Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mina bejn Malta u Għawdex – Xemxija Hill u niżla tal-Mellieħa – mitigation measures

Question

Peress li Xemxija Hill u n-niżla tal-Mellieħa jkunu kollha imblokkati bit-traffiku, speċjalment fir-‘rush hours’, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn it-toroq ikunux affetwati meta tibda tiffunzjona l-mina bejn Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x' 'mitigation measures' ser jittieħdu biex din il-problema tiġi solvuta speċjalment meta tibda taħdem il-permanent link bejn iż-żewġ gżejjer?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22403 tas-seduta 494.

Permanent link bejn Malta u Għawdex – prezz tan-noll

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel il-Gvern Malti jikkommetti ruħu fuq il-bini tal-permanent link bejn Malta u Għawdex mal-konsorzju short listed, għandux indikazzjoni kemm ser ikun jiswa n-noll għal min ikollu bżonn juża l-mina? Kif ser ikun jikkompara n-noll għal min juża l-mina bejn Malta u Għawdex u l-prezz tan-noll tal-vapur preżentement? L-Għawdxin ser jibqgħu jgawdu mis-sussidju fuq in-noll biex jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22403 tas-seduta 494.

Trasport Pubbliku miċ-Ċirkewwa għal MCAST ta' Raħal Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-servizz tat-trasport pubbliku li jingħata miċ-Ċirkewwa direzzjoni lejn l-MCAST f’Raħal Ġdid fil-ħinijiet ta’ filgħodu jibda jingħata wkoll lura fil-ħinijiet ta’ wara nofsinhar/filgħaxija u dan sabiex ikun jista’ jakkomoda u jnaqqas l-inkonvenjent li qed jiffaċċjaw l-istudenti li jattendu l-istess MCAST li huma residenti l-Mellieħa, Xemxija u San Pawl il-Baħar fost lokalitajiet/żoni oħra fl-istess akkwati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ttieħdet nota mill-Awtorità tat-Trasport ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Ir-Rabat Għawdex — Triq Pompeii - traffic management

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21860 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min ħa d-deċiżjoni li Triq Pompeii fir-Rabat, Għawdex issir one way bit-traffiku kollu li jkun ġej minn erba' toroq arterjali jintefa' ġo triq sekondarja u dejqa bħalma hi Triq Pompeii? Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi traffic counts jew xi tip ta studji oħra u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra qabel ġie deċiż li Triq Pompeii, triq sekondarja u dejqa, jibda jgħaddi t-traffic kollu li jkun ġej minn erba’ toroq arterjali? Jista' jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux ilmenti mir-residenti u jekk huwa ltaqax mal-istess residenti? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jieħu passi biex itaffi l-konsegwenzi koroh, inkluż duħħan u arja ħażina, li qed isoffru r-residenti ta' din it-triq? Jaf li hemm anzjani li spiċċaw ma jistgħux joħorġu minn djarhom bl-ammont enormi tat-traffiku li ntefa' f'din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li l-awtorizzazzjoni għat-tibdil imsemmi ħarġet minn Transport Malta wara konsultazzjoni ma l-istakeholders kkonċernati. Id-direzzjoni ta’ traffiku fi Triq Pompej baqgħet kif kienet u ma hemm l-ebda impozizzjoni biex it-traffiku kollhu jgħaddi minn din it-triq. F’dan il-każ, Triq Pompej kienet diġa qiegħda tintuża bħala alternative route waqt ix-xogħlijiet ta’ tisbieħ fuq Pjazza San Franġisk u għaldaqstant is-sistema kienet diġa ġiet pruvata. Transport Malta diġa ħadet miżuri biex jonqos it-traffiku minn Triq Pompej billi neħħiet rotta tal-linja minn din it-triq waqt li żiedet is-sinjali tat-traffiku.

Proposta tal-Metro – studji, rapporti u proposti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji, rapporti u proposti kollha li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward tal-proposta tal-Metro?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dal-għodu Transport Malta ippubblikat l-istudji kollha li qed jiġu mitluba u li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament. Dawn l-istudji bl-isem ta’ ‘Strategic Business Case’ u ‘Feasibility Study’ jinsabu pubbliċi u online, filwaqt li qed npoġġu fuq il-mejda tal-kamra ‘3 screenshots’ li jinkludu wkoll il-website indikata. L-istudji sħaħ issa wkoll jinsabu fuq is-sit metro.mt u fid-dawl li huma studji voluminużi jkun għaqli li wieħed jaċċesahom mis-sit https://www.metro.mt/ Infakkar li l-Gvern talab lill-kumpanija ta’ fama internazzjonali ARUP biex tagħmel studju dwar il-possibbiltà ta’ trasport tal-massa f’pajjiżna. Nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru, il-Gvern ippubblika għad-diskussjoni r-riżultati ta’ dan l-istudju bil-għan li l-poplu jkun jista’ jiddiskuti l-konklużjonijiet u jekk il-pajjiż għandux jimxi f’din id-direzzjoni. Kif kien diġa’ spjegat l-istudju fih rakkomandazzjonijiet u proposti ta’ għażliet differenti li eventwalment trid tittieħed deċiżjoni dwarhom wara diskussjoni mal-poplu. Eventwalment, jekk il-pajjiż jiddeċiedi li jmur għall-proġett, ikunu jridu jsiru studji oħra fosthom dawk ġeoloġiċi, dawk tal-impatt ambjentali u oħrajn. Ninnota b’interess li dak ippubblikat fit-2 ta’ Ottubru ħoloq interess u kienu diversi l-persuni li saħansitra żaru l-esebizzjoni fid-daħla tal-Belt Valletta. L-investiment ta’ €6.25 biljun kienet fost il-punti li l-iktar ġew innotati mill-midja, għalkemm irid jingħad li kif spjegaw l-esperti fi briefing apposta din l-istima tinkludi kontinġenza ta’ 45% li fiha tieħu akkont ta’ inċertezzi li jistgħu jinstabu fil-proċess tal-kostruzzjoni. Ovvjament bħala Gvern jekk kemm-il darba nagħżlu li nkunu qed immorru għal din it-triq, se nkunu qed naraw li jkun hawn diskussjoni serja u xierqa dwar dan il-proċess filwaqt li nesploraw forom differenti ta’ finanzjament anke billi nidħlu f’diskussjonjiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar possibilta’ ta’ finanzjment Ewropew ukoll. Kif isemma fit-tnedija wieħed ma jistax jifred din id-diskussjoni minn oħrajn importanti, fosthom dik tar-reklamazzjoni tal-art hekk kif proġett ta’ dan it-tip joħloq skart qawwi tal-kostruzzjoni li għandna nħarsu lejh bħala riżorsa. Fl-istess ħin irid jingħad li fost bosta benefiċċji li dan l-istess mezz ta’ trasport iġib miegħu hemm ukoll dawk li ma tistax tikkwantifikahom fosthom; iż-żieda fil-produttiva ekonomika, l-impatt qawwi fuq it-turiżmu, l-impatt fuq id-dehra ta’ pajjiżna fejn jidħol l-investiment dirett barrani kif ukoll l-impatt ambjentali u pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja. Kif diġa’ spjegat dawn huma biss studji u pariri ta’ esperti internazzjonali u mhux pożizzjoni aħħarija tal-Gvern u għalhekk nkompli nħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet tekniċi u amministrattivi tiegħu f’din id-diskussjoni nazzjonali sabiex jekk kemm-il darba naraw li se nkunu qed immorru għal sistema ta’ trasport tal-massa bħal din, tkun waħda kif jixtieq il-poplu Malti u Għawdxi u li tkun fuq kollox soluzzjoni fattibli.

Proposta tal-Metro – studji, rapporti u proposti — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-istudji, rapporti u proposti kollha li saru mill-kumpanija internazzjonali ta' konsulenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward tal-proposta tal-Metro?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiza minfuqha fuq dawn l-istudji sa issa tammonta għal € 1,807,907.41

Proposta tal-Metro – finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tiġi ffinanzjata l-proposta tal-Metro, jekk hux b’fondi tal-Unjoni Ewropea, finanzjament tal-Gvern Ċentrali jew finanzjament tal-privat?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22399 ta’ din l-istess seduta.

Proposta tal-Metro – running costs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser tkun in-nefqa f''running costs' tal-Metro u servizzi oħra komplimentari u anċillari għal kull sena?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22399 ta’ din l-istess seduta.

Permanent link bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hekk kif sottomessi mill-konsorzju shortlisted għal bini tal-permanent link bejn Malta u Għawdex: (a) id-disinn tal-mina inkluż 'typical longitudinal sections' u 'typical transverse sections'; (b) il-pjanti li jindikaw ir-rotta minn fejn ser tgħaddi l-mina; (c) indikazzjoni tal-fond (depth) tal-mina mill-'mean sea level' kull 500metru tul? (d) it-teknika li ser tintuża biex tinbena l-mina (hux 'precast' fil-wiċċ tal-baħar jew 'boring' fil-blat); (e) 'break down' tal-istima tax-xogħlijiet kollha li ser isiru biex tinbena l-mina hekk kif ġew sottomessi mill-konsorzju 'shortlisted'?

Response (BORG, IAN)

L-ippjanar tal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex beda diversi snin ilu meta Transport Malta varat diversi studji tekniċi, soċjali u ekonomiċi dwar il-vijabilità tal-proġett. Infrastructure Malta ġiet fdata b’dan il-proġett malli twaqqfet fl-2018. Ftit wara, f’Diċembru tal-istess sena, l-aġenzija ppubblikat pre-information notice fejn ħabbret li kienet se tniedi proċess kompetittiv biex tagħżel il-konċessjonarji li hemm bżonn biex tinbena din l-infrastruttura ġdida. Il-proġett propost jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar, li jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza. Din il-konnessjoni permanenti li tant ilha mistennija biex issir bejn iż-żewġ gżejjer ser telimina l-isfidi ekonomiċi u soċjali li l-familji u n-negozji Għawdxin ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom għexieren ta’ snin minħabba l-limitazzjonijiet li jeżistu fis-servizzi eżistenti bil-baħar u bl-ajru. F’Jannar 2020, Infrastructure Malta ħarġet sejħa internazzjonali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex tistieden kumpaniji u konsorzji interessati biex jipparteċipaw fl-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess li għandu jwassal biex jintgħażel il-kunċessjonarju li ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-Mina bejn Malta u Għawdex. Kif diġa’ ġie spjegat pubblikament diversi drabi f’dawn sentejn, f’dan l-ewwel stadju, dawk interessati kellhom iwieġbu kwestjonarju, msejjaħ pre-qualification questionnaire (PQQ) sabiex juru li diġà għandhom eseperjenza fil-bini ta’ mini simili, li għandhom rekord tajjeb fl-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll li għandhom il-kapaċità teknika meħtieġa. B’hekk, fil-bidu ta’ dan il-proċess kompetittiv, qed niżguraw li dawk li qed jieħdu sehem fih, jekk finalment jintgħażlu, verament ikunu kapaċi jwettqu proġett daqstant kbir bl-ogħla livelli t’effiċjenza, sostenibilità u sigurezza. Erba’ kumpaniji u konsorzji minn pajjiżi differenti ssottomettew il-PQQ sabiex daħlu f’dan il-proċess. It-tagħrif li taw ġie evalwat fuq kriterji stabbiliti minn qabel fix-xhur li għaddew sabiex f’Settembru li għadda ħarġet l-ewwel rakkomandazzjoni li tgħid li konsorzju wieħed biss jidher li laħaq il-kriterji stabbiliti biex jimxi għall-istadji li jmiss ta’ dan il-proċess tal-għażla. Madankollu, kif inhu magħruf, tnejn mill-offerenti l-oħrajn issottomettew appell biex joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni li huma ma jimxux għat-tieni stadju tal-proċess. Dan ifisser li wara is-smigħ ta’ dawn l-appelli, ir-rakkomandazzjoni finali dwar liema mill-offerenti ser jgħaddu għall-pass li jmiss tista’ tinbidel. Bħal ma jaf kull min huwa midħla ta’ proċessi tal-għa¿la bħal dawn u hekk kif ġie spjegat kemm-il darba, fl-istadju tal-PQQ t-tagħrif li qed jintalab f’din il-mistoqsija Parlamentari għadu mhux disponibbli. Fl-ewwel stadju l-offerenti ma jintalbux jagħtu dettalji speċifiċi bħal pjanti, metodi ta’ kif ser issir il-mina, u stimi. Lanqas għadhom ma bdew jiġu kkunsidrati aspetti relatati man-nollijiet tal-mina, peress li dawn ikunu jistgħu jiġu sottomessi fit-tielet stadju tal-proċess. Meta, fiż-żmien li ġej, ikunu kkunsidrati ż-żewġ appelli pendenti għar-rakkomandazzjoni tal-ewwel stadju, ikun jista’ jibda t-tieni stadju tal-proċess. L-offerrenti li finalment jgħaddu mill-ewwel proċess jidħlu f’dak li jissejjaħ Invitation to Participate in Dialogue (ITPD). Hawnhekk il-parteċipanti jridu jissottomettu pjanijiet tekniċi dettaljati tal-istruttura proposta minnhom għall-mina, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħha kemm-il darba jingħataw il-konċessjoni biex iwettquha. Kull parteċipant jiġi mistieden għal taħditiet biex jispjega l-proposta tiegħu lit-tim tal-evalwazzjoni li se jkun qed janalizza kull proposta. Wara li jkunu ċċarati l-pjanijiet tekniċi ta’ kull offerent, il-proċess tal-għażla jgħaddi għall-istadju finali tal-Best and Final Offer (BAFO). Il-parteċipanti li jkunu ħadu sehem fit-tieni stadju tal-ITPD jintalbu jagħmlu l-proposta finali tagħhom għall-proġett, li tkun tinkludi wkoll tagħrif dwar in-nollijiet proposti. Din trid tinkludi offerta dettaljata kemm mil-lat tekniku kif ukoll finanzjarju. Ikun hawnhekk li t-tim tal-għażla jirrakkomanda d-deċiżjoni finali dwar liema tkun l-aħjar offerta skont il-kriterji stabbiliti. Filwaqt li għaddej il-proċess tal-għażla, timijiet t’esperti ilhom għal dawn l-aħħar snin għaddejjin b’diversi studji, li uħud minnhom ġew konklużi diġa u ġew ippubblikati. Fosthom hemm studji ġeoloġiċi u ġeo fiżiċi li saru fuq kampjuni tal-blat li tħaffru minn fuq l-art u minn qiegħ il-baħar miż-żona fejn tista’ ssir il-mina, studji preliminari dwar l-andament tat-traffiku, kif ukoll stħarriġ ieħor xjentifiku fuq l-art u f’qiegħ il-baħar. Saru wkoll disinji preliminari ta’ kif tista’ tkun il-mina. Dawn kollha ġew pubblikati diġa. Tim t’esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar qed jagħmlu wkoll studju estensiv dwar l-impatt ambjentali (EIA) tal-proġett. Dan jinkludi analiżi xjentifika tal-impatti kollha possibbli li jista’ jkollu l-proġett, fosthom dawk fuq il-baħar, fuq il-ħajja naturali fl-inħawi, fuq l-arja, fuq l-agrikoltura, fuq il-wirt storiku u ħafna u ħafna aspetti oħrajn. Dan l-istudju ma jistax jiġi konklużi qabel ikun hemm rakkomandazzjoni finali dwar liema kuntratturi ser jiddisinjaw, jibnu u joperaw il-mina. Ikun biss f’dan l-istadju li jkun magħruf x’inhi l-proposta teknika finali u b’hekk ikunu jistgħu jiġu konklużi b’mod serju dawn l-istudji dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-proġett. Qed isiru ukoll Micro Simulation Model biex jiġi analiżżat kif il-mina ser ikun qed taffettwa l-junctions u t-toroq tal-madwar. Filwaqt li dan l-istudju mistenni juri fid-dettal kif it-tibdil fir-rotot tal-ivvjaġġar lejn Għawdex ser jimpatta ż-żoni tal-inħawi, peress li l-post propost għall-ħruġ tal-mina f’Malta huwa qrib il-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar, b’konnessjoni diretta miegħu, mill-ewwel indikazzjonijiet ma jidhirx li dawn ser jaffettwaw b’mod negattiv it-toroq li jinsabu aktar lilhinn lejn it-tramuntana mill-Bypass ta’ San Pawl, fosthom Telgħet tax-Xemxija, Triq il-Mistra u t-Telgħa ta’ Selmun. Studji oħrajn li għadhom qed isiru kellhom jitwaqqfu temporanjament fix-xhur li għaddew minħabba l-mi¿uri ta’ ħarsien kontra l-pandemija, peress li dawn jirrikjedu konsultazzjoni wiesa’ ma’diversi stakeholders. Fl-istess waqt, jeħtieġ jiġi żgurat li r-riżultati soċjoekonomiċi ta’ dawn il-konsultazzjonijiet ma jkunux influwenzati mill-kundizzjonijiet predominanti imposti mill-istess pandemija. Infrastructure Malta tinsab f’komunikazzjoni mal-esperti tagħha biex jiggwidawha meta dawn l-istudji jistgħu jitkomplew. Ladarba jitlestew il-proċessi tal-għażla tal-kuntratturi u l-istudji relatati, dawn jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika, hekk kif jitlob il-proċess stabbilit biex ikun determinat il-permess għall-proġett mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar.

Permanent link bejn Malta u Għawdex – studji

Question

Jista’ l-Minstru jgħid xi studji fadal isiru qabel jibda x-xogħol fuq il-permanent link bejn Malta u Għawdex fosthom dawk ambjentali tal-'approach roads' tal-mina?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li qed tingħata għal mistoqsija Parlamentari numru 22403 ta’ din l-istess seduta.

Ħal Tarxien – Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u taz-zuntier

Question

B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li kienet saret fl-14 ta’ Mejju 2019 għall-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u taz-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u f’liema stadju dawn jinsabu? Jista’ jiġi indikat kemm ser tiġi l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsill Lokali Ħal Tarxien u ma’ entitajiet oħrajn sabiex tfassal il-pjanijiet tekniċi għat-tisbiħ tal-Pjazza quddiem il-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Tarxien. Fiż-żmien li ġej ser jiġi ffinalizzat id-disinn ġdid ta’ din il-pjazza sabiex jiġi diskuss ma’ dawk kollha konċernati qabel jibdew ix-xogħlijiet.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20987 tas-Seduta 462.

Tarxien – Triq Birżebbugia – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħol hemm sabiex isir u meta ser isir fi Triq Birżebbugia, Tarxien?

Response (BORG, IAN)

Minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’709 toroq residenzjali u rurali, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Mill-bidu ta’ din is-sena s’Awwissu li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’123 triq residenzjali u 71 triq oħra qalb il-kampanja. Flimkien, jgħoddu mat-52 kilometru ta’ toroq aħjar, b’37 kilometru ta’ bankini ġodda u 122 kilometru ta’ katusi, pajpijiet u cables ġodda tad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art. Sabiex tlesta l-bini mill-ġdid tagħhom intużaw 91,100 tunnellata asfalt u konkos. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq iż-Żejtun, Triq Marjanu Gerada, Triq Santa Marija, Triq Paola, Triq Ġużeppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard u Triq Xintill. Ix-xogħlijiet fit-triq indikata huma parti minn proġett li l-aġenzija qed twettaq flimkien mal-Enemalta waqt li din qed tgħaddi cables ġodda għall-elettriku f’numru ta’ toroq f’din il-lokalità. Fejn meħtieġ, Infrastructure Malta qed ittejjeb ukoll servizzi oħrajn taħt l-art u bankini qabel ma terġa’ tiksi l-wiċċ tat-triq b’diversi saffi t’asfalt.

Port tal-Imġarr — Pontoon

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pontoon ġdid tlestew fil-Port tal-Imġarr, Għawdex u xi proċedura ser tintuża sabiex jiġu allokati ?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajji¿na jagħmel qab¿a kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajji¿. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Fil-gżira Għawdixja, Infrastructure Malta tejbet il-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr. Dan il-proġett b’investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea kien jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li ju¿aw is-sajjieda. L-aġenzija nstallat erba’ puntuni ġodda u faċilitajiet oħrajn għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. B’organizzazzjoni aħjar tal-puntuni ġodda se jiżdiedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom. Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jinżammu aktar indaf. Il-proġett se jgħin biex iż-żona tal-Menqa fill-Port tal-Imġarr tkun organizzata aħjar, u biex tidher isbaħ ukoll. Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet oħrajn mal-kosta Għawdxija, fosthom il-bini tal-moll għall-Fast Ferry, tiswijiet ta’ strutturi f’Imġarr ix-Xini u nbena wkoll mill-ġdid il-moll fil-Bajja ta’ Santa Marija, f’Kemmuna. Proġett ieħor li qed ikun ippjanat huwa l-bini mill-ġdid tat-tarf tal-mollijiet fejn jittrakka l-vapur t’Għawdex magħrufin bħala Jetty 2 u Jetty 3. Il-valur ta’ dan il-proġett huwa stmat li se jammonta għal madwar €1 miljun (VAT mhux inkluż). Minn naħa tal-Awtorita’ tat-Trasport, l-proċedura li se tiġi addatta għall-allokazzjoni ta’ dgħajjes fuq il-pontoons se tkun waħda ta’ priorita’ għal dawk li huma dgħajjes tas-sajjieda full time u part-time, dawk li kellhom irmiġġ preċedenti u li ġew temporanjament imċaqalqa minn posthom waqt ix-xogħlijiet u dgħajjes oħra li se jiġu allokati skond l-applikazzjoni u l-każ partikolari. Għad-diskrezzjoni tal-Awtorita’ kemm il-darba jkun hemm positjiet vakanti u disponibbli.

Rapport tan-National Productivity Board

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19415 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għalfejn l-Oppożizzjoni ma kenitx mistiedna għat-tnedija tar-Rapport tan-National Productivity Board fit-18 ta’ Frar 2021?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.