Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-34 impjegat li jaħdmu fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fil-Faċilità San Vincenz de Paul, hemmx impjegati li huma nurses jew carers? Jekk iva, jista’ jgħid kemm minnhom huma nurses u kemm minnhom huma carers?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda Nurse jew Carer fis-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet ser ikunu qed jittieħdu fil-konfront ta’ Chief Nursing Manager fil-Faċilità San Vincenz de Paul minħabba l-attitudini ta’ theddid u abbuż li din il-persuna qed tuża fil-konfront tan-nurses li jaħdmu fl-istess faċilità u li l-MUMN irreġistrat tilwima f’dawn l-aħħar jiem?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Djar residenzjali tal-Gvern — Ħlas mill-anzjani għal servizzi u prodotti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema servizzi u prodotti jridu jħallsu l-anzjani li qegħdin fid-djar residenzjali tal-Gvern u dawk li qegħdin taħt l-iskema ta’ xiri ta’ sodod fid-djar privati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li r-residenti fid-djar residenzjali tal-Gvern u dawk taħt l-iskema ta’ xiri ta’ sodod fid-djar privati huma meħtieġa jħallsu għal dawn is-servizzi u prodotti:
1. Mediċini li mhumiex inklużi fil-formularju tal-POYC.
2. Servizzi jew prodotti li ma humiex koperti taħt il-pakkett ta’ servizzi li jingħata mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kif diġà speċifikat fir-risposta għall-PQ 18872 tas-seduta 237 datata 30/04/2024.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti bħalissa għall-Home Help? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u r-raġuni ta’ dawn il-pendenzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li hemm (50) ħamsin applikazzjoni għall-Home Help li huma għaddejjin mill-proċess tal-assessjar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16496 u jgħid meta l-aħħar li ġew impjegati ħaddiema tal-kuntrattur fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, kemm hu n-numru ta' dawn il-ħaddiema u x’tip ta' xogħol qed jagħmlu dawn il-ħaddiema? Kemm minnhom huma barranin u kemm minnhom huma ta' ċittadinanza Maltija?
Jista’ jgħid ukoll mit-8 ta' Marzu 2013, kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda tal-kuntrattur biex jaħdmu ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, maqsuma xahar b'xahar? Kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema tal-kuntrattur li fil-preżent qed jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u x'tip ta’ xogħlijiet qed jagħmlu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-aħħar persuna impjegata hi Clerk u d-data tal-impjieg hi t-8 ta’ Novembru 2024. Dan kien replacement.
Ninsab infurmat li t-tagħrif l-ieħor mitlub għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid u jagħti raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kellha tħallas €3,576.99 għall-operazzjoni li saritilha fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, meta din hija residenti bil-Karta tal-Identità Maltija u ċittadina Ewropea?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li persuna residenti Malta bil-Karta tal-Identita' Maltija u ċittadina tal-Unjoni Ewropea, tkun eliġibbli għall-kura tas-saħħa b'xejn kemm 'il darba l-persuna tippreżenta d-dokumenti meħtieġa.
Infurmat li jekk mis-sistema elettronika jirriżulta li l-persuna mhix eliġibbli, irid jiġi ppreżentat dokument li juri li l-persuna qed tħallas l-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta Nazzjonali f'pajjiżna jew inkella tiġi preżentata l-formola S1 maħruġa mill-pajjiż minn fejn tirċievi l-pensjoni statali. Wara, il-persuna tkun tista' tapplika għal Certificate of Entitlement li bih tingħata aċċess għall-kura b'xejn f'pajjiżna b'mod retroattiv jew inkella mid-data li fiha jinħareġ ċ-ċertifikat skond il-każ.
Ninsab infurmat li sakemm qed titwieġeb din il-Mistoqsija, il-persuna li qegħda ssir referenza għaliha, ma ppreżentatx id-dokumenti meħtieġa.
Operazzjonijiet tal-katarretti — Lista ta’ stennija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tal-katarretti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ispjega li tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlementari 20432.
B’riżultat tal-inizjattivi li qed jittieħdu, ninforma lill-Onor. Interpellant li minn 367 pazjent li kienu ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, dan in-numru issa niżel għal 65. Qed nagħmlu minn kollox biex il-perjodu ta’ stennija dejjem jonqos. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kull fejn ikun hemm każ urġenti, din l-operazzjoni ssir fi żmien qasir.
Operazzjonijiet relatati ma’ kirurġija ġenerali — Lista ta’ stennija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għal operazzjoni relatata ma’ kirurġija ġenerali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Gvern ivvota €14-il miljun ewro sabiex jindirizza l-waiting lista permezz ta’ programm ta’ outsourcing ħalli l-pazjenti jinqdew fl-iqsar żmien possibbli.
Ninsab infurmat li hemm 2,612 pazjent li ilhom jistennew intervent kirurġiku u ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat fic-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm diversi raġunijiet għala dan jiġri. Inserraħ ras kulħadd li kull operazzjoni urġenti ssir fl-iqsar żmien possibbli.
Operazzjonijiet relatati ma’ kirurġija plastika — Lista ta’ stennija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għal operazzjoni relatata ma’ kirurġija plastika sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Gvern ivvota €14-il miljun ewro sabiex jindirizza l-waiting lista permezz ta’ programm ta’ outsourcing ħalli l-pazjenti jinqdew fl-iqsar żmien possibbli.
Ninsab infurmat li hemm 176 pazjent li ilhom jistennew intervent fil-kirurġija plastika u ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat fic-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm diversi raġunijiet għala dan jiġri. Inserraħ ras kulħadd li kull operazzjoni urġenti ssir fl-iqsar żmien possibbli.
Operazzjonijiet relatati ma’ newrokirurġija — Lista ta’ stennija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għal operazzjoni relatata ma’ newrokirurġija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm 152 pazjent li ilhom jistennew intervent newrokirurġiku u ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat fic-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm diversi raġunijiet għala dan jiġri. Inserraħ ras kulħadd li kull operazzjoni urġenti ssir fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu MRI sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu CT Scan sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
L-Isptar Mater Dei – Pazjenti – Dritt għall-informazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi rrispettata d-dinjità tal-pazjent għad-dritt għall-informazzjoni dwar is-saħħa tiegħu meta l-qraba ma jkunux iridu li dik l-informazzjoni tasal għand il-pazjent innifsu? Jista’ jgħid ukoll x’linji gwida qed jintużaw f’dan ir-rigward?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-pazjent għandu dejjem dritt għal informazzjoni rigward saħħtu. Il-qraba għandhom dritt għal informazzjoni biss jekk il-pazjent jagħti kunsens. Dan ma japplikax meta pazjent ma jkollux il-kapaċità mentali skont KAP 525, l-Att dwar is-Saħħa Mentali.
L-Isptar Mater Dei – Staff li għandhom aċċess għal iSoft
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk staff li għandhom aċċess għal iSoft, jistgħux jaċċessaw informazzjoni fuq pazjenti li mhumiex taħt il-kura tagħhom?
Jekk iva, jista’ jgħid kif dan l-aċċess huwa konformi mal-GDPR li ssostni li għandu jkun hemm aċċess ‘on the need-to-know basis’?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-aċċess ipprovdut fuq iSoft huwa bbażat fuq ir-rwol. Kull rwol bħal pereżempju tabib, spiżjar, jew infermier ikollu livell differenti ta’ aċċessi. L-uffiċjali li jiġu pprovduti b'aċċess għall-iSoft iridu jiffirmaw dikjarazzjoni li jirrispettaw il-kunfidenzjalità u l-privatezza ta' kwalunkwe dejta personali jew sensittiva u informazzjoni li tirrigwarda l-pazjent. L-aċċess għal din id-dejta huwa suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, kif ukoll dawk tal-Att dwar is-Segretezza Professjonali u leġiżlazzjoni u regolamenti rilevanti oħra, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar l-użu ħażin tal-kompjuter tal-kodiċi kriminali.
L-Isptar Karin Grech – Imġiba etika lejn il-pazjent
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14941 dwar il-Bord tal-Etika fl-Isptar Karin Grech fejn ġie mwieġeb “Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Karin Grech Rehabilitation Hospital kellu bord ta’ etika li twaqqaf fl-2020, li ma baqax jiltaqa’ u għalhekk bħalissa jinsab fil-proċess li jerġa’ jiġi stabbilit.”, jista’ l-Ministru jgħid li jekk dan il-Bord reġax beda jiffunzjona minn Marzu li għadda ’l hawn. Jekk le, għaliex le? U meta ser jibda jaħdem?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun hemm żviluppi dawn jitħabru.
Faċilità San Vinċenz de Paule — Imġiba etika lejn il-pazjent
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14944 li saret f’Marzu u jgħid hemmx kumitat/bord tal-etika dwar il-pazjent (mhux relatat ma’ riċerka) fil-Faċilità San Vinċenz de Paule li jassigura mġiba etika lejn il-pazjent? Jekk iva, jista’ jgħid:
a. x’inhi l-funzjoni ta’ dan il-kumitat?
b. minn min hu magħmul?
ċ. min hu ċ-chairperson u s-segretarju?
d. kull meta ltaqa’ fl-2023?
e. jistax jilqa’ ilmenti mill-pazjenti jew qraba?
f. jistax jirċievi preokkupazzjonijiet dwar etika minn staff b’dilemmi etiċi?
ġ. xi proċeduri stabiliti hemm ma’ dan il-kumitat/bord?
h. jekk hemm, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-proċeduri?
i. jekk ma hemmx kumitat tal-etika, jikkunsidra l-Ministru li jwaqqaf wieħed, jekk iva, meta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Kumitat ta’ Etika huwa mwaqqaf fuq dawn is-sisien - edukazzjoni, konsultazzjoni, evalwazzjoni ta’ policies u proċeduri li jista’ jkollhom implikazzjoni ta’ etika u reviżjoni ta’ riċerki interni (jekk jinvolvu dirett lill-pazjent) u esterni (dment li ma jkunux diġà għaddew taħt bordijet oħrajn)
Il-Kumitat huwa magħmul minn (11) ħdax-il membru. Bħala chairperson ġie maħtur il-Professur Joseph M. Cacciottolo u is-Segretarju tal-Kumitat huwa s-Sur Bernard Piscopo. Matul is-sena li għaddiet, il-kumitat iltaqa’ (9) disa’ darbiet u kellu laqgħat oħrajn ta’ sotto-kumitati.
Huwa l-konsulent jew id-direzzjoni tal-entitá li jista’ jirreferi sitwazzjoni fejn jitlob opinjoni etika. L-aħħar kelma tkun dik tal-konsulent u t-tim tiegħu. Il-Konsulent jista' jitlob opinjoni biex jaċċerta li l-kura li se tingħata ma tmurx kontra l-valuri u l-moralità tal-entità u ma tmurx kontra d-drittijiet tal-pazjent. Tintalab opinjoni wkoll jekk ma jkunx hemm qbil dwar il-kura bejn il-konsulent, staff jew anke qraba jew il-pazjent stess. Il-kumitat m’għandux iservi ta' bord ta' dixxiplina.
Il-kumitat għandu jservi biex f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-kuranti u l-qraba, jagħti s-suġġerimenti tiegħu biex iqarreb lill-partijiet kollha konċernati. Dmir ieħor huwa li tiġi salvagwardjata l-protezzjoni lill-pazjent.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14940 dwar il-Bord tal-Etika fl-Isptar Mater Dei fejn intqal: “Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa f’Mater Dei mhemmx dan il-board”, jista’ l-Ministru jgħid jekk jarax il-bżonn li jkun hemm bord tal-etika fl-Isptar Mater Dei bħalma kien hemm għal xi żmien fl-Isptar Karin Grech, peress li professjonisti f’kuntest kliniku jiltaqgħu ma’ diversi dilemmi etiċi li għandhom jiġu għall-attenzjoni ta’ bord bħal dan?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun hemm żviluppi dawn jitħabru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li għandhom minn 65 sena 'l fuq, li jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk hemm, jista' jgħid kemm huwa n-numru ta’ dawn il-ħaddiema, skala skala, u jekk humiex tal-kuntrattur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għar-rigward tal-ħaddiema fis-Settur Publiku jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 21443.
Ninsab infurmat li għar-rigward tal-ħaddiema li jaħdmu fl-entitajiet hemm 4 ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 65 sena. Dawn qegħdin fi skali 14, 7, wieħed fi skala ta’ Head u ieħor f’Grad 1 skond il-ftheim settorjali rispettiv tal-entità.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Uffiċjali bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar għaxar uffiċjali fi ħdan il-Ministeru tiegħu bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju ta' kull wieħed minnhom u x'jinkludi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Il-pożizzjoni fl-istrutturi tas-Servizz Pubbliku huma marbuta ma’ skali skont il-kategorija li jappartjenu. Għaldaqstant il-pakkett finanzjarju huwa marbut ma’ dik il-kategorija dejjem hekk kif approvat jew maqbul fi ftehim tal-kategorija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21600, fejn intqal li ma jistax jaqsam il-pagamenti f’pagamenti separati, jista' l-Ministru jgħid f'kull każ kemm kien il-pagamenti qabel u wara kull side letter li ġiet approvata?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.