Sptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre – operaturi tal-parkeġġ
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8179, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
a. Lista tal-offerenti kollha li ssottomettew l-offerta tagħhom;
b. Il-prezzijiet u/jew l-offerti finanzjarji li ssottometta kull offerent; u
c. Il-bażi/kriterji li fuqhom saret l-evalwazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt filwaqt li ninfurmah li l-kuntratt ingħata lill-kumpanija li offriet l-aktar konċessjoni vantaġġjuża u li kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti.
L-offerenti li ssottomettew l-offerta tagħhom
Il-prezzijiet u/jew l-offerti finanzjarji li ssottometta kull offerent
Car Park Solutions
€100,000
(annual concession fee)
Parksec Ltd
€150,501
(annual concession fee)
CVA Technology Co Ltd
€225,000
(annual concession fee)
KIS Services JV
€270, 842
(annual concession fee)
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8307 u ċjoè: Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liemu kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min qed joffri s-servizz ta’ IT fl-Isptar Mater Dei (CPAS) illum, kemm ilu joffri dan is-servizz u kemm qed jitħallas għalih kull sena? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallas kull sena, sena b’sena, minn meta beda l-kuntratt sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tas-CPAS fl-Isptar Mater Dei qed jigi provdut minn Cursor LTD waqt li l-manutenzjoni tas-sistema hija provduta minn Mall Systems LTD. Is-CPAS ġiet introdotta uffiċjalment fl-2014. L-informazzjoni l-oħra li qed jitlob l-Onorevoli Busuttil hija ta’ natura kummerċjali. Ninformah ukoll illi hekk kif kien inbidel il-Gvern fl-2013 is-supplier tas-sistema korrenti dak iż-żmien kien informa lill-Isptar Mater Dei li t-teknoloġija kienet fi stadju ta’ end of life u għalhekk ma kienx possibbli li jkompli jsirilha manutenzjoni. Dan kien ifisser li minħabba dik is-sistema ‘skaduta’, l-Isptar Mater Dei kien f’riskju imminenti u serju li tikkrollalu l-infrastruttura u dan b’detriment dirett għall-pazjenti u għall-kwalita’ tal-kura mogħtija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kuntratt għas-servizz ta’ IT fl-Isptar Mater Dei (CPAS) viġenti illum ingħatax wara sejħa għall-offerta kompetittiv b’tender jew inkella b’direct order?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ IT, inkluż manutenzjoni, bħalissa viġenti, fil-Ministeru tiegħu kif ukoll l-entitajiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija, flimkien ma' dettalji f’kull każ ta’ min huma l-entitajiet jew persuni fiżiċi u/jew legali li joffri dan is-servizz, id-data tal-bidu u t-tmiem tal-kuntratt viġenti u kemm qed jitħallsu kull sena, sena b’sena, għas-servizz li joffru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.
CPAS – servizz ta’ IT – kumpanija li toffri s-servizz
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx xi ħadd li jaħdem fil-Ministeru tiegħu li għandu parentala mas-sidien tal-kumpanija li toffri servizzi ta’ IT fl-Isptar Mater Dei (CPAS), u jekk iva, min?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku u jindika il-persuna jew persuni li qed jirreferi għalihom ħalli nkun nista’ nagħtih risposta kompluta.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx persuni li jaħdmu fis-segretarjat tiegħu jew fil-Ministeru tiegħu li għandhom, fl-istess ħin, interess dirett jew indirett f’xi soċjetà kummerċjali li tagħti servizzi lill-istess ministeru permezz ta’ kuntratt ta’ servizzi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Jista’ l-Onor. Interpellant jippreċiza għal liema kuntratt ta’ servizzi qed jirreferi?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li dawk li jbatu mill-epilessija jerġgħu jibdew jingħataw il-mediċina Kepra minflok Levetiracetam Crescent? Jaf il-Ministru li hemm diversi pazjenti li mindu bdew jingħataw il-Levetiracetam Crescent, li tqum inqas mill-Kepra, qed ikollhom uġigħ kbir ta’ ras il-jum kollu u spiċċaw b’ħajjithom imqallba? Jaf il-Ministru li l-konsulenti mediċi fl-Isptar Mater Dei qalu lill-pazjenti tagħhom li l-awtoritajiet tal-Ministeru ġabuhom li bilfors ikollhom jippreskrivu l-Levetiracetam Crescent għax hija orħos mill-Kepra u mhumiex iktar awtorizzati jippreskrivu l-Kepra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant ii l-mediċina leviteracetam tinsab fil-formularju tal-gvern tingħata lil pazjenti li jbagħtu minn epilepsija. Ma jirriżultax li kien hemm ilmenti bil-miktub, fuq dawn l-effetti msemmija minnu mill-konsulenti jew mill-pazjenti. Il-mediċina leviteracetam mhiex mediċina li skont gwidi internazzjonali hija rakkommandata li hemm bżonn tkun tad-ditta oriġinali u għalhekk tinkiteb fuq bażi ġenerika.
Pazjenti li jgħixu fil-komunità li għamlu suwiċidju
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li kienu jgħixu fil-komunità u li kienu ‘outpatients’ fis-servizz tas-Saħħa Mentali, li f’dawn l-aħħar ħames snin għamlu suwiċidju?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-imwiet, kien hemm 137 imwiet kawża ta’ suwiċidju f’residenzi ta’ Malta bejn il-2013-2017. Minn dawn 30 attendew il-Psychiatric Out Patients fl-Isptar Mater Dei għall-inqas darba fil-perjodu 2011-2017.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk għandux il-ħsieb li joħroġ sejħa għal tender kompetittiv, b’konformità mal-liġi tal-Unjoni Ewropea, hekk kif il-kuntratt tas-servizz ta’ IT fl-Isptar Mater Dei (CPAS) jagħlaq, u jekk le, għaliex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb li joħroġ sejħa pubblika għal interess kompetittiv, b’konformità mal-liġi tal-Unjoni Ewropeja, hekk kif il-kuntratt tas-servizz tal-IT fl-Isptar Mater Dei (CPAS) jiskadi. Dan ser issir skont il-prassi legali, biex jiġi evalwat jekk hemmx il-kompetizzjoni neċessarja biex il-kuntratturi jkomplu jiżvilupaw is-sistema.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni impjegati ġewwa l-Isptar Monte Carmeli tul is-sena 2018 u jista’ jindika l-iskala rispettiva tagħhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-isptar Monte Carmeli fl-2018 kien hemm 409 ħaddiema li kellhom skala minn 1 sa 10 u 294 li kellhom skala minn 11 sa 18.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — Green Leaders
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa jgħid kemm hemm, jekk hemm, Green Leaders fid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Green Initiatives huma parti integrali mill-politika tal-Gvern.
Il-miżuri favur l-ambjent ma jistriħux fuq il-persuna, iżda fuq l-inizjattivi li jieħu l-Gvern.
Fost il-miżuri favur l-ambjent li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin kien hemm:
· tisħiħ tal-Green Public Procurement;
· introduzzjoni tal-Online Government, li qed iwassal biex inqas nies ikollhom għalxiex jinqalgħu minn djarhom u jużaw il-karozzi;
· installazzjoni tal-pannelli;
· Il-flessibilità mogħtija lill-ħaddiema fil-qadi ta’ dmirijiethom.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9289 u b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9279, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija oriġinali u jgħid:
a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra;
b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u
ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq?
Jista' jgħid ukoll kemm hu l-persentaġġ ta':
a) nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni; u
b) nisa fuq advisory board?
Skema dwar Saħħa mentali — Ħlas lill-GPs meta jinvistaw pazjenti fil-komunità bi problema ta’ saħħa metali
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6432 bid-data tad-19 ta' Ġunju, 2018, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti informazzjoni ddettaljata dwar l-iskema li qed tiġi segwita, fejn tobba tal-familja fil-privat jinvistaw pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali fil-komunità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara proġett pilota fejn tobba tal-familja fil-privat ġew imħarrġa fi problemi ta’ saħħa mentali u bdew jipprovdu servizz lill-pazjenti tagħhom, Dan il-programm issa ġie evalwat biex jiddaħħal għall-pajjiż. Saru diversi laqgħat pożittivi bejn l-entitajiet konċernati. Issa wasslu biex jikkonkludu arranġamenti biex pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali serji, illi jattendu fit-tul is-Psychiatric Outpatients, u huma stabbli, minbarra l-appuntamenti li jkollhom mal-psikjatra, jibdew jiġu mħarrsa u ttrattati minn tobba tal-familja fil-komunita’ bi ħlas mill-gvern wara żmien ta’ taħriġ għall-istess tobba. Dan hu mistenni illi jibda f’qasir żmien.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk huwiex minnu li t-tliet social workers u żewġ occupational therapists li bħalissa huma fuq bażi full-time fl-Isptar Monte Karmeli, però jibbenefikaw minn għaxar sigħat fil-ġimgħa teleworking, għaż-żamma tal-bilanċ aħjar bejn il-familja u x-xogħol, jekk hemm xi pjani li l-għaxar sigħat fil-ġimgħa teleworking, jiġux ridotti għal ħames sigħat fil-ġimgħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa jagħraf l-importanza ta’ work - life balance favorevoli u għalhekk jappoġġja kull inizzjattiva li waqt li tiżgura l-effiċjenza u l-kontinwita’ tas-servizz mediku, ittejjeb dan il-bilanċ. Fil-każ tal-professjonisti msemmija ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet mar-rappreżentanti tagħhom sabiex waqt li jinżammu l-mizuri tal-teleworking, ikun żgurat illi r-riżorsi u l-esperjenza tagħhom ikunu użati fl-aħjar mod fl-interess tal-pazjenti.
Il-Mellieħa – Ċimiterju Omm il-Ħniena – Bill of Quantities
Question
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8417 u li kienet tirrigwardja ċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Bill of Quantities li d-dipartiment konċernat kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sa minn Ġunju 2018?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-Bill of Quantities li kien ippubblikat mat-tender li jġib ir-referenza CT 2100/2017 u li kien ippubblikat fl-4 t’ Awwissu tal- 2017.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8417 li kienet tirrigwardja ċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kienet ir-raġuni li b'permess validu (PA 5636/07) u approvat fil-25 ta' Novembru 2011, il-Gvern Laburista ħalla dan il-permess jiskadi bla ma' għamel l-ebda xogħol fuq is-sit inkwistjoni bejn l-2013 u l-2017 minkejja li kien sar ix-xogħol preparatorju kollu fil-leġislatura preċedenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru l-konvenji fuq oqbra ġodda fiċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa, wara li x-xogħol tal-estenzjoni ta’ dan iċ-ċimiterju jinsab fi stadju avvanzat.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8417 u li kienet tirrigwardja ċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien bagħat fl-2012 lil dawk l-individwi kollha li kienu urew interess li jixtru qabar fiċ-Ċimiterju msemmi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda korrispondenza mdaħħla fil-files li ntbagħtet fis-sena 2012.
Mellieħa – Ċimiterju Omm il-Ħniena – bdil ta’ perit
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8417 li kienet tirrigwardja ċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa, jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm bdil tal-perit li oriġinarjament kien ħadem fuq l-applikazzjoni tal-permess approvat (PA 5636/07) u jekk iva jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Gvern iddeċieda li jibdel il-perit wara l-elezzjoni tal-2013?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perit li kien tqabbad mill-kunsill biex jagħmel il-pjanti neċessarji għall-estenzjoni tal-imsemmi ċimiterju kien inbidel stante li fl-istess dipartiment kien hemm ingaġġat perit li seta’ jagħmel l-imsemmi xogħol. Il-perit kien tħallas tax-xogħol kollu li kien għamel.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il strike jew azzjoni ittieħdet minn oqsma differenti ta’ professjonijiet fil-Qasam tas-Saħħa matul din is-sena 2019 sal-lum? Kemm kienu in-numru ta’ jiem li ħa kull strike jew azzjoni ta’ protesta sakemm kien riżolt? Jista’ jgħid fil-preżent meta bdiet l-azzjoni tad-dentisti u jekk waslitx fi tmiemha? X’qed isir biex din l-azzjoni tkun solvuta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.