Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każijiet ta' MRSA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' MRSA (methicillin-resistant staphylococcus aureus) minn Novembru 2010 sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-dijanjożi ta’ każ ta’ MRSA isir biss permezz ta’ test fil-laboratorju. Matul il-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kien hemm 253 test pożittiv ta’ MRSA.

Sptar Mater Dei — pazjenti - sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid ġurnata b'ġurnata fl-aħħar tliet xhur kemm kien hemm pazjenti li meta ġew ammessi fl-Isptar Mater Dei ma kellhomx sodda fis-swali identifikati normalment biex jintużaw għal in patients?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjenti kollha li jiddaħħlu fl-Isptar Mater Dei dejjem jingħataw sodda. Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm xi dewmien biex pazjenti jiġu akkomodati b’sodda, sakemm ikun hemm pazjeni oħra li jiġu liċenzjati mill-isptar u għalhekk ikun hemm differenza bejn x’ħin jidħlu l-pazjenti u x’ħin joħorġu, però l-pazjenti dejjem ingħataw sodda u din dejjem ġiet provduta irrispettivament miċ-ċirkostanzi.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — servizz ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-karozzi mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' karozzi in kwestjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Waiting lists

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn kemm persuni huma komposti l-waiting lists għal: a) hip replacement ; b) knee replacement; u ċ) arthroscopy? Jista' jgħid jekk il-Gvern hux lest li jikkunsidra li jagħti b'xejn prosthesis lil kulmin jitħajjar jagħmel l-operazzjoni fi sptar privat, biex inaqqas il-waiting list, ġaladarba l-Gvern xorta waħda joħroġ l-ispiża għall-prosthesis meta l-operazzjonijiet isiru fl-isptarijiet governattivi? X'inhu jimpedi lill-Gvern milli jasal fi ftehim mal-isptarijiet privati bil-ħsieb li jnaqqas bil-kbir dawn il-waiting lists u hekk inaqqas it-tbatija, is-sofferenzi u l-uġiegħ kontinwu ta' tant pazjenti, kif ukoll itaffi l-piżijiet u l-inkonvenjenzi fuq il-qraba tal-pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

waiting list għall-operazzjoni tal-kattarretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-kattarretti bħalissa? Kemm ilu/ilha jistenna l-ewwel persuna li ġiet irreġistrata fuq din il-waiting list? X'passi konkreti ħa l-Ministeru tas-Saħħa biex inaqqas din il-waiting list? Jista' jinforma lil din il-Kamra jekk il-Gvern għamilx xi tentattivi biex jidħol fi ftehim ma' sptarijiet u/jew kliniċi privati bil-għan li jnaqqas din il-waiting list u jekk kien hemm, fil-fatt it-tali tentattivi, għaliex għadu ma sar ebda ftehim? Jekk sar ftehim, x'tip ta' ftehim kien u tista' titqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ċesarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru interventi tat-tip ċesarja fl-aħħar għaxar snin, sena b'sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ interventi tat-tip ċesarja li saru fl-aħħar għaxar snin sena b’sena huma kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Interventi tat-tip ċesarja 2001 926 2002 914 2003 1039 2004 1048 2005 1165 2006 1329 2007 1243 2008 1263 2009 1194 2010 1250

Twelid fi sptarijiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru twelid fl-isptarijiet tal-gvern f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena? Kemm minn dawn kienu ċittadini Maltin u kemm minn dawn kienu ta' nazzjonalità barranija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ twelid fl-isptarijiet tal-gvern f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena u kemm minn dawn kellhom nazzjonalità Maltija jew barranija huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt. Twelidijiet fl-isptarijiet tal-gvern skond in-Nazzjonalita ta’ l-omm. 2000 2001 2002 2003 2004 2005 2006 2007 2008 2009 2010 Maltese 3729 3374 3372 3417 3328 3305 3300 3339 3620 3627 3511 Non Maltese 158 136 156 223 217 218 260 266 355 328 303 Total 3887 3510 3528 3640 3545 3523 3560 3605 3975 3955 3814

Investigazzjoni bl-MRI

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li tiswa finanzjarjament investigazzjoni bl-MRI kollox inkluż, jiġifieri diġitali, elettriku, ilma, hardware, speċjalisti, nurses, paramediċi, oħrajn, diprezzamenti u investigazzjoni kapitali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont l-Avviż Legali Nru 201 tal-2004 il-ħlas li għandu jintalab għal kull investigazzjoni tal-MRI għal dawk il-pazjenti li ma jikkwalifikawx għas-servizzi ta’ saħħa b’xejn huwa €698.81.

Sptar Mater Dei — Emergency Admission Wards - sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-possibilità li jinbnew swali fis-sulari ta' fuq Emergency Admission Wards 1 u 2 fl-Isptar Mater Dei biex jiżdiedu madwar 63 sodda tant meħtieġa f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ħafna mill- ‘plant rooms’ tal-Isptar Mater Dei jinsabu fuq il-bjut tal-isptar. Għaldaqstant jkun diffiċli li jinbnew sulari addizjonali sabiex jakkomodaw swali għall-pazjenti.

Mediċina Olanzapine

Question

Peress li l-mediċina Olanzapine li tingħata bħala kura fil-psikjatrija hi tant għalja, madwar €250 fix-xahar, jista' l-Ministru jgħid għaliex inqabad mingħajrha d-dipartiment konċernat? Meta se tkun in stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Procurement kien ħareġ tender għal din il-mediċina f’Ottubru tal-2009. Dan it-tender ma setgħax jingħata għaliex kien hemm oġġezzjoni dwar il-prezz minn wieħed mit-tenderers. Għalhekk id-Dipartiment tal-Procurement ipprovda din il-mediċina billi xtara stocks żgħar permezz ta’ diversi ordnijiet sakemm is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal. F’Novembru 2010 sar ir-rapport finali ta’ dan it-tender. Fil-frattemp il-prezzijiet tal-mediċini tant roħsu li ma kienx opportun li dan it-tender jiġi allokat bil-prezzijiet li kienu ikkwotati f’Ottubru 2009. L-aħħar offerta għall-konsenja ta’ din il-mediċina għalqet f’Jannar 2011 u ser tiġi mogħtija fil-ġranet li ġejjin. Kunsenja ta’ din il-mediċina mistennija tasal għand id-Dipartiment tal-Procuremnts fi żmien qasir.

Sptar Boffa — Soded tar-radjoterapija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sodod li fuqhom joqogħdu l-pażjenti waqt li jkunu qed jingħataw ir-raġġi fl-Isptar Boffa huma tant skomdi u skabrużi? Jistgħu jinbidlu anke issa qabel ma r-radjoterapija tibda tingħata fiċ-ċentru l-ġdid fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li waqt li l-pazjenti jkunu qegħdin jingħataw ir-raġġi, huma jkunu mimdudin fuq couch li jifforma parti integrali mill-istess magna tar-raġġi.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — servizz ta' mobile phone

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal- mobile phone mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' mobile phones in kwestjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu fl-uffiċini u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid meta ġie mġedded l-impjieg u sa meta, kif ukoll jagħti l-grad tal-persuni konċernati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — nisa fuq bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta' nisa f'bordijiet, kumitati u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jindika n-numru totali ta' membri li kull wieħed minn dawn il-bordijiet, kumitati u entitajiet għandu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweeġiba tingħata f’xi seduta oħra.

għajnuna lil persuni li jbatu minn kundizzjoni speċifika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-istat jibda jgħin, anki permezz ta’ xi tax credits lil familji ta’ tfal li ma jistgħux jieħdu prodotti ta’ dqiq u ħalib u li jkollhom spejjeż kbar biex jixtru prodotti u vitamini speċifiċi għal uliedhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmt li l-Marda tas-Coeliac hija waħda mill-kundizzjonijiet ta’ Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318). Il-pazjenti huma intitolati għall-affarijiet alimentari mingħajr glutina, fosthom dqiq u għaġin. Għar-rigward tal-proposta tal-Onor. Interpellant għal għajnuna ta’ tax credits, nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

BIBIC — ċertifikati rikonoxxuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għalfejn ċertifikat li jkun maħruġ mill-fergħa lokali tal-British Institute for Brain Injured Children, magħrufa aktar bħala BIBIC, ma jiġix rikonoxxut mill-awtoritajiet lokali tas-saħħa? Għalfejn ċertifikat simili li jinħareġ fl-Ingilterra mill-istess BIBIC jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet Ingliżi u fl-istess istanza f'pajjiżna ma jiġrix l-istess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku dwar liema tip ta’ “ċertifikati” qiegħed jirreferi għalihom, jiġifieri jekk hux ċertifikati ta’ korsijiet tal-BIBIC ippreżentati minn impjegati għall-fini ta’ reġistrazzjoni mas-CPCM jew ta’ CPD, jew inkella ċertifikati mediċi mill-BIBIC bħala riferta għal servizzi tas-saħħa.

kwestjoni dwar mediċina li ma tingħatax b'xejn

Question

Jista' l-Minisitru jgħid għalfejn persuni li jkunu taħt kura għall-kundizzjoni marbuta mas-saħħa tal-qalb, li jkunu dijabetiċi u li għalhekk ikollhom bżonn il-medicina Effient ikollhom jixtru din il-medicina meta persuni bl-istess kundizzjoni iżda mhux dijabetici jingħataw il-pilloli Elopidrogel b’xejn? Għalfejn teżisti din id-distinzjoni fit-trattament bejn ċittadini Maltin li jbatu mill-istess kundizzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċina Effient® (Prasugrel) ma tinxtarax mill-gvern. Clopidogrel jingħata biss lill-pazjenti li jiġu operati biex tinfetħilhom l-arterja miżduda, fejn titpoġġa bħal molla (stent) biex l-arterja ma terġax tidjieq kif ukoll lil min jiġi rikoverat l-isptar bis-sindromu koronarju akut (Acute Coronary Syndrome). Bħalissa hemm applikazzjoni pendenti għal Effient® (Prasugrel), li trid tiġi evalwata u kkunsidrata għall-inklużjoni fil-Formularju tal-Gvern.

Linear accelerator

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24231, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-bini jista’ jintuża anki mhux bħala sptar immedjatament meta jintemm jintuża l-linear accelerator?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-isptar Boffa u l-apparat ta’ ġewwa fih jieqaf jintuża meta jitlesta ċ-ċentru tal-Onkoloġija l-ġdid fl-Isptar Mater Dei u jsir it-trasferiment tas-servizzi. Infurmat wkoll li l-bini ta’ l-isptar Boffa jista’ jintuża immedjatament la darba jitwaqqaf l-użu tal- linear accelerators.

Djar tal-Anzjani — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet is-sena l-oħra fid-Djar tal-Anzjani tal-gvern u dawk tal-privat? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-ispezzjonijiet? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.