Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni għal post tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' kopja, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikaw għal post tal-gvern peress li r-raġel jgħix bir-relief u qed iħallsu €186 fix-xahar u jinsabu fi tbatija kbira?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni in kwestjoni applikaw għall-akkomodazzjoni alternattiva f'Marzu 2010. L-applikazzjoni tagħhom qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Il-persuni applikaw għas-sussidju tal-kera però l-applikazzjoni ma ġietx proċessata peress li naqsu li jissottomettu d-dokumenti meħtieġa wara diversi reminders.

Skola Mariam Al Batool — kurrikulu nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx kien hemm xi talba min-naħa tal-komunità Iżlamika biex l-iskola Mariam Al Batool, li fiha għalliema Maltin, qed jagħtu l-edukazzjoni li madwar 20 tifel u tifla skont il-kurrikulu nazzjonali, tingħata għajnuna bħalma tingħata lill-iskejjel oħra statali u tal-privat? Jekk fl-affermattiv, x’kien l-eżitu ta’ tali talbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-passat saru talbiet mill-Kap tal-iskola u mhux min-naħa tal-komunità Iżlamika biex l-iskola Mariam Al Batool tingħata għajnuna kurrikulari. Fl-2009 saret talba għal xiri tal-kotba tal-Malti li d-dipartiment jippubblika, liema talba ġiet milqugħa. Filwaqt li fl-2007 saret talba għal xiri ta’ kotba għal teachers’ resource library li l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu ma setax jilqa’.

Mcast — sistema rappreżentattiva tal-istudenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-amministrazzjoni tal-MCAST qed iżżomm milli jkun hemm sistema rappreżentattiva tal-istudenti kif hemm fil-Junior College u l-Università, jiġifieri li jkun hemm gruppi u għaqdiet studenteski li jikkontestaw elezzjoni biex ikun elett il-kunsill tal-kulleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST għandu l-Kunsill rappreżentattiv tal-istudenti tiegħu. Dan jirrapreżenta l-istudenti tad-diversi istituti tal-kulleġġ u jservi ta’ leħen għall-istudenti l-oħra sħabhom. L-amministrazzjoni tgħin u tappoġġja kull inizjattiva ta’ dan il-kunsill li jiltaqa' f’Dar l-istudent.

Talba għal bdil ta' post tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir bdil tal-post, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, għax din il-familja tinsab fi bżonn kbir, fejn l-omm hija marida u qiegħda fil-wheelchair bi problemi kbar ta' mard serju u magħhom toqgħod ukoll it-tifla li hija separata, għandha żewġt itfal u għandha ukoll brain tumor? Jista' d-dipartiment jilqa' t-talba ta' bdil ta' post tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni in kwestjoni m’għandhomx applikazzjoni għal post alternattiv għaldaqstant it-talba tagħhom biex ipartu ma tistax tiġi kkunsidrata.

skema ta' postjiet tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' tinfetaħ l-iskema li persuni li joqogħdu fi flat jew post tal-gvern jkunu jistgħu jixtru darhom? Jekk iva, meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent l-iskema fejn inkwilini li qed jikru l-post tar-residenza tagħhom mingħand il-gvern ikunu jistgħu japplikaw biex jixtru dan l-istess post tinsab magħluqa. Mhux pjanat li din l-iskema terġa' tiftaħ fil-futur qrib.

sponsorships, advert campaigns u VIP seating ma' clubs Ingliżi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jiswew id-diversi sponsorships jew advert campaigns kemm fuq il-websites taħt partners, kif ukoll il-VIP seating mal-clubs Inglizi bħal Fulham u Birmingham?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Abbużi fuq għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm rapporti ta' abbużi fuq għalliema matul is-sena 2010, xahar b'xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena 2010, ir-rapporti ta’ abbuż fuq għalliema fl-iskejjel kien kif ġej: - Tlieta (3) minnhom student ħebb għall-għalliem u wieħed (1) kien theddid; - Każ wieħed (1) ta’ fastidju sesswali; - 19-il każ ta’ kliem mhux xieraq minn studenti lejn l-għalliem.

Skejjel li m'għandhomx faċilitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-iskejjel li m'għandhomx faċilitajiet sportivi fejn l-istudenti joħorġu jirrikreaw ruħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull skola għandha bitħa fejn it-tfal jirrikrejaw ruħhom u jagħmlu sport. Biż-żmien f’numru ta’ skejjel qed inżidu l-faċilitajiet sportivi (eż: grawnds tal-football, tracks, eċċ.).

studenti li komplew l-iskola wara l-livell sekondarju

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti li komplew l-iskola wara l-livell sekondarju li f’din is-sena skolastika qegħdin fil-livell 1 jew 2 fl-MCAST? Kemm huwa bħala persentaġġ dan in-numru fuq in-numru tal-istudenti kollha li komplew l-iskola wara l-livell sekondarju? Kemm huwa bħala persentaġġ dan in-numru fuq in-numru tal-istudenti kollha li hemm fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-aħħar ċifri disponibbli u miġbura mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, t-totali ta’ studenti reġistrati fl-MCAST kien ta’ 4,601 fis-sena skolastika 2008-2009. Minn dan it-total, 4,411 minnhom jew 96 fil-mija tal-istudenti tal-MCAST kienu fl-ewwel u fit-tieni sena ta’ tagħlim. Rigward in-numru totali ta’ studenti li komplew l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja fis-sena skolastika 2008-2009, dan kien ta’ 23,295. Minn dawn 19 fil-mija huma studenti tal-MCAST fl-ewwel u t-tieni sena ta’ tagħlim. Ċifri għas-sena skolastika 2009-2010 se jkunu pubblikati fil-bidu ta’ din is-sena.

MCAST — studenti li progressaw fil-livell 3

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li progressaw fil-livell 3 fl-MCAST mil-livell 2 matul din is-sena skolastika? Kemm huwa bħala persentaġġ dan in-numru fuq in-numru tal-istudenti kollha li hemm fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti fl-MCAST li pprogressaw mil-livell 2 għal-livell 3 kien ta’ 400. Dan huwa 6.6% mit-total tal-istudenti li hemm fl-MCAST.

estenzjoni tal-bini fl-MCAST f’Raħal Ġdid

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li bħalissa qed isir xogħol ta’ estenzjoni tal-bini fl-MCAST f’Raħal Ġdid u jekk dan huwiex parti mill-master plan tal-bini ta’ campus ġdid ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni li sar fl-MCAST (tlesta sa l-aħħar tas-sena 2010) kien ta’ estensjoni ta’ binja eżistenti li l-quddiem ser tiġi inkorporata fil-binjiet il-ġodda tal-Kampus il-ġdid. Ta’ min wieħed jinnota li l-binjiet li nbnew riċenti fl-MCAST, bħalma huwa l-Istitut għas-Servizzi fil-Komunita’, huwa ppjanat li l-quddiem jiġu inkorporati fil-Kampus il-ġdid.

Kummissarju tal-Ugwaljanza

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma min hi/hu l-Kummissarju tal-Ugwaljanza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-post ta’ Kummissarju fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza huwa vakanti. Kummissarju ġdid mistenni jkun maħtur fi żmien qasir.

National Commission for Promotion of Equality

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma min hi/hu l-Executive Director tan-National Commission for Promotion of Equality?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza hija Not. Dr. Romina Bartolo LL.D., MJuris (EU Law).

skejjel sekondarji statali li se jagħlqu

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-iskejjel sekondarji statali li hemm ippjanat li jingħalqu fil-ħames snin li ġejjin? Fejn hu maħsub li jintbagħtu t-tfal li qabel kienu jmorru fihom u kif se jiġu riorganizzati l-lokalitajiet tal-kulleġġi biex jinkludu dan it-tibdil?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa ġiet deċiża li se tagħlaq l-iskola tal-Marsa Sekondarja subien fit-2012. L-istudenti li jkun hemm f’dik l-iskola se jkunu trasferiti fl-iskola tas-Subien Żebbuġ li sa dak iż-żmien tkun vojta. Dwar l-iskejjel sekondarji l-oħra, jiġifieri; Sekondarja Bniet, Tarxien Sekondarja Bniet, Bormla Sekondarja Bniet, Ħamrun Sekondarja Bniet, St. Andrews Sekondarja Bniet, Rabat Sekondarja Subien, Gżira Sekondarja Subien, Mtarfa Sekondarja Subien, Żebbuġ Sekondarja Subien, Fortini Sekondarja Subien, Naxxar; Dawn se jkunu phased out minn Settembru 2011 meta ma jilqgħux fihom studenti tal-Form 1. L-iskejjel jibqgħu joperaw normali. Waqt li m’ għandi l-ebda diffikulta’ nwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari li jogħġbu jagħmel l-Onorevoli Interpellant infakkru fl-istedina pubblika li għamiltlu biex jagħmel laqgħa personali mad-Diretturi Ġenerali biex ikollu kull informazzjoni li jeħtieġ, mhux biss dwar dan is-suġġett, imma anke dwar suġġetti oħra. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif se jiġu organizzati l-Kulleġġi fil-livell sekondarju, jiġifieri liema skejjel se jintużaw interim u liema se jkunu l-iskejjel finali.

iskejjel sekondarji tal-kulleġġi — daqs tal-istruttura

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'daqs huma l-iskejjel sekondarji tal-kulleġġi eżistenti u kif hu maħsub li jiġu fil-pjanijiet li hemm għas-snin li ġejjin? Taħseb li d-daqs kbir tal-iskejjel se jirriżulta fi skejjel anonimi kbar fejn l-istudenti u l-għalliema jsiru numri minflok persuni f'komunità edukattiva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skejjel primarji u sekondarji li se jinbnew ġodda

Question

Tista' l-Minsitru tgħid liema huma l-iskejjel primarji u sekondarji li hemm ippjanati li jinbnew fis-snin li ġejjin? F'liema lokalità se jkunu u liema territorju se jservu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sillabu tat-tfal għall-edukazzjoni sekondarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sillabi se jkollhom it-tfal li se jibdew l-edukazzjoni sekondarja wara t-tneħħija tal-eżami tal-Juniuor Lyceum? Fejn wasal ix-xogħol fuq it-tfassil ta' dawn is-sillabi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa ppjanat li s-sillabi fis-settur sekondarju jiġu riveduti b’mod sostanzjali wara li joħroġ il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali u jiġi maqbul sa fejn għandu jiġi mgħallem fir-review tal-eżamijiet tas-SEC. Fis-sena 2011-2012 is-sillabi tal-Form I tal-Malti, Ingliż u Matematika ser ikunu mifruxa fuq tlett livelli peress li ser ikollhom is- setting , waqt li fis-suġġetti l-oħra ser ikun hemm sillabu wieħed li jilħaq l-istudenti kollha. Dawn is-sillabi ser ikunu maqsuma f’ Learning Outcomes li jirriflettu d-differenzazzjoni. L-ippjanar u x-xogħol fuq it-tfassil ta’ dawn is-sillabi qiegħed isir matul din is-sena skolastika.

Lifts fil-flats tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm twaħħlu lifts mal-flats tal-gvern matul is-sena 2010 u kemm huwa ppjanat li jitwaħħlu lifts mal-flats tal-gvern matul is-sena 2011? Jista' jgħid fejn se jitwaħħlu u fejn twaħħlu dawn il-lifts u kemm kellhom sulari dawn il-flats li twaħħlu l-lifts magħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — dipartiment/uffiċċju - lifts

Question

Tista' l-Ministru tgħid u telenka kemm-il uffiċċju/dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha għandu żewġ sulari jew iktar u jgħid f'liema hemm lift funzjonabbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.