma għax għandhom bżonn it-tiswijiet. It-tiswijiet ġew irraportati sabiex ikunu jistgħu jitranġaw biex b’hekk l-ilma tagħhom ikun jista’ jerġa jintuża mill-ġardinara. Ninsab infurmata li mhux rakkomandat illi r-run-off watertal-madwar jiġi ddevjat ġewwa l-iskola.

Rabat — Għajn Qajjet - Lift fil-Qasam tal-Bini tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dokumenti u r-rapporti mħejjija mill-esperti li waslu għall-konklużjoni li fi Block A fil-Qasam tal-bini tal-gvern ġewwa Għajn Qajjet fir-Rabat Malta, mhuwiex teknikament possibli li jiġi akkomodat lift?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waħda mill-kundizzjonijiet tal-Iskema tal-liftijiet tgħid li l-installar isir biss fejn ikun teknikament possibbli. B’wesgħa ta’ 2,430 millimetru fit-tromba ta’ Blokk A ma jistax joqgħod lift li jħalli wesgħa komda biżżejjed ta’ taraġ biex igħaddu r-residenti. Dan kollu studjawh u kkonfermawh kemm il-perit kif ukoll il-konsulent inġinier tal-awtorità responsabli mill-liftijiet. Kif ġie mitlub mill-Onorevoli Interpellant qed jiġu ppreżentati r-rapporti tal-perit u tal-inġinier.

każ ta' post ta' anzjana

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li din kellha toħroġ minn post 18-il sena ilu, li kellu area kbira u apparti dan l-gvern ta l-post bil-kera u din il-kera għadha titħallas sal-lum, pero' llum jidher li l-gvern se joffri biss xi €14.000 għal dan il-post, meta din hija somma li llum lanqas garage ma tixtri biha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — xogħlijiet fid-dipartimenti u uffiċċji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet f'kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha f'dawn l-aħħar sentejn biex dawn il-premises ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni u households bil-karta r-roża

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni/households b'karta roża bħalissa? Kontemporanjament kemm minnhom mhumiex intitolati għal Għajnuna Supplimentari? Tista' din l-informazzjoni tingħata lokalità b'lokalità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika li għandu d-Dipartiment hija dik biss ta’ min qed jitlob għal Karta r-Roza u mhux min għandu Karta r-Roza valida f’idejh.

Trasferiment tad-dritt tal-pensjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-gvern rigward l-applikazzjoni tad-dritt li Maltin li jkunu ħadmu bħala uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jittrasferixxu l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni li jkunu akkwistaw f'Malta? Hemm ħsieb li l-gvern jikkonsidra li pensjoni tal-irtirar li għaliha saru kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali Nazzjonali taqa' taħt dan id-dritt tat-trasferiment? Jekk fl-affermattiv, x'miżuri ttieħdu s'issa biex dan id-dritt ta' trasferiment ikun jista' jiġi applikat, x'fadal xi jsir u, bejn wieħed u ieħor, meta hu mistenni li l-miżuri kollha jkunu ttieħdu biex jippremettu t-trasferiment? Tista’ tgħid jekk s'issa d-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali rċeviex applikazzjonijiet biex isir dan it-trasferiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 15642. Intenni li l-Gvern huwa kommess li sa nofs is-sena d-dieħla isiru d-diskussjonijiet interni u jittieħdu d-deċizjonijiet kollha meħtiega li jwasslu biex jitħejja abbożż ta’ liġi li jimplimenta t-tibdil legali meħtieġ li allura jwitti t-triq biex sal-aħħar tal-2011 jibdew isiru dawn it-trasferimenti fil-prattika. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sa issa irċieva tlieta u disgħin (93) talba għal trasferimenti ta’ dan it-tip. Minn dawn, sebgħa u tmenin (87) talba huma għal trasferimenti mill-iskema tas-sigurtà soċjali Maltija għal skemi ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u sitt (6) talbiet oħra huma għal trasferimenti minn skemi ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-iskema tas-sigurta’ soċjali Maltija.

Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada — skola ġdida

Question

Tista' l-Ministru tistħarreġ il-possibilità li tilqa' t-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Readers lit-tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Fl-eżami tal-Junior Lyceum għat-tfal fi Prep 6 fi skejjel privati, tista' l-Ministru tassigura li tibqa' tingħata l-faċilità ta' readers għal tfal bi bżonnijiet speċjali (learning difficulties)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-eżami tal-Junior Lyceum, li kien eżami selettiv, mhux se jibqa’ jsir aktar. Minfloku se jidħol eżami imsejjaħ End of Primary Examination li l-għan prinċipali tiegħu hu li jservi bħala benchmark. Il-karti ser ikunu mfassla b’mod differenti u ser ikunu aktar adattati għat tfal bi bżonnijiet u ħiliet differenti. Għaldaqstant is-servizz ta’ access arrangements li kien qed jiġi pprovdut għal tfal bi bżonnijiet speċjali qed jiġi diskuss ma’ persuni speċjalizzati, bil-għan li l-kandidati jieħdu l-għajnuna meħtieġa meta jkollhom bżonnha.

Dritt għall-pensjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22068 tista' l-Ministru tgħid minn liema leġislazzjoni jirriżulta li mara separata legalment b'mod bonarju jkollha pensjoni tagħha tiddependi mill-kontenut tal-istess kuntratt ta' separazzjoni kif qed jiġi spjegat fir-risposta tal-istess mistoqsija parlamentari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Pensjoni kontributorja taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali titħallas lil persuna assigurata u bis-saħħa tal-Artikolu 101 tal-istess Att id-Direttur tas-Sigurta’ Soċjali ma jkunx jista’ minn jeddu jaqta’ parti minn dik il-pensjoni u jgħaddiha lill-parti l-oħra. Assenjament ta’ ħlas lill-parti l-oħra fiż-żwieġ jista’ jsir kemm il-darba dan l-assenjament ta’ ħlas jkun ġie ordnat b’xi sentenza tal-qorti jew b’rizultat ta’ xi ftehim leġittimu bejn koppja miżżewġa fejn dan il-ftehim jagħmilha ċara li l-pagament għandu jsir direttament mid-Dipartiment lill-parti l-oħra.

kunsilli lokali — servizzi ta' child minding

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u s-segretarju parlamentari responsabbli mill-kunsilli lokali dwar kif il-kunsilli se joffru servizzi ta' child minding? Kemm saru laqgħat s'issa? Min qed jieħu sehem f'dawn il-laqgħat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara laqgħa li saret bejn id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi u r-rappreżentanti tas-Segretarjat responsabbli mill-kunsilli lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed jiġu studjati l-proposti sabiex tiġi stabbilita l-possibilità tas-Servizzi ta’ Child Minding.

Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla — post ta' uffiċjal eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta sar vakanti l-post ta' uffiċjal eżekuttiv ewlieni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor Interpellant li peress li l-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla ilha taħdem mill-qrib mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki mill-bidu ta’ din is-sena u qed issir ħidma biex dawn l-entitajiet jingħaqdu, m'hemmx ħtieġa li tinħareġ sejħa għall-kap eżekuttiv għall-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla wara li din kienet vakata fl-aħħar ta’ Diċembru 2009.