Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lista ta’ stennija – Operazzjonijiet għal knee replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Membru li ngħataw aktar fondi sabiex minn Lulju ’l hawn bdew isiru extra sessions għall-knee replacements. Apparti dawk li normalment isiru fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, extra sessions qed isiru kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ħadd fi sptar privat u darba fil-ġimgħa extra fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. B’hekk l-1421 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, kif ukoll persuni oħra li jinħtieġu dawn l-operazzjonijiet, il-perjodu ta’ stennija dejjem ikompli jonqos. Dan diġa hu evidenti. Infakkar li fi tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20432 tas-7 ta’ Ottubru 2024, kont infurmajt lill-Kamra li kien hemm 1511-il pazjent jistennew u qabżu dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Inserraħ ras kulħadd, li kull każ urġenti jiġi trattat fl-iqsar żmien possibbli. Nenfasiżża li jkun hemm diversi raġunijiet, uħud mediċi għala ikun hemm dan id-dewmien.

Lista ta’ stennija – Operazzjonijiet għal hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni ta’ hip replacement, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Membru li ngħataw aktar fondi sabiex minn Lulju ’l hawn bdew isiru extra sessions għall-hip replacements. Apparti dawk li normalment isiru fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, extra sessions qed isiru kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ħadd fi sptar privat u darba fil-ġimgħa extra fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. B’hekk il-252 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, kif ukoll persuni oħra li jinħtieġu dawn l-operazzjonijiet, il-perjodu ta’ stennija dejjem ikompli jonqos. Inserraħ ras kulħadd, li kull każ urġenti jiġi trattat fl-iqsar żmien possibbli. Nenfasiżża li jkun hemm diversi raġunijiet, uħud mediċi għala ikun hemm dan id-dewmien.

Lista ta’ stennija – Operazzjonijiet tat-tneħħija tal-marrara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tat-tneħħija tal-marrara, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Infakkar lill-Onor. Membru li kif tħabbar fil-baġit, il-Gvern qed jivvota għall-2025, is-somma ta’ €14-il miljun, li hi d-doppju ta’ dik ivvutata għal din is-sena biex isir outsourcing ta’ bosta operazzjonijiet, inkluż cholecystectomy. B’hekk il-190 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, kif ukoll persuni oħra li jinħtieġu dawn l-operazzjonijiet, il-perjodu ta’ stennija dejjem ikompli jonqos. Inserraħ ras kulħadd, li kull każ urġenti jiġi trattat fl-iqsar żmien possibbli. Nenfasiżża li jkun hemm diversi raġunijiet, uħud mediċi għala ikun hemm dan id-dewmien.

Każijiet ta’ attentati ta’ suwiċidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn każijiet ta’ attentati ta’ suwiċidju din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nieħu din l-opportunità, biex infakkar li wara l-introduzzjoni tal-linja 1579 u r-riforma tas-saħħa mentali fl-aħħar xhur, il-Gvern issa nieda skema li se tara l-introduzzjoni ta’ kampanja t’għarfien u taħriġ tal-ewwel għajnuna għall-isfidi ta’ saħħa mentali offruti mill-kunsilli lokali. Ninsab infurmat li minn Jannar 2024 sa Ġunju 2024, in-numru ta’ persuni fejn ‘attempted suicide’ ġie reġistrat bħala ‘discharge diagnosis’ fl-isptarijiet huwa ta’ 71 persuna. Nassigura lill-Onor. Membru li l-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex jgħin lil dawn il-persuni. Qed jiġi offrut ukoll is-Servizz tal-Crises Resolution Home Treatment (CRHT) fejn persuni li jippreżentaw fl-Emerġenza tal-isptar Mater Dei bi kriżi mentali, jiġu referuti għas-servizz ta’ CRHT. Permezz ta’ dan is-servizz, l-għajnuna professjonali tingħata mmedjata u ntensiva għal numru ta’ ġimgħat. Il-persuni jiġu segwiti f’dan il-Unit u fi djarhom fejn jingħataw sapport intensiv sabiex bl-għajnuna tal-professjonisti, jsibu l-ħiliet biex itejbu saħħithom, jissuperaw s-sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja tagħhom u jkomplu jgħixu fil-kommunità mingħajr il-bżonn li jkunu rikoverati l-isptar.

AEDs f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Automated External Defibrillators (AEDs) f’Malta u kemm kien hemm persuni li daħlu l-emerġenza bl-Automated External Defibrillator (AED) imqabbad magħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu minorenni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-AEDs jinxtraw mill-privat. Il-pazjenti li jiġu fid-Dipartiment tal-Emerġenza bl-ambulanzi jiġu mgħejjuna b’tagħmir li jinstab fil-karozzi tal-emerġenza użati mill-isptar ta’ Mater Dei.

First Aiders f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn First Aiders f’Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hawn diversi dipartimenti, awtoritajiet kif ukoll NGOs, li joffru l-kors għall-First Aiders u għaldaqstant id-Dipartiment tas-Saħħa mhux f’pożizzjoni li jgħid kemm hawn b’kollox.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll min huma ċ-chairpersons, diretturi, u chief executive officers ta' kull waħda minnhom u x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid — Ħamiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-problema li hemm ta' kwantità ta’ ħamiem fl-aħħar parti tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid fid-direzzjoni lejn Ħal Tarxien, tiġi solvuta billi qed iħallu ħafna ħmieġ b'perikolu għall-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.

Spatar Ġenerali ta’ Għawdex — Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għas-sejħa li ħarġet fix-xhur li għaddew biex jiddaħħlu persuni fil-grad ta' 'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 at the Gozo General Hospital'? Jista’ jgħid ukoll kemm iddaħħlu ħaddiema f'dan il-grad sa issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li għas-sejħa ta’ “Emergency Ambulance Responder Trainee/ Emergency Ambulance Responder 1” applikaw 34 persuna. Sa issa f’dan il-grad iddaħlu 20 ħaddiem.

CT Scans — Lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23201 u jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu CT Scan sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Faċilità San Vinċenz de Paule — Binja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet inawgurata l-binja l-ġdida fil-Faċilità San Vinċenz de Paule? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa din il-binja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-ewwel pazjenti fil-binja l-ġdida bdew jintlaqgħu bejn Lulju u Awwissu 2020. Il-proġett sar b’investiment kapitali ta’ € 30 miljun ewro u fih 500 sodda.

Faċilità San Vinċenz de Paule — Binja ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fil-binja l-ġdida tal-Faċilità San Vinċenz de Paule hemm diversi konsenturi u li fil-maltemp il-kantina timtela bl-ilma u l-ħaddiema jkollhom jixkupaw l-ilma ’l barra? Jista’ jgħid jekk huwiex minnu li diġà hemm madum li qed jiċċaqlaq jew jinqala’? Jista’ jgħid ukoll għaliex qed jintużaw iċ-ċilindri tal-ossiġnu l-kbar minflok l-ossiġnu mill-cable installat mal-ħajt?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-binja msemmija hija mgħammra apposta b’pompi li għandhom rwol fl-inżul tal-ilma mill-maltemp. Infurmat ukoll, li s’issa ma jirriżultax li hemm bżonn ta’ bdil ta’ xi madum. Preżentament għaddej xogħol ta’ manutenzjoni (maintenance) fis-sistema tal-ossiġnu u l-punti kollha tal-ossiġnu fis-swali, proċess li biex isir trid tingħalaq is-sistema tal-pajpijiet tal-ossiġnu mediku. Sal-ġimgħa d-dieħa, ix-xogħol fi Blokk A se jkun lest biex terġa’ tibda tintuża s-sistema prinċipali tal-pajpijiet tal-ossiġnu mediku.

Apomorphine Injectible

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta, hemm il-ħsieb li l-Apomorphine Injectible tkun fuq il-formolarju tal-Gvern għal POYC?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l- proċess ta’ evalwazzjoni fuq l- ‘apomorphine injections,’ jinsab fi stadju preliminari ta’ evalwazzjoni. Hekk kif ikun lest, imbagħad jiġi ppreżentat lill-Government Formulary List Advisory Committee (GFLAC).

Sptar San Luqa — Tindif u l-manutenzjoni tas-soqfa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il-darba huwiex isir t-tindif u l-manutenzjoni tas-soqfa ta’ dak li qabel kien l-Isptar San Luqa u jekk iva jista’ jgħid meta l-aħħar li sar dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa għadejjin xogħlijiet ta’ spezzjonijiet u skond ir-riżultat tal-esperti jkunu jistgħu isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fejn u jekk hu meħtieġ.

Servizz tas-Silvert T — Vjaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ sar bis-servizz tas-Silver T minn meta beda dan is-servizz sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn il-vjaġġi u kemm kien in-numru ta’ vjaġġi għal kull talba li saret?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li minn meta beda s-servizz tas-Silver T fl-2018 sal-20 ta’ Novembru 2024 saru 111,578-il vjaġġ. Dawn il-vjaġġi saru biex jitwasslu l-anzjani fiċ-ċentri tas-saħħa, banek, biex jagħmlu x-xirjiet tagħhom, li tinkludi wkoll l-iskema tal-BCRS u postijiet oħra skont il-bżonnijiet tal-anzjani. Ġeneralment isiru 2 vjaġġi għal kull talba minħabba li persuna titwassal fejn ikollha bżonn u wara titwassal lura d-dar.

SVP 41/2024 — Provision of a Hearse to Transport Cadavers Services for SVP - Dewmien

Question

B’referenza għall-kuntratt SVP 41/2024 – Provision of a Hearse to Transport Cadavers Services for SVP, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie msejjaħ il-hearse mill-uffiċjal tal-Faċilità San Vincenz de Paul (SVP) u ma kienx on site fi żmien sagħtejn minn meta ġie msejjaħ? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba s-service provider weħel penali għal dan id-dewmien?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kien hemm okkażjoni waħda.