Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19754 u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm traqqdu klieb u qtates mill-Animal Welfare u mill-SPCA din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-principju li fuqu jitmexxa d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali hu dak li ebda animal ma jitraqqqad jekk mhux fuq parir tal-veterinarju li jara l-annimal, u dan jiġri biss jekk l-annimal ikun qiegħed fi-stat ta’ tbatija esaġerata. Minn Marzu 2009 sa Ottubru ta’ din is-sena id-Direttorat kellu jraqqad 36 kelb u 45 qattus.
L-SPCA m’hijiex entità tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jkompli l-proġett ta' pavementar fi Triq Melita, il-Belt Valletta n-naħa ta' wara Kastilja? Sa fejn mistenni jsir il-pavementar fi Triq Melita ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-fażi li jmiss tal-proġett qed issir Transport Malta. Għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li kien il-volum ta’ ilma estratt mill-aquifers f’Malta u Għawdex separatament mill-privat kull sena mill-1999 ‘l hawn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li hu stmat li l-privat itella’ madwar 18-il miljun metru kubu ilma fis-sena mill-aquifers.
Sptar għall-Annimali San Franġisk — klieb u qtates
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-massimu ta' żmien li klieb u qtates jinżammu fl-Isptar għall-Annimali San Franġisk? Fejn se jmorru wara jekk ma jkunux mas-sidien tagħhom? It-tmexxija tas-santwarji huma nvoluti fil-management u fil-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-massimu ta’ ġranet li annimal jista’ jinżamm fiċ-Ċentru u jagħmel użu mis-servizz ta’ l-After Care hu ta’ 30 ġurnata. Malli jgħaddi dan iż-żmien , jekk l-annimal ikun instab abbandunat allura jaqa’ taħt ir-responsabbilità tad-Direttorat ghall-Ħarsien ta’ l-Annimali u jitpoġġa għall-addozzjoni. Qabel ma ġie deċiż li tintgħazel entità li tmexxi dan iċ-ċentru il-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti għall-management ta’ din il-faċilità. L-NGOs li ssottomettew offerta ġew imlaqqgħa diversi drabi biex imexxu dan iċ-ċentru flimkien bħala fondazzjoni u dan minkejja li l-offerti tagħhom ma kenux l-aktar finanzjarjament vantaġġjużi . Madankollu dan il-ftehim ma ntlaħaqx bejn l-NGOs involuti u allura l-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jinnegozja mal-entità li għamlet l-aħjar offerta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-istallazzjoni b'xejn tal-arloġġ tal-ilma tapplikax għall-bdiewa part-time li jaħdmu l-għalqa sempliċement biex jużaw il-prodotti agrikoli li jkabbru huma u l-familja mmedjata tagħhom, jiġifieri li ma jbiegħux il-prodott agrikoli? Jekk ir-risposta hi li dawn il-bdiewa part-time ma japplikawx għall-iskema, allura kemm se tkun l-ispiża biex jistallaw l-arloġġ tal-ilma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalissa qed isir kalkolu biex ikun magħruf n-numru ta arloġġi li hemm bżonn jitwaħħlu għas-settur agrikolu. It-talba ta’ din il-kategorija ta’ bdiewa part-time tkun evalwata wara li jsir dan l-eżerċizzju.
Jista' l-Ministru jgħid hekk hux minnu li kull kunsill lokali jrid jiddedika tal-inqas ġurnata waħda fil-ġimgħa għall-ġbir tal-iskart separat fil-boroż griżi? Jista' jgħid ukoll jekk allura f'din il-ġurnata fejn jinġabar l-iskart f'boroż griżi, isirx ġbir tal-iskart domestiku? Hemm xi regola dwar kif u meta jsir l-ġbir tal-iskart mill-kunsilli lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi kull lokalita għandha minn tal-inqas ġurnata waħda fil-ġimgha meta tiġbor l-iskart separat. It-Tlieta hija l-ġurnata fejn l-iktar li jinġabar skart tal-boroz grizi. F’din il-ġurnata jista jinġabar ukoll l-iskart domestiku imma bħala vjaġġ separat u dan il-ġbir isir fid-diskrezzjoni tal-kunsill lokali. Ir-responsabbiltà tal-ġbir tal-iskart hija tal-kunsilli lokali, u għaldaqstant kull kunsill jista’ jiddeċiedi kif u meta jsir il-ġbir ta’ kwalunkwe skart fil-lokalità tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bedix ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-irranġar ta’ breakwater f’Marsaxlokk? Jista' jgħid x’xogħol sar u x’kienet l-ispiża fuq dan il-proġett sal-lum? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jintemm dan ix-xogħol u kemm se jiġi jiswa dan il-proġett la darba jintemm?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xogħol li sar sa llum jikkonsisti f’numru ta’ studji dwar il-wave climate f’din il-lokalita biex jiġi determinat b’ aktar eżattezza kif dan il-breakwater qiegħed ikun affetwat fil-maltemp kif ukoll biex naraw kif jistgħu jkunu mtejba l-kundizzjonijiet tal-irmieġġi għal opri tal-baħar tas-sajjieda fil-port. Saret ukoll applikazzjoni lill-MEPA biex jinħareg il-permess meħtieg biex isir ix-xogħol ta’ tiswija.
Tajjeb li jingħad lit-tiswija ta’ dan il-
breakwater
se tkun tifforma parti minn proġett aktar estensiv li ser jitwettaq fi tliet fażijiet. Hu maħsub li x-xogħol jitlesta għall-aħħar tal-2013. Il-proġett għat-tiswija tal-
breakwater
hu stmat li se jiswa madwar € 1.5 miljun.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena sarx xogħol ta’ titjib fl-infrastruttura tal-Pitkalija? Jekk iva, jista' jagħti dettalji ta’ x’kien dan ix-xogħol u x’kienet l-ispiża?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din is-sena l-Gvern fassal il-parametri li bi ħsiebu jadotta wara proċess sħiħ ta’ diskusjonijiet li kellu mal-bdiewa u persuni oħra involuti fis-settur. Fil-frattemp inħareg tender għal bdil ta’ żewg tined fil-kumples tal-pitkalija waqt li saret applikazzjoni mal-MEPA biex jiġu estiżi il-faċilitajiet preżenti tal-Producers’ Organisations. Ix-xogħol fuq dawn iż-żewg proġetti huwa mistenni li jitlesta sal-2012. L-ispiża globali ta’ dawn iż-żewg proġetti mistennija li tlaħħaq madwar €750,000.
Marsa — Bini tal-Pixkerija ġdida - spiża tal-proġett
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk bedix il-bini ta’ Pixkerija ġdida fil-Marsa? Jista' l-Ministru jgħid x’xogħol sar u x’kienet l-ispiża fuq dal-proġett sal-lum? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jintemm dan ix-xogħol u kemm se jiġi jiswa dal-proġett la darba jintemm?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-proċess tal-applikazzjoni mal-MEPA għal bini ta’ Pixkerija ġdida fil-Marsa għadu għaddej u x-xogħol fuq dan il-proġett mistenni li jitlesta sal-aħħar ta' l-2013. S’issa sar xogħol ta’ preparazzjoni tal-pjanti u għadhom ma ntefqux flus fuq il-proġett. Meta jitlesta dan il-proġett mistenni li jkun sewa €3 miljun li ġejjien minn fondi tal-UE.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16681 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm intnefqu flus fil-fjuri li nżergħu madwar Malta kollha biex jagħmlu sabiħ u jtejbu l-ambjent fit-toroq Maltin matul is-sena 2010? X'tip ta' fjuri qed jintużaw għal dan il-għan u kemm huwa stmat li ddum ħajja kull tip ta' pjanta li tiġi mħawla?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-kuntratt bejn il-Gvern u l-konsorzju ELC jistabbillixxi parametri għall-manutenzjoni tat-toroq kollha u ġonna publiċi tal-Gvern . Dawn il-parametri jinkludu li l-ELC jissuplixxu b'mod regolari fjuri u arbuxxell u jmantnuhom kif titlob is-sengħa. Il-gvern ma jagħmel l-ebda ħlas lill-ELC għal kull fjura li titħawwel iżda il-kuntratt jistipula ħlas wieħed li jinkludi l-pagi tal-ħaddiema kollha u l-ispejjeż kollha inkluż il-fjuri, arbuxell, eċċ.
Il-Konsorzju tal-ELC juża ħafna tipi differenti ta' pjanti fix-xogħol ta' tisbiegħ li jagħmel, fosthom il-Ġeranju, Calendula, Ġizi, Qronfol Tork, Marigolds, Gaillarda, Petunia, Surfinia, Pansies, Lobelia, Ageratum u ħafna oħrajn. Huwa stmat li kull pjanta tista iddum ħajja minn tlieta sa erba' xhur skond iż-żmien tas-sena u t-tip ta' pjanta. Fattur ieħor importanti huwa jekk fil-post li jkun mħawwel jkunx hemm id-
drip irrigation
jew jekk it-tisqija issirx bl-idejn permezz ta' ilma trasportat bil-
bowsers
. Ta' kull sena l-ELC tipprova tintroduċi pjanti ġodda u tesperimenta kif tista ittejjeb l-operat tagħha.
manutenzjoni u kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16682 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm qegħdin jiġu jiswew il-manutenzjoni u l-kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips f'Malta u Għawdex u allura kemm ġew jiswew matul is-sena 2009? Jista jagħti breakdown ta' kif qed jintnefqu dawn il-flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi kull sena l-Gvern u l-ELC jiffurmulaw programm ta’ xogħlijiet li l-istess ELC twettaq. Il-kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips hija biss parti mix-xogħol li twettaq l-ELC u l-Gvern iħallas ċifra waħda globali għax-xogħlijiet kollha. L-ammont allokat għall-ELC jidher fl-estimi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19350 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jagħmel dak kollu meħtieġ biex tissolva l-anomalija serja li hemm fi Triq Kent, il-Fgura fejn hemm żewġ djar li għandhom l-istess numru u li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, waħda li tinsab kważi fit-tarf ta' Triq Kent lejn Raħal Ġdid u l-oħra fit-tarf l-ieħor tat-triq ħdejn il-piċċ tal-boċċi?
Apparti l-inkonvenjenzi ta' ittri, kontijiet u oħrajn li jiġu rċevuti bi żball, f'każ ta' xi emerġenza jew jekk tinqala' xi disgrazzja minħabba l-ħin prezzjuż li jista' jintilef sakemm wieħed isib id-dar li jkun irid hu f'każ ta' xi ambulanza, tabib, tifi tan-nar, eċċ, jaħseb il-Prim Ministru li dan l-iżball li ilu għaddej is-snin minkejja t-talbiet li saru mis-sidien taż-żewġ residenzi lid-Door Numbering Unit, lill-Pulizija u lill-Kunsill Lokali għandu jiġi kkoreġut b'mod immedjat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li, wara konsultazzjoni verbali li d-Door Numbering Unit u l-Uffiċċju Elettorali kellhom mal-Kunsill Lokali tal-Fgura xi żmien ilu, dan ta’ l-aħħar kien qabel ma’ l-idea li l-istess Kunsill kellu jagħmel talba lill-Istreet Naming Committee sabiex il-parti ta’ Triq Kent faċċata tal-Pitch tal-Boċċi tingħata isem ġdid u tiġi meqjusa li tifforma parti minn pjazzetta f’dik l-area.
Soluzzjoni oħra possibbli hija li din l-istess parti ta’ Triq Kent (faċċata tal-Pitch tal-Boċċi) titqies bħala prolungament ta’ Triq Kent u jingħataw in-numri li jmiss f’din it-triq b’mod uffiċjali. Ta’ min jgħid li n-numri li jeżistu llum f’din il-parti ta’ Triq Kent faċċata tal-Pitch tal-Boċċi mhumiex numri uffiċjali.
Għal dan il-għan se jiġi konsultat mill ġdid il-Kunsill Lokali tal-Fgura sabiex tingħażel waħda minn dawn is-soluzzjonijiet biex evventwalment tiġi implimentata.
Sptar għall-Annimali San Franġisk — rendikont tal-klieb u annimali
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar għall-Annimali San Franġisk, min u kif se jżomm rendikont tal-klieb u annimali li se jidħlu hemm sabiex ma jkunx hemm abbużi rigward visti u mediċini? Kif se jkun qed jiggwida ruħu l-pubbliku fir-rigward tat-tariffi li japplikaw?
Isptar għall-Annimali San Franġisk — bdil fl-expression of interest
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif fil-każ tal-Isptar għall-Annimali San Franġisk, l-expression of interest għal aftercare centre (u mhux għal tmexxija ta’ sptar jew klinika) spiċċat inbidlet waqt in-negozjati mal-privat wara s-sejħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li fis-sejħa li nħarget għat-tmexxija taċ-Ċentru San Frangisk qatt ma kien eskluż it-trattament mediku tal-annimali .
Spiżerija tal-Isptar għall-Annimali San Franġisk — mediċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Ispiżerija tal-Isptar għall-Annimali San Franġisk hemmx spiżjar? Minn fejn u kif jinxtraw il-mediċini relatati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Mhux normali li wieħed isib spiżjar ġewwa klinika ta’ l-annimali peress li l-veterinarju nnifsu, waqt il-viżita, jgħaddi direttament l-mediċina lill-klijent biex tiġi amministrata lill-annimali li jkunu taħt il-kura tiegħu, liema mediċina tinxtara direttament mill-veterinarju. F’ każ fejn veterinarju jippreskrivi mediċina fuq riċetta, din tkun tista tinxtara minn numru ta spiżeriji privati li huma liċenzjati biex ibiegħu mediċini veterinarji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-aċċess għall-Isptar għall-Annimali San Franġisk hemmx taraġ u kif se jinżlu dan it-taraġ żwiemel li se jkollhom bżonn l-għajnuna veterinarja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Fiċ-Ċentru San Frangisk hemm żewġ aċċessi wieħed quddiem u ieħor wara. Fin- naħa ta’ quddiem hemm rampa li tista’ tintuza biex żwiemel jidħlu fl-isptar.