Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Pjazza taż-Żurrieq?
Jista’ jgħid ukoll jekk ir-residenti kollha taż-Żurrieq u l-komunità kummerċjali ġewx ikkonsultati f’xi mument qabel il-proġett?
i. Jekk iva, meta u kif ġew ikkonsultati?
ii. Jekk le, se jiġu kkonsultati? Meta u kif?
iii. Bil-pjan tal-pjazza kif inhu, jista’ jgħid x’miżuri se jittieħdu f’każ ta’ emerġenza?
iv. Skont il-pjanta ppreżentata mal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ jgħid jekk hux se twassal li Triq il-Karmnu, tkun waħda miż-żewġ entraturi għall-pjazza, peress li din it-triq ma tiflaħx għat-traffiku li se jiġi ġġenerat?
v. Bl-għeluq tal-aċċess minn Triq Bronja għal pjazza, jista’ jgħid hux se jiżdied it-tniġġis mad-dawra tar-raħal?
vi. Ġew ikkunsidrati traffic managements alternattivi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema fil-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema grad/skala kienu dawn il-ħaddiema u f'liema grad/skala tpoġġew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-promozzjonijiet li jingħataw u anke l-career progressions, huma kollha skont dak miktub fis-sectoral agreements, u anke l-collective agreements applikabbli. Is-sejħiet huma dawk standard li jinhargu kif approvati centralment u jirriflettu l-ftehim rispettivi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex fi żmien qarib Triq Annunzjata, f'Ħal Balzan tinqala' u ssir mill-ġdid? Jekk iva, jista' jagħti time-frame u jekk le, jista' jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet humiex ippjanati li jsiru?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja u ser tkompli twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Ix-xogħol tat-toroq jiġi allokkat skond l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalità rispettiva tagħhom. Minkejja li t-triq imsemmija ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha fil-futur immedjat, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi - Impjegati u/jew konsulenti li huma f’Kunsill lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-impjegati u/jew konsulenti fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu jew ta' kwalunkwe Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu, li huma Kunsilliera Lokali, Viċi Sindki jew Sindki? Jista' f'kull każ jgħid x'inhu l-impjieg u r-rwol tagħhom, x'kuntratt għandhom, u x'inhu s-salarju u l-perkaċċi marbutin miegħu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Segretarjat Ministerjali hemm tliet persuni bil-kariga ta’ Kunsilliera Lokali u wieħed fil-kariga ta’ Viċi Sindku.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet ser ikunu qed isiru fi Triq F. Busuttil, Birkirkara u kemm se jdumu għaddejjin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq F.Busuttil f’Birkirkara ma ġietx nominata bħala waħda mit-toroq li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara ppropona li jsir xogħol fiha u għaldaqstant mhux pjanat li jsiru interventi għalissa f’din it-triq minn entitajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq K. Galea, Birkirkara, hemm gandott li ilu xhur mgħotti bil-konkos minflok bit-tarmak, riżultat ta' xogħol li sar eżatt wara li t-triq saret mill-ġdid bit-tarmak?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq Notabile, Birkirkara, hemm gandotti li ilhom xhur mgħottijin bil-konkos minflok bit-tarmak, riżultat ta' xogħol li sar u baqa' qatt ma ġie konkluż?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Il-Belt Valletta — Pjan għall-kontroll tat-traffiku fix-xatt fejn isorġu l-cruise liners
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20085, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu fir-rigward tal-pjan aħjar għall-kontroll tat-traffiku fix-xatt meta jsorġu l-cruise liners, in vista tal-volum kbir ta’ traffiku li jiġi ġġenerat u li jkollu effett fuq l-akkwati?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.
Light Passenger Transport System (LPTS) — Eżamijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma jeżistix revision of paper għall-eżamijiet li qed isiru biex xufiera jġibu tag biex isuqu karozza ta' servizz għal passiġġieri (LPTS), biex wieħed ikun jaf x’għamel ħażin fl-eżami?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Il-Furjana — Triq Sant’Anna - Inawgurazzjoni tar-restawr tal-funtana tal-iljun
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq l-avveniment tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-funtana tal-iljun fi Triq Sant'Anna fil-Furjana li saret f'April 2024?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet tar-restawr tal-funtana tal-iljun fi Triq Sant'Anna fil-Furjana li saru, kienu jikkonsistu fir-restawr tal-pedestal, l-ornamenti, l-istatwa u l-vaska, interventi fuq il-vaska, inkluż tindif minn materjal li akkumula matul is-snin kif ukoll trattament sabiex terġa’ tkun tista’ żżomm l-ilma mingħajr problemi ta’ tnixxija, l-installazzjoni ta’ sistema ġdida tal-ilma inkluż interventi minn ġewwa trinek, il-pumproom kif ukoll il-pedestal tal-istatwa sabiex ġew installati pompi u pajpijiet ġodda u installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl ġdida kif ukoll cameras tas-sigurtà (CCTV). Ninsab infurmat li l-avveniment tal-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr li għadni kif aċċenajt u li saret f'April 2024 sewa €14,690 VAT eskluż.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex skedat illi jsiru xi xogħlijiet infrastrutturali fi Triq Emmanuel Attard, Santa Venera, u jekk inhu l-każ, jgħid meta dan ix-xogħol għandu jsir?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta tikkonferma li ħarget permess lill-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta sabiex isiru x-xogħolijiet infrastrutturali fi Triq Emmanuel Attard, Santa Venera.
Ħal Balzan — Triq il-Wied - Traffic management assessment
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx traffic management assessment minn Transport Malta għal Triq il-Wied, f’Ħal Balzan? Jekk sar studju, jista’ jgħid kif jista' jitnaqqas it-traffiku jew titnaqqas il-veloċità tal-vetturi li jużaw tali triq? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx xi ħaġa f'dawn l-aħħar sitt xhur bħala miżuri biex tkun indirizzata l-problema tat-traffiku u tal-veloċità fit-triq imsemmija?
Response (BONETT, CHRIS)
Ġejt infurmat li kienu saru zebra crossing u road hump ġodda fi Triq il-Wied ta’ Ħal Balzan sabiex itejbu s-sigurtà fit-triq għall-pedonali kif ukoll biex jitnaqqas is-sewqan eċċessiv.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18516, jista’ l-Ministru jara li l-bankina temporanja li kien hemm fi Triq l-Isqof Buhagiar, f’Raħal Ġdid issir mill-ġdid sabiex il-persuni li jgħixu hemm, ikunu jistgħu jgħaddu mingħajr periklu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq l-Isqof Buhagiar hemm bankina aċċessibbli fuq kull naħa fejn hemm propjetajiet abitabbli. Fil-parti fejn hemm ħajt ta’ sit privat sporġut ’il barra mil-linja tat-triq hemm ‘pedestrian crossing’ li tagħti aċċessibiltà għall-persuni biex jużaw il-bankina ta’ faċċata mingħajr periklu.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Airtime u Programmi - Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16476 u 17439 u jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tat-televixin mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tat-televixin li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika ukoll liema minn dawn kienu intervisti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, jgħid kemm saru events organizzati mis-Segretarjat Parlamentari u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ jista’ jgħid ukoll:
(i) x’kienet it-tema;
(ii) kemm ġiet tiswa kull event;
(iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.);
(iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol;
(v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biex tinġabar din l-informazzjoni kif mitluba tinqabeż l-advisory cost.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16622 u 19662, jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu spejjeż fuq il-Funtana tal-Iljun fil-Furjana?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet tar-restawr tal-funtana tal-iljun fi Triq Sant'Anna fil-Furjana li saru, kienu jikkonsistu fir-restawr tal-pedestal, l-ornamenti, l-istatwa u l-vaska, interventi fuq il-vaska, inkluż tindif minn materjal li akkumula matul is-snin kif ukoll trattament sabiex terġa’ tkun tista’ żżomm l-ilma mingħajr problemi ta’ tnixxija, l-installazzjoni ta’ sistema ġdida tal-ilma inkluż interventi minn ġewwa trinek, il-pumproom kif ukoll il-pedestal tal-istatwa sabiex ġew installati pompi u pajpijiet ġodda u installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl ġdida kif ukoll kameras tas-sigurtà (CCTV). l-ispiża tammonta għal €109,000 (VAT eskluż).
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - Talbiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru mmexxi minnu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar is-26 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti u jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Siti li huma amministrati, jew użati mill-Malta Public Transport — Spezzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20643 u jgħid x'tip ta’ enforcement tagħmel Transport Malta biex jiġi assigurat li siti li huma amministrati, jew użati mill-Malta Public Transport, jinżammu fi stat tajjeb? Jista’ jgħid ukoll kull kemm żmien isiru spezzjonijiet fuq dawn is-siti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċjali tat-Trasport Pubbliku fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport f’Malta jwettqu spezzjonijiet fuq infrastruttura li tikkonċerna t-trasport pubbliku. Din l-infrastruttura tinkludi Bus Termini bħal dak tal-Belt Valletta u Buġibba, kif ukoll bus stop poles.
Bħala medja mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta' Ġunju saru madwar 120 spezzjoni kull xahar fuq infrastruttura min dawn l-Uffiċjali.
Birkirkara — Triq il-Papa Urbanu - Irwejjaħ ta' drenaġġ - Ilmenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ilmenti ta' rwejjaħ ta' drenaġġ tiela' mill-gutters fi Triq il-Papa Urbanu f'Birkirkara li reċentement tlestiet mix-xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet ta' Infrastructure Malta? Jekk iva, x'qed isir fuq dan?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ħadmet fuq xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Papa Urbanu VIII f’Birkirkara, liema investiment inkluda tbidil fis-servizz tal-main tal-ilma fuq kull naħa tat-triq, sistema ġdida tad-drenaġġ, tqegħid ta’ sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita u rranġat sistemi eżistenti ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita, bini mill-ġdid tal-bankini u l-parking bays, xogħol t’asfalt u linji taż-żebgħa. L-ilmenti li Infrastructure Malta tirċievi b’rabta ma’ rwejjaħ ta’ drenaġġ qegħdin jiġu rrappurtati lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għall-ispezzjoni u d-direzzjoni tagħhom.
Birkirkara — Triq il-Papa Urbanu - Garaxxijiet taħt l-art - Post-assessment
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta (IM) u l-periti tagħha għamlux post-assessment tal-garaxxijiet taħt l-art li hemm fi Triq il-Papa Urbanu f'Birkirkara biex ikunu ċċertifikati li ma ġarbu ebda ħsara wara x-xogħlijiet li saru fit-triq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet ta' IM? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali dokumentazzjoni?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kelliem f’isem il-komun tal-garaxxijiet imsemmija, informa lil Infrastructure Malta li tqabbad perit indipendenti biex jagħmel l-imsemmi post-assessment, bir-rapport ma jurix li l-ħsara li għandu l-kumpless hija marbuta max-xogħlijiet li wettqet Infrastructure Malta fi Triq il-Papa Urbanu, f’Birkirkara. Għaldaqstant, l-aġenzija ma ġiet qatt ippreżentata bir-rapport li tħejja mill-imsemmi perit.