Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infiq mill-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali li l-Gvern nefaq fil-livelli kollha ta' l-Edukazzjoni mis-sena 2000 sa l-2007 sena, b'sena? Kemm minn dan l-ammont kien dovut għal pagi, kotba, manutenzjoni, ikel u trasport għal IT sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija tinsab ippubblikata kemm fir-Rapport Finanzjarju tal-Gvern kif ukoll fl-Estimi Finanzjarji li l-Gvern jippreżenta kull sena. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-nefqa kollha tal-Gvern fil-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni għas-snin indikati.

Sena skolastika

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena skolastika kemm fiha ġranet meta teskludi vaganzi, parents days, ħdud u festi, teacher enhancement days u vaganzi tas-sajf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-sena skolastika 2008 – 2009 mingħajr il-vaganzi, parents’ day, ħdud u festi u vaganzi tas-sajf, ser ikun fiha 178 ġurnata. Minn dawn iridu jitnaqqsu tliet (3) nofs ta’ nhari development sessions għall-għalliema.

Studenti jgħixu ma' ġenetur wieħed

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu, skond kif jirriżulta lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, in-numru ta' żgħażagħ (bejn 11 u 16-il sena) li fil-fatt jiddikjaraw li huma jgħixu ma' ġenetur wieħed waqt li qed jattendu l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għalliema

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' għalliema fl-iskejjel sekondarji u primarji rispettivament li spiċċaw mit-tagħlim kull sena, mill-2003 sal-lum? Kemm iggradwaw studenti fl-istess kategoriji ta' għalliema kull sena f'dan l-istess perijodu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Illitteraliżmu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa stmat li hemm persuni illiterati f’Malta u f’Għawdex? Tista’ tgħid jekk hemmx statistika li turi l-etajiet ta’dawn? Jekk fl-affermattiv, tista tgħid kemm minn dawn huma taht it-18-il sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond iċ-ċensiment ta’ l-2005 Malta - 24,235 Għawdex u Kemmuna - 1,886 Total - 26,121 10 - 19 - 938 20 - 29 - 1,392 30 – 39 - 1,845 40 – 49 - 3,971 50 – 59 - 5,584 60 – 69 - 4,401 70 – 79 - 4,980 80 – 89 - 2,629 90+ - 381

Illitteraliżmu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta persuna tiġi identifikata li hija illiterata x’qed isir mid-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni biex din il-persuna tiġi nkoraġġita li terġa' tipprova taqra u tikteb?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li meta d-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni jindunaw li tfal fl-ewwel snin tal-primarja jkollhom diffikultajiet fil-qari u fil-kitba, dawn jingħataw għajnuna individwali permezz ta’ l-għalliema ta’ l-Edukazzjoni Kumplimentarja. F’dawn il-programmi individwali issir enfasi fuq il-qari u l-kitba. Din l-għajnuna tingħata kemm fil-klassi kif ukoll barra mill-klassi, skond il-ħtiġijiet individwali tat-tfal. Fil-primarja hemm ukoll programmi li jsiru mill-għalliema tal-Litteriżmu biex jippromwovu l-interess fil-qari. Dawk l-istudenti li jbatu mid- Dyslexia ukoll jingħataw għajnuna minn għalliema speċjalizzati. Isiru wkoll programmi għall-ġenituri. Twaqqaf ukoll grupp ta’ uffiċjali li qed jaħdem fuq policy fil-livell ta’ l-iskola primarja fuq il-ħiliet bażiċi fil-Litteriżmu, fil-Matematika u fl-ICT għat-tfal. Fis-settur sekondarju l-istudenti jingħataw taħriġ fil-Litteriżmu u fil-Matematika bażika fi gruppi jew klassijiet żgħar.

Eżamijiet tal-MATSEC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti mqassma f’subien u bniet, li bħalissa qed joqgħodu għall-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell avvanzat u dak intermedjarju separatament? Tista’ tgħid kemm minn dawn l-istudenti kienu minn skejjel tal-gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti? Tista' tgħid ukoll għal liema suġġetti qed joqogħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta' studenti li applikaw biex joqgħodu għall-eżamijiet tal-Avvanzat u dak Intermedjarju f'Mejju 2008 huwa 3,706, li minnhom 1,513 huma subien u 2,193 huma bniet. L-istudenti li qagħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC minn skejjel differenti kienu mqassmin hekk: Statali 2,098 Tal-Knisja u Indipendenti 366 Studenti Privati 1,242 Is suġġetti li qagħdu għalihom huma; Fil-livell Intermedju: Malti, Għarbi, Ingliż, Franċiż, Grieg, Taljan, Latin, Ġermaniż, Russu, Spanjol, Accounting , Ekonomija, Marketing , Storja, Ġografija, Filosofija, Reliġjon, Soċjoloġija, Matematika Applikata, Matematika Pura, Bijoloġija, Kimika, Fiżika, Xjenza Ambjentali, Arti, Mużika, Computing, Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Eng. Draw & Graph. Comm ., Home Economics u Oqsma ta’ l-Għerf. Fil-livell Avvanzat: Malti, Għarbi, Ingliż, Franċiż, Grieg, Taljan, Latin, Ġermaniż, Russu, Spanjol, Accounting , Ekonomija, Marketing , Storja, Storja, Ġografija, Filosofija, Reliġjon, Soċjoloġija, Matematika Applikata, Matematika Pura, Bijoloġija, Kimika, Fiżika, Arti, Mużika, Computing, Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Engineering Drawing , Graphical Communication u Home Economics .

Manoel Island — Football Ground

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk il-pożizzjoni inbidlitx minn kif ħabbarha l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq fl-1 ta' Marzu, 2005 li meta l-ground l-ġdid ta' Manoel Island jitlesta u jkun mgħoddi lill-Gvern, il-Kunsill Malti għall-Isport ikun mgħarraf u mistoqsi jikkonsidrax sabiex jgħaddih b'riżoluzzjoni parlamentari skond proċeduri stabbiliti? Billi l-Ministru preċedenti ta' l-Edukazzjoni kien wieġeb nhar is-26 ta' Ġunju, 2007 li kien ser jitkellem mal-ministri sħabu li b'xi mod jista' għandhom x'jaqsmu ma' l-istess proġett biex l-obbligi li daħlu għalihom l-MIDI fir-rigward tas-suġġett mqanqal minni - tal-ground ta' Manoel Island - jiġi onorat mill-aktar fis, xi progress sar minn dak iż-żmien 'l hawn u x'inhi l-policy tal-Ministru attwali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport għadu bil-ħsieb li jikkonsidra li l-ground msemmi jiġi mgħoddi b’Riżoluzzjoni Parlamentari meta jitlesta x-xogħol. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija li tirrigwarda x-xogħol tal-MIDI nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skola Ninu Cremona

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskola l-ġdida Ninu Cremona hux ser tkun mgħammra u mħaddma b'apparat ta' enerġija solari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-iskola l-ġdida Ninu Cremona, ser tkun mgħammra b’apparat ta’ enerġija bħal ma diġa’ hemm fl-iskejjel il-ġodda ta’ San Benedittu u ta’ Sant’Injazju.

Nation School Attendance Policy

Question

Tista' l-Ministru tgħidilna jekk in-Nation School Attendance Policy tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni hijiex dik indikata fir-rapport School Attendance Improvement? Jekk iva, liema rakkomandazzjonijiet qed jitwettqu minn dan ir-rapport? Liema huma dawk ir-rakkomandazzjonijiet li għad ma ttieħdu l-ebda iniżjattiva biex jitwettqu u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-National School Attendance Policy m’hijiex il-policy tad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi kif indikati fir-rapport School Attendance Improvement. Infurmata li d-dokument School Attendance Improvement kien ippreżentat mill-Working Group imwaqqaf mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni. Qabel ma jiġu mplimentati xi rakkomandazzjonijiet iridu jiġu mwaqqfa l-istrutturi edukattivi.

Reġistru Akkreditazzjoni — Taħriġ ta' l-Arti

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġie mwaqqaf ir-Reġistru għall-Akkreditazzjoni fit-Taħriġ ta' l-Arti, kif ġie msemmi fid-diskors tal-Budget ta' Novembru 2007? Kemm kienu l-organizzazzjonijiet li applikaw għall-akkreditazzjoni u kemm minnhom ġew akkreditati f'dan ir-Reġistru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li r-Reġistru għall-Akkreditazzjoni fit-Taħriġ tal-Arti ġie mwaqqaf f’Jannar ta’ 2008. Tliet organizzazjonijiet applikaw għal din l-iskema. It-tlieta minnhom ġew akkreditati f’dan ir-reġistru.

Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Vetturi ġodda

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 1017 u tgħid kemm kien in-nurmu ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ vetturi ġodda li nxtraw mill-Ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena huwa ta’ 5, kif ġej: Ford Focus CBQ 547, ghad-Direttur Student Services, li tqum 10,831.46 Euros; Mazda 2 CBQ 546, ghad-Direttorat Quality & Standards in Education, li tqum 12,142,75 Euros; Toyota Yaris DPB 892, għad-Dipartiment School Resources Mgmt, li tqum 12,202.00 Euros; Żewġ vetturi ghall-Universita’ ta’ Malta, li qamu 33,945.00 Euros. Total: 69,121.21 Euros

Kunsilli mal-Heritage Malta — Mappa 3D

Question

Tista' l-Ministru tara jekk hux possibli li permezz tal-Heritage Malta tingħaqad mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex tiġi stampata mappa (three dimensional) tas-siti storiċi ta' San Pawl il-Baħar u l-madwar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li l-mapep ta’ Malta jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Mapping Unit fi ħdan il-MEPA, nissuġġerixxi li l-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

UEFA

Question

Ġaladarba l-Parlament Ewropew ivvota bil-kbir kontra l-proposta tal-UEFA, peress li f'Malta m'hawnx free movement kif kontemplat mill-Unjoni Ewropea, tista' l-Ministru twieġeb mistopqsija parlamentari 539 u tgħid hux se jittieħdu passi kontra l-Malta Football Association biex din tirregola ruħha fuq ir-regoli ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk se jittieħdu xi passi, meta se jsir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew mhix kontra dik tal-UEFA kif tagħti x’tifhem il-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant. Il-Kummissjoni Ewropea għadha qed tistudja r-regoli tal-UEFA. Hi l-Qorti Ewropea li tiddeċiedi jekk ir-regoli tal-MFA imorrux kontra l-liġijiet Ewropej u dan fit-tmiem ta' proċess legali. Sa fejn jien infurmata, s'issa, ħadd għadu ma beda xi proċess legali dwar dawn ir-regoli.

Studenti fil-Junior College

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom? Kien hemm min tkeċċa? Jekk iva, għal liema raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li n-numru ta’ studenti li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College f’din is-sena skolastika: Bniet Subien 900 585 Numru ta’ studenti li telqu mill-istudji tagħhom matul is-sena skolastika: Bniet Subien 52 64 Ma kien hemm ebda student li tkeċċa matul din is-sena.

Studenti fil-Higher Secondary

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom qabel ma ntemmet is-sena skolastika? Kien hemm xi studenti li tkeċċew? Jekk iva, għal liema raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ studenti, subien u bniet li daħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi f’din is-sena skolastika huwa ta’ 1638. (Subien - 716/Bniet – 922) It-total ta’ studenti li rriżenjaw huwa ta’ 173, filwaqt li ma kien hemm ebda tkeċċija. In-numru ta’ dawk li twaqqfu formalment wara li ma baqgħux jattendu (terminations) kien ta’ 57.

Facilitators

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' facilitators li hemm jaħdmu (f'total) fl-iskejjel primarji governattivi? Tista' tagħti din l-informazzjoni fuq bażi ta' belt/raħal f'kull waħda mill-ibliet/rħula tas-7, 11 u 12 -il distrett elettorali? Kemm hu f'kull waħda minn dawn l-iskejjel in-numru ta' tfal , maqsuma bejn bniet u subien li jibbenifikaw mis-servizz ta' facilitators ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għalliema

Question

Tista' l-Ministru tinfurmani kemm hu l-persentagg ta' l-għalliema li qed jgħallmu s-suġġetti tal-Malti, Ingliż u Maths li m'għandhomx A level jew Degree fis-suġġett li jgħallmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-perċentaġġ ta’ l-għalliema li qed jgħallmu s-suġġetti tal-Malti, Ingliż u Maths li m’għandhomx A Level jew Degree fis-suġġett li jgħallmu huma dawn: Malti 0.5% Ingliż 1.4% Maths 1.9% Il-perċentaġġi huma bbażati fuq in-numru ta’ għalliema li preżentament qed jgħallmu kull suġġett fl-iskejjel sekondarji u Junior Lyceums. Dawn l-għalliema jkunu kollha gradwati f’suġġetti oħra.