Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla – Stampar ta’ dokumenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża fi stampar tad-dokumenti li ħarġet l-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) bejn Jannar 2020 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali fil-perjodu msemmi kienet ta’ €27,804.25.
Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla – Xogħol ta’ stampar
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-Printing Houses li għamlu x-xogħol ta' Stampar fuq id-diversi dokumenti li ħarġet l-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) bejn Jannar 2020 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Printing Houses li għamlu xogħol ta’ Stampar matul il-perjodu msemmi huma Salesian Press, Gutenberg Press, MJE Solutions Limited u Impressions Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid min hu legalment responsabbli meta jkorri jew iweġġa' żiemel minħabba l-kwalità ħażina tal-korsa taż-żwiemel, li tinsab mimlija ġebel flok żrar?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materjal li jintuża huwa ramel u mhux żrar li sar skont il-pariri ta’ persuni tekniċi u kwalifikati.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19038, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid jekk il-programm alternattiv li ngħata lill-istudenti tal-Iskola Guardian Angel ingħatax fl-istess skola, u ċjoè l-Iskola Guardian Angel? Jekk le, fejn ingħata dan il-programm?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Skola Guardian Angel — Fact Finding Board - Rakkomandazzjonijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18210, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Fact Finding Board li nħatar sabiex jara s-sitwazzjoni fl-Iskola Guardian Angel, ġewx evalwati? Jekk iva, liema minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew meqjusa li huma neċessarji li jiġu implimentati u jekk ġewx implimentati? Jista’ jgħid ukoll liema kienu r-rakkomandazzjonijiet li ġew meqjusa li mhux neċessarji li jiġu implimentati u x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rakkomandazzjonijiet tal-bord ġew evalwati u ser jiġu implimentati kollha.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9034, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx External Review tal-Iskola Guardian Angel matul l-aħħar tliet snin? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-external review/reviews li saru? Jekk le, x'kienet ir-raġuni għaliex l-external review ma sarx? Jista’ jgħid ukoll meta l-external review li jmiss huwa skedat?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-iskola msemmija sar external review matul l-aħħar xhar tas-sena 2022 li kien iffukat fuq l-istandards nazzjonali fuq it-tmexxija tal-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti lill-pulizija dwar abbuż fiżiku minn edukatur/edukaturi fuq student/studenti fl-iskola li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024? Jekk iva, meta saru dawn ir-rapporti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każ/każijiet ta' rapporti dwar abbuż fiżiku minn edukatur/edukaturi fuq student/studenti fl-iskola li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024? Jekk iva, meta saru dawn ir-rapporti u għal kull każ jgħid x'kien ir-riżultat tal-investigazzjoni li tkun saret? Jista’ jgħid ukoll għal kull każ, jekk sarx rapport lill-pulizija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-snin imsemmija ġew rappurtati tlett każijiet dwar allegat abbuż fiżiku fl-iskola msemmija. Infurmat li l-Pulizija għaddejha bl-investigazzjoni neċessarja u għaldaqstant informazzjoni addizzjonali ma tistax tiġi ppublikata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Union of Teachers (MUT) ħarġitx direttivi fir-rigward tal-Iskola Guardian Angel matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024? Jekk iva, liema huma, għaliex inħarġu, meta nħarġu u meta twaqqfu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
L-Awtorità Statali Equestri Malta — Korsa tal-Marsa
Question
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità Statali Equestri Malta b'bord ta' Diretturi appuntat mill-Ministru nnifsu, għadha sal-lum ma ħadet l-ebda passi kontra l-kuntrattur li ngħata l-konċessjoni tal-korsa tal-Marsa meta l-investiment imwiegħed għadu ma sarx u meta matul dawn l-aħħar seba' snin il-korsa tal-Marsa hija fl-agħar stat li qatt kienet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18658 u 19360 u jikkonferma li mis-sajf li ġej mhux se jkun hemm SkolaSajf fl-Iskola Primarja tan-Naxxar minħabba li din se titwaqqa’?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li saru l-arranġamenti neċessarji, u SkolaSajf saret fil-middle school tan-Naxxar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19361 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 18654 u 18657, jista’ l-Ministru jgħid kif 555 studenti tal-Iskola Primarja tan-Naxxar ser jiġu rilokati fin-Naxxar stess, meta l-Middle School għandha fiha 801 student? Jista’ jgħid jekk dawn hux se jitpoġġew fi skola waħda? Jekk iva, dan ifisser li se jsir xogħol biex tikber il-binja tal-Middle School jew qed jirreferi għal xi post ieħor u liema?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - Talbiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru mmexxi minnu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar is-26 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti u jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Bord dwar il-Professjoni tax-Xogħol maż-Żgħażagħ f'Malta — Ilmenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20429 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid kemm kien hemm ilmenti quddiem il-Bord dwar il-Professjoni tax-xogħol maż-Żgħażagħ f’Malta, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti b’mod ġenerali? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti għadhom pendenti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li l-bord imsemmi twaqqaf fl-2015 skont Kap. 533 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-appelli taċ-Ċentru ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki ta’ Malta (MQRIC) u meta ġew appuntati? Jista' jagħti wkoll it-terminu li għandhom fil-karigi rispettivi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ġiet ippublikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern. Tali dokument qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qiegħed jieħu l-Ministeru fid-dawl tar-rapport tal-Ombudsman dwar il-Malta Qualifications Recognition Information Centre Appeals Board (rapport imtella’ fuq is-sit tal-Ombudsman nhar il-15 ta' Lulju tal-2024)? Jista’ jgħid min huwa responsabbli għal dan in-nuqqas?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-board ġie maħtur u beda jopera.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm għandha persuni jaħdmu mal-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li huma mħallsin mill-Gvern?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont finanzjarju dettaljat tal-entità Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES)? Jista' jgħid ukoll x'inhu l-pjan finanzjarju dettaljat biex l-entità jkollha biżżejjed finanzjament biex topera għat-tliet snin li ġejjin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rendikont finanzjarju tal-entità msemmija tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fl-1 ta’ Lulju 2024.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont finanzjarju dettaljat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS)? Jista' jgħid ukoll x'inhu l-pjan finanzjarju dettaljat biex il-Fondazzjoni jkollha biżżejjed finanzjament biex topera għat-tliet snin li ġejjin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rendikont finanzjarju tal-entità msemmija tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fl-1 ta’ Lulju 2024.