Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tarxien – Triq ix-Xintill — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħol sar u qiegħed isir fi Triq ix-Xintill Tarxien?

Response (BORG, IAN)

Minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’709 toroq residenzjali u rurali, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess ¿mien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Mill-bidu ta’ din is-sena s’Awwissu li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’123 triq residenzjali u 71 triq oħra qalb il-kampanja. Flimkien, jgħoddu mat-52 kilometru ta’ toroq aħjar, b’37 kilometru ta’ bankini ġodda u 122 kilometru ta’ katusi, pajpijiet u cables ġodda tad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art. Sabiex tlesta l-bini mill-ġdid tagħhom intużaw 91,100 tunnellata asfalt u konkos. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq iż-Żejtun, Triq Marjanu Gerada, Triq Santa Marija, Triq Paola, Triq Ġużeppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard u Triq Xintill. Ix-xogħlijiet fit-triq indikata huma parti minn proġett li l-aġenzija qed twettaq flimkien mal-Enemalta waqt li din qed tgħaddi cables ġodda għall-elettriku f’numru ta’ toroq f’din il-lokalità. Ix-xogħlijiet f’din it-triq tlestew madwar ġimgħa ilu u kienu jinkludu wkoll bdil tas-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.

Rotta 109 – waqfien fi Triq Filippu Grech Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li r-rotta numru 109 terġa’ tibda tieqaf fi Triq Filippu Grech Ħaż-Żebbuġ bħalma kienet tagħmel qabel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Transport ħadet nota ta’ dan is-suġġeriment u ħa jkunu qegħdin jevalwaw dan is-suġġeriment fil-futur qarib.

Aħrax tal-Mellieħa – Triq Daħlet ix-Xmajjar – irranġar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex triq ġdida li saret tliet ġimgħat ilu fi Trqi id-Daħlet ix-Xmajjar, limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa li tagħti għat-Torri l-Abjad fejn toroq tal-bdiewa fil-ġnub tal-istess triq issa qegħdin nofs metru u anke aktar ta’ diżlivel? Jista’ jara li dan id-diżlivel jitranġa u t-triq tal-ġnub jkunu aċċessibbli għat-toroq Daħlet ix-Xmajjar u jibqgħu aċċessebbli għall-bdiewa?

Response (BORG, IAN)

Minbarra t-twettiq ta’ proġetti kbar fit-toroq arterjali u l-investiment bla preċedent li qed tagħmel fit-toroq residenzjali, Infrastructure Malta għadha għaddejja wkoll b’ħidma fit-toroq rurali, tant li din is-sena diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’71 triq qalb il-kampanja li flimkien iġibu mal-24 kilometru. Dawn ix-xogħlijiet saru b’investiment li qabe¿ it-€8 miljun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu minn fondi lokali u l-bqija ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, fit-tliet snin kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, Infrastructure Malta s’issa għamlet xogħlijiet f’aktar minn 300 triq rurali f’diversi lokalitajiet madwar Malta u li ħafna minnhom kien ilhom ma jitranġaw kif meħtieġ għexieren ta’ snin. Fil-71 triq rurali li bniet mill-ġdid bejn Jannar u Awwissu li għaddew, l-aġenzija għaddiet mal-35 kilometru ta’ katusi, cables u pajpijiet oħrajn. Fl-istess waqt, fejn kien meħtieġ, il-kuntratturi tal-aġenzija għamlu wkoll sistemi ta’ ġbir tal-ilma tax-xita u ħarsien mill-għargħar. Din is-sena saru diversi toroq li jwasslu għal xtajtiet popolari bħalma hija t-triq twila 1.8 kilometri f’Delimara li twassal għal Xrobb l-Għaġin, Il-Ħofra l-Kbira u l-Ponta tal-Munxar, fost oħrajn, kif ukoll it-toroq fil-Mellieħa li jagħtu għal Daħlet ix-Xmajjar, ir-Ramla tat-Torri l-Abjad u l-Għar tad-Dragunara. It-triq indikata tlestiet fil-bidu tas-sajf u fil-ġimgħat ta’ wara saru anke xogħlijiet biex id-daħliet rurali li jagħtu għaliha jkunu aċċċessibbli ukoll għall-bdiewa li jaħdmu r-raba’ fl-inħawi.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Direct orders, kuntratti maqbula permess ta’ negotiated procedures u/jew tenders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi elenku ta’ direct orders, kuntratti maqbula permess ta’ negotiated procedures u/jew tenders mill-Aġenzija Infrastructure Malta, Transport Malta u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Ottubru 2020 sad-data tal-lum (04/08/2021) u, kif ukoll min kien ir-reċipjent ta’ dawn id-direct orders, u jew kuntratti u għal liema ammont?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopji kollha tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ dawk l-aġenziji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li ġew ippubblikati s’issa minn Lulju 2020 sa Ġunju 2021.

Proġett tas-Central Link – użu tal-by pass minflok tal-mina

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x'miżuri hemm maħsuba biex il-karozzi telgħin lejn it-Tramuntana ta' Malta, minflok ma’ jużaw il-mina maħsuba li ser twassal fejn kien hemm installat it-Traffik Lights fejn San Anton, jużaw il-By Pass il-ġdida li tinkorpora l-Link il-ġdid bejn Triq Oliver Agius u Triq Tumas Chetcuti sal-Isptar Monte Carmeli? Dan biex jiżgura li ma jkunx hemm konġestjoni tat-traffiku akbar milli kien ikun hemm qabel il-proġett tas-Central Link.

Response (BORG, IAN)

Ninnota b’sodisfazzjon li l-Oppożizzjoni fl-aħħar qed tirrikonoxxi l-benefiċċji ta’ Central Link Project sabiex intaffu l-problemi ta’ konġestjoni ikkawżati minn snin twal ta’ nuqqas t’investiment u minn ippjanar bla viżjoni fit-tul minn amministrazzjonijiet preċedenti. Il-Bypass li qed issir referenza għaliha, jiġifieri l-korsiji ġodda ta’ Central Link Project, kien ilha ppjanata mis-snin sittin iżda kien biss dan il-Gvern li kellu l-kuraġġ iwettaqha. Nilqa’ l-entużjażmu ġdid tal-Oppożizzjoni għall-benefiċċji ta’ dan il-proġett, tant li issa tixtieq tara aktar persuni jużaw il-korsiji ġodda li lestejna f’din l-aħħar sena, hekk kif tixhed din il-mistoqsija. Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw fid-direzzjoni tat-tramuntana mill-Imrieħel jew Birkirkara fid-direzzjoni ta’ Ħ’Attard, Ta’ Qali, ir-Rabat, il-Mosta, l-Imġarr jew lokalitajiet oħrajn fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta m’għandhomx bżonn “miżuri” biex jużaw il-korsiji ġodda (bypass) ta’ Central Link Project mal-periferija ta’ Ħ’Attard, għaliex diġa ilhom jagħmlu dan minn meta nfetħu dawn il-korsiji f’Settembru 2020. Permezz ta’ dawn il-korsiji ġodda, Infrastructure Malta ħolqot rotta diretta bla ebda waqfien mill-Bypass tal-Imrieħel sa taħt it-Telgħa tas-Saqqajja, f’Ta’ Qali. B’hekk eliminajna l-erba’ sistemi ta’ traffic lights antiki u l-partijiet ta’ din ir-rotta arterjali li fis-snin disgħin ġew imdejqin għal korsija waħda, il-fatturi ewlenin għas-snin ta’ konġestjoni u tniġġis tal-arja f’dawn l-inħawi, hekk kif qed issemmi tajjeb l-Onorevoli Deguara. Fl-istess waqt, il-mina li qed issir referenza għaliha, li Infrastructure Malta qed twettaq permezz tal-proġett separat Mriehel Underpass Project, għandha l-għan li ttejjeb is-sigurezza u l-effiċjenza fl-ivvjaġġar għal mezzi differenti, fid-direzzjoni opposta, jiġifieri minn Ħ’Attard u Ħal Balzan lejn l-Imrieħel u destinazzjonijiet oħra fiċ-ċentru u nofsinhar ta’ Malta. Din il-mina se jkollha biss korsiji fid-direzzjoni lejn in-nofsinhar, sabiex dawk għaddejjin f’din id-direzzjoni ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout ġdida li se ssir fuq l-istess mina biswit l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, fl-Imrieħel. Dawk li jkunu għaddejjin fid-direzzjoni tat-tramuntanta m’humiex ser jużaw ir-roundabout ġdida lanqas, peress li dawn diġa qed jużaw ir-roundabout bypass lanes li saru permezz ta’ Central Link Project bħala parti minn din ir-rotta ġdida. Għalhekk, ir-roundabout ġdida ser tkun aktar komda u sigura għal konnessjonijiet lokali b’inqas riskji t’aċċidenti, fosthom minn u lejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħaż-Żebbuġ. Ir-roundabout se tkun aktar sigura wkoll għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, għaliex se jkollha punti ta’ qsim pedonali aktar siguri li jingħaqdu mal-korsija ġdida għar-roti u l-mixi ta’ dan il-proġett, l-itwal waħda tat-tip tagħha li qatt saret f’Malta. Inħares ‘il quddiem lejn it-tlestija ta’ Central Link Project u Mriehel Underpass Project fiż-żmien li ġej, sabiex dawk li jgħixu u jivvjaġġaw f’dawn il-lokalitajiet fiċ-ċentru tal-pajjiż ikomplu jgawdu l-benefiċċji ta’ dan l-investiment.

Triq il-Kosta — sinjali tat-traffiku li juru li ġejjin il-kameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sinjali tat-traffiku li juru li ġejjin 3 kameras fi Triq tul il-Kosta, huma mpoġġiha tant ‘il bogħod, li qed ifixklu s-sewwieq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-limitu tal-veloċità huwa regolat bil-liġi u s-sewwieqa dejjem huma fid-dmir li jirrispettaw tali limitu indikat mit-tabelli u ma jaqbżux il-limitu stabbilit. It-tabelli li jindikaw li ġejjin il-kameras jiġu nstallati bħal avviż addizzjonali biex is-sewwieqa jkunu nfurmati minn qabel bl-infurzar li jkun fis-seħħ permezz tal-kameras matul it-triq.

Triq Reġjonali u l-bridge — modi biex residenti jkollhom il-kwiet f'darhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’modi hemm biex ir-residenti f’Triq Reġjonali u fejn il-bridge jkollhom il-kwiet f’darhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nifhmu li qed jirreferi għal flyover tal-Kappara minħabba Ii kien hemm xi residenti li resqu għand Transport Malta b’ilmenti simili. Meta saru x-xogħolijiet tal- flyovers (2016 – 2017) kienu ittieħdu numru ta’ miżuri għar-raġuni li wieħed jifhem li dawn ir-residenzi qiegħdin qrib ta’ Triq Arterja. Dawn il-miżuri kienu jinkludu: - Sound barriers fuq il-bridge - U xogħol f’uħud mir-residenzi l-iktar affetwati bħal double glazing u żieda fl-għoli tal-ħitan ta’ barra. Għaldaqstant wieħed jifhem li l-miżuri diġa iitieħdu waqt ix-xoghlijiet.

Fgura – Triq San Pietru — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’xogħlijiet saru f’Triq San Pietru Fgura tul din is-sena?

Response (BORG, IAN)

Minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’709 toroq residenzjali u rurali, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajji¿na u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Mill-bidu ta’ din is-sena s’Awwissu li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’123 triq residenzjali u 71 triq oħra qalb il-kampanja. Flimkien, jgħoddu mat-52 kilometru ta’ toroq aħjar, b’37 kilometru ta’ bankini ġodda u 122 kilometru ta’ katusi, pajpijiet u cables ġodda tad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art. Sabiex tlesta l-bini mill-ġdid tagħhom intużaw 91,100 tunnellata asfalt u konkos. It-triq indikata hija waħda mit-toroq residenzjali li għadhom kemm tlestew u x-xogħljiet li saru fiha biex inbniet mill-ġdid kienu jinkludu bdil u żieda tas-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u telekomunkazzjoni, bini ta’ bankini ġodda, tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.

Driving instructors u kandidati għat-test tas-sewqan – post adegwat

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-driving instructors u l-kandidati għat-test tas-sewqan jiġu pprovduti b'post adegwat hekk kif il-kamra li tintuża bħalissa, hija żgħira u nieqsa minn restrooms?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li l-bini utilizzat mid-DPTTU (Sezzjoni tas-Sewwieqa, Taħriġ u Testijiet) ġewwa l-Furjana, strutturalment ma jistax jiġi estiż aktar. Bħala alternattiva, ġew ipprovduti ‘mobile toilets’ għall-użu esklussiv tal-għalliema tas-sewqan u l-kandidati għat-test tas-sewqan. Ta’ min jinnota ukoll li dawn it-toilets jiġu mnaddfa kuljum. Dawn kienu saru fuq talba li kienet għamlet l-MDIA (Malta Driving Instructors Association) ‘l fuq minn sena ilu, u ġew ipprovduti minnufih.”

Infrastructure Malta – tenders u direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tat-tenders u d-direct orders li ħarġet Infrastructure Malta mill-aħħar tal-2017 sa Settembru 2021? Jistgħu jiġu indikati l-kumpaniji kollha li taw (bi ħlas) servizzi lil Infrastructure Malta, inkluż dawk li jiffurmaw parti minn joint ventures jew consortia?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kopji kollha tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Infrastructure Malta li ġew ippublikati minn Jannar 2019 sa’ Ġunju 2021.

Bord għas-Soluzzjoni ta' Tilwin għan Networks dwar l-Utiliajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx appunti l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet a tenur tal-artikolu 24 tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi Kap. 81? U jekk appuntati, min huma l-membri, meta ġew appunti, u x’inhu t-tul tal-ħatra tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord msemmi qiegħed fil-proċess li jiġi mwaqqaf.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu mill-2017 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet diġa' mogħtija fuq PQ 184, 2312, 8688 u 10254, waqt li l-kumplament tal-informazzjoni qed tiġi miġbura.

Tender

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender for the COnstruction of a New Cargo Facility at Ras Ħanżir between Laboratory and Fuel wharves, Corradino, Grand Harbour Malta (CFT CA Unique ID: IM027/2020) u jgħid fiex wasal il-proċess u meta hu previst li jintemm biex din l-imsemmija tender tiġi aġġudikata?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta ser tibni moll ġdid ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija fiż-żona ta’ Ras Ħanżir fl-inħawi ta’ Kordin, fil-Port il-Kbir. Din il-faċilità ġdida għall-merkanzija ta’ €65 miljun bejn Xatt il-Laboratorju u Fuel Wharf se tintroduċi spazju ta’ rmiġġ addizzjonali tant meħtieġ fil-Port il-Kbir għal bastimenti li jġorru trailers u merkanzija ġenerali oħra (Ro-Ro Ships). Se ttejjeb l-effiċjenza fil-port filwaqt li tipprovdi lill-awtoritajiet marittimi lokali b’aktar flessibilità u disponibbiltà fl-użu tal-mollijiet l-oħrajn fl-istess żona. Il-pjanijiet biex din il-medda abbandunata tal-kosta tinbidel f’xatt ġdid kien ilhom għal ħafna snin. Infrastructure Malta inkludiet dan il-proġett fil-pjan fit-tul tagħha biex ittejjeb il-faċilitajiet għall-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-Port il-Kbir minn meta ġiet fdata bl-iżvilupp tal-infrastruttura marittima ta’ Malta fl-2019. Saru diskussjonijiet mal-awtoritajiet tat-trasport, l-ippjanar, l-ambjent u l-wirt storiku, kif ukoll partijiet interessati oħrajn, biex il-pjanijiet tal-proġett ikunu skont ir-rekwiżiti tal-partijiet kollha interessati. F’Ottubru li għadda, l-aġenzija ħarġet sejħa għall-offerti biex jintgħażlu l-kuntratturi li se jibnu dan il-moll ġdid fit-tliet snin li ġejjin. Il-faċilità għall-merkanzija f’Ras Ħanżir se testendi fuq medda ta’ 28,000 metru kwadru, kważi daqs erba’ football grounds. Magħha se jkunu jistgħu jorbtu bastimenti sa 300 metru tul u b’fond sa 9 metri. Il-proġett jinkludi t-tqegħid tal-pedamenti fi 30 metru fond, it-tisħiħ ta’ qiegħ il-baħar, il-bini tal-istruttura ewlenija tal-moll u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-irmiġġ, l-immaniġġjar tal-merkanzija u l-operat għall-ħażna. Ix-xatt il-ġdid se jkollu wkoll faċilitajiet oħrajn bħalma huma konnessjonijiet għas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni, sistema tat-tifi tan-nar, provvista tal-elettriku għat-trailers bil-friża, sistemi ta’ lqugħ għall-ilma tax-xita u tagħmir effiċjenti fl-enerġija biex idawwal il-moll. Infrastructure Malta iddisinjat ukoll il-moll ġdid b’mod li jkun jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ bastimenti futuri, inkluż l-infrastruttura biex fil-futur ikun jista’ jipprovdi lill-bastimenti s-servizz tal-elettriku mix-xatt għal aktar sostenibbiltà ambjentali. Il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-proċess tal-aġġudikazzjoni għadu għaddej. Il-Bord jitħalla jmexxi l-evalwazzjoni tal-offeri mingħajr l-ebda forma ta’ ndħil u għaldaqstant minix f’pożizzjoni li nindika meta dan il-proċess se jkun konkluż.

Santa Luċija – Servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jara għala s-servizz tat-trasport pubbliku minn Santa Luċija għall-Belt Valletta mhux qed ikun f’ħinu, tant li dawn l-aħħar jiem, diversi residenti lmentaw li qed ikollhom jistennew siegħa u nofs, u ġieli sagħtejn, biex tgħaddi karrozza tal-linja?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni fuq ir-rotta 83 li saret minn Transport Malta bejn l-20 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Lulju 2021, jirriżulta li kien hemm 95.1% tal-vjaġġi li telqu fil-ħin mill-lokalita` ta’ Santa Luċija. Kien hemm ukoll 2.3% li telqu xi ftit minuti aktar kmieni milli skedat.

Il-Qala – karozza tal-linja numru 322

Question

Sabiex ir-residenti ta’ Qala Għawdex ikunu moqdijin aħjar, jista' l-Ministru jgħid hux lest li jikkonsidra li r-rotta tal-karozza tal-linja numru 322 tibda tagħmel waqfa biex tħott u tgħabbi l-passiġġieri f'dan ir-raħal?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment u ħa nkunu qegħdin nevalwaw dan is-suġġeriment fil-futur qarib.

Il-Qala – karozza tal-linja numru 303

Question

Sabiex ir-residenti ta’ Qala Għawdex ikunu moqdijin aħjar bi vjaġġ iqsar, jista' l-Ministru jgħid hux lest jikkonsidra li r-rotta tal-karozza tal-linja numru 303 tibda tgħaddi minn Triq Ta’ Xħajma flok li ddur minn Triq il-Madonna tar-Rummiena u Triq l-Imġarr u vice versa bħal fil-preżent?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment u ħa nkunu qegħdin nevalwaw dan is-suġġeriment fil-futur qarib.

Central Link Project – underpass

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn kellha tiżdied underpass f'dan l-istadju tal-proģett tas-Central Link u anke b'kemm issa se jiżdiedu l-ispejjeż proģettati minħabba din l-underpass?

Response (BORG, IAN)

Huwa ta’ sodisfazzjon li ninnutaw li l-istess Oppożizzjoni li tant ħadmet biex Central Link Project, l-investiment għal toroq aħjar u arja aktar nadifa f’Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, jitħalla fuq l-ixkaffa għal għexieren ta’ snin issa qed juru interess f’diversi aspetti ta’ dan l-investiment. Dan il-Gvern m’huwiex Gvern li warrab il-karba tar-residenti f’dawn il-lokalitajiet, li għal snin twal sfaw priġunieri f’darhom stess kull filgħodu bi sriebet twal ta’ traffiku joħonqu t-toroq ewlenin, u t-toroq residenti madwarhom, madwar id-djar tagħhom, minħabba n-nuqqas t’investiment fl-infrastruttura tal-ivvjaġġar taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Tajjeb niftakru li l-aħħar investiment infrastrutturali f’dawn l-inħawi kien meta Gvern preċedenti iddeċieda li jdejjaq din ir-rotta ewlenija fiċ-ċentru tal-pajjiż għal korsija kull direzzjoni, b’central strips tant wiesa li fuqhom saħansitra kien hemm min fassal helipad. Fl-istess waqt, ir-rotta mtliet b’madwar erba’ sistemi ta’ traffic lights, li maż-żmien ma baqgħux kapaċi jlaħħqu mad-domanda tal-ivvjaġġar u kienu jikkawżaw ħafna tniġġis tal-arja u ħela ta’ ħin. Permezz ta’ Central Link Project, il-Gvern qed juri li lest jinvesti bis-saħħa sabiex joħloq ambjent aħjar għar-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet, filwaqt li jtaffi d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni oħra li ta’ kuljum jgħaddu minn dawn l-inħawi. Central Link Project huwa investiment ta’ €55 miljun biex inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, ir-riskji t’aċċidenti u t-tniġġis ikkaġunat mill-konġestjoni tul il-ħolqa ta’ rotot arterjali prinċipali fiċ-ċentru ta’ Malta, waqt li joħloq spazji aktar siguri għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi f’din il-parti tal-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Ix-xogħlijiet fuq Central Link Project bdew f’Jannar tas-sena l-oħra u l-proġett huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006 li baqgħu qatt ma ġew imwettqa. Ħmistax-il sena ilu, dan il-Pjan diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Infrastructure Malta tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fl-istess waqt, żiedet ukoll infrastruturra ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona. Il-proġett qed inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Qed jintroduċi wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’bankini u passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet maqtugħin mit-triq biex taqsam minn naħa għall-oħra, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż. Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta qed tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti. L-istudji dwar il-kwalità tal-arja li saru minn esperti indipendenti matul l-istadju tal-ippjanar tal-proġett juru li bl-eliminazzjoni tal-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi, dan l-investiment se jwassal għal titjib kbir fil-kwalità tal-arja f’diversi żoni residenzjali tal-madwar fl-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Fil-fatt, il-proġett se jwassal għal tnaqqis fil-materja partikolata (trabijiet fini) sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żidiet fil-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar fil-futur. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%. Il-materja partikulata u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-iżjed żewġ fatturi prinċipali tat-tniġġis mill-vetturi, u waħda mill-kawżi ewlenin ta’ mard respiratorju. Filwaqt li Central Link Project tfassal wara konsultazzjoni wiesa, u wara li saru studji minn esperti indipendenti f’oqsma tekniċi u ambjentali differenti, dan ma jfissirx li Infrastructure Malta issa qed twettaq il-proġett bla ma tkompli tisma’ lil dawk li jkollhom suġġerimenti jew tħassib, u mingħajr ma tqis it-tibdil kostanti fil-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta’ dawn l-inħawi sabiex tiżgura li l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiż ikun l-aħjar possibbli u li jservi l-aktar fit-tul. Hija prassi ta’ Infrastructure Malta li tkompli tilqa’ suġġerimenti, u tkompli tqis metodi ta’ kif tista’ twettaq il-proġetti tagħha bl-aħjar mod anke waqt l-implimentazzjoni. B’hekk tiżgura li l-infrastruttura li toħloq tibqa’ taqdi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna għal aktar snin, sabiex nieħdu aktar valur għal dan l-investiment. Huwa għalhekk li filwaqt li permezz ta’ Central Link Project ser jitneħħew it-traffic lights ta’ bejn Triq l-Imdina u l-Bypass tal-Imrieħel (maġenb l-MFSA) biex minflokhom issir roundabout b’sistema ta’ bypass lanes, wara aktar konsultazzjoni u kunsiderazzjoni, il-periti ta’ Infrastructure Malta raw opportunità li jkomplu jtejbu s-sigurezza ta’ din il-junction permezz ta’ mina qasira. Din il-mina se tieħu post korsiji li diġa kienu ppjanati f’Central Link Project, iżda kienu se jgħaddu mir-roundabout il-ġdida. Il-mina ser tgħaqqad b’mod dirett il-korsiji fid-direzzjoni minn Ħal Balzan lejn l-Imrieħel, sabiex dawk li jkunu qed jivvjaġġaw f’din ir-rotta ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout. B’hekk ir-roundabout ikollha inqas vetturi jaqsmu kontra xulxin ħalli jonqsu r-riskji t’aċċidenti. Fl-istess waqt, b’din il-mina, ir-rotta se ssir aktar effiċjenti, sabiex tkompli tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tal-futur, b’mezzi differenti. Peress li din ir-roundabout ġdida se tkun ukoll konnessjoni importanti anke għal dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi bil-mixi jew bir-rota, sabiex jaqsmu bejn Ħal Qormi, l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħaż-Żebbuġ, inħass li din il-mina qasira tista’ tnaqqas il-volum ta’ karozzi li jgħaddi mill-istess roundabout u għalhekk din tkun aktar sigura għal faċilitajiet ta’ vvjaġġar alternattiv, fosthom punti ta’ qsim pedonali li jwasslu għall-korsiji ġodda għall-mixi u r-roti tal-istess proġett. Peress li ħafna mix-xogħol sabiex issir il-mina xorta waħda kien se jsir bħala parti mill-proġett, bħal pereżempju l-bini tal-korsiji ġodda li se jgħaddu minnha u sistemi oħra relatati, dan it-titjib fil-proġett m’huwiex ser iżid l-ispiża ta’ Central Link Project mill-istima oriġinali allokata għal dan l-investiment. Fil-fatt, Infrastructure Malta qed taħdem sabiex minkejja l-bini ta’ din il-mina, il-proġett xorta waħda jitlesta b’inqas spejjeż minn kemm oriġinarjament stmat. Bħal ma jiġri normalment f’sitwazzjonijiet bħal dawn, ix-xogħol tal-mina ġie allokat lill-istess kuntratturi li rebħu s-sejħa għall-offerti pubblika għal Central Link Project u li diġa wettqu ħafna xogħlijiet f’din iż-żona, fosthom l-ewwel korsiji tal-junction tar-roundabout li se tinkludi wkoll il-mina. B’hekk jiġi żgurat li x-xogħol isir b’aktar ħeffa u b’kordinazzjoni aħjar. Fl-istess waqt, peress li l-kuntratturi huma l-istess, jonqsu r-riskji ta’ diffikultajiet legali u amministrattivi f’każ li fil-futur ikun hemm bżonn li l-Gvern jirrikorri għall-garanziji marbuta mal-istess xogħlijiet, bħal pereżempju meta jinstab li xi xogħol ma laħaqx l-istandards meħtieġa jew meta jiżviluppaw ħsarat. Il-Gvern huma determinat li jkompli jaħdem bil-għaqal, b’effiċjenza u b’determinazzjoni, sabiex pajjiżna jkollu l-infrastruttura ta’ kwalità li jixraqlu, bl-aħjar valur għal kull investiment pubbliku.

Central Link Project – underpass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jagħmel ix-xogħol biex tiżdied din l-underpass u anke detallji tal-proċess ta' kif intgħażlu dawn l-individwi jew kumpaniji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21953 tal-istess Seduta.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija fuq PQ 2402 f'Seduta 122, waqt li l-kumplament tal-informazzjoni qed tiġi miġbura.