Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li ddaħħlu l-Emerġenza minħabba sustanzi eċċessivi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jindika kemm kien hemm persuni li ddaħħlu l-Emerġenza minħabba sustanzi eċċessivi ta’ droga jew alkoħol f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ attendenzi ġewwa d-Dipartiment tal-Emerġenza fis-sena 2018 fejn kien irreġistrat fil-Presenting Complaint jew fit-Triage Notes li kien hemm Overdose jew abbuż ta’ xi tip ta’ droga (jew mediċina), sew jekk seħħet jew jekk kien hemm suspett li ġrat, ammontaw għal 475 filwaqt li n-numru ta’ attendenzi minħabba abbuż ta’ alkoħol fl-2018 kien 1,811.

Każijiet ta’ ħożba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn każijiet ta’ ħożba (measles) bħalissa? Qed naraw żieda fin-numru ta’ ħożba f’dawn l-aħħar snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar ta’ din is-sena sat-3 ta’ Mejju kien hemm 18 il-każ ta’ ħożba rappurtat bi transmissjoni lokali. Fis-sena 2018 kien hemm 5 każi ta’ ħożba mpurtati minn barra u każ wieħed ta’ transmissjoni lokali. Avolja hemm dawn il-każijiet Malta xorta għadha żżomm l-istat ta eliminazzjoni tal-ħożba. L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed ikomplu jisħqu fuq it-tilqim kemm tat-tfal u kif ukoll tal-adulti.Barra minn hekk hemm ħidma mill-entitajiet tas-saħħa biex każijiet jiġu identifikati malajr u jiġu isolati biex titnaqqas il-firxa. Ninfurmah ukoll illi fl-2018, f'47 minn 53 pajjiż fir-Reġjun Ewropew tal-WHO ġew irrapurtati 82,596 każijiet ta’ ħożba. In-numru totali ta 'nies infettati bil-virus fl-2018 kien l-ogħla f'dan id-deċenju: 3 darbiet iktar mit-total irrappurtat fl-2017.

Belt Victoria – Ċentru ġdid tas-Saħħa – perit/kumpanija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu l-perit/kumpanija, inkarigat mill-proġett taċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa fiċ-ċentru tal-Belt Victoria, kif intgħażel u kemm tħallas sa issa u kemm-il siegħa xogħol għamel sa issa? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux il-permessi kollha meħtieġa u jekk ħarġux diġà t-tenders u jekk ġewx awarded? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li ċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa se jibda jintuża mill-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett taċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa l-Victoria, Għawdex qiegħed isir bi sħab bejn il-Ministeri għas-Saħħa u għal Għawdex. Għalhekk nitolbu jirreferi l-parti tal-mistoqsija tiegħu dwar tendering lill-Ministru kkonċernat filwaqt li ninfurmah illi huwa ppjanat li x-xogħol fuq iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex ikun lest lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Birkirkara – Triq Spiru Mizzi – tindif ta’ plot

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li l-plot fi Triq Spiru Mizzi kantuniera ma’ Triq Notabile f'Birkirkara jitnaddaf, peress li dan il-plot qed iservi biex jintefa’ kull tip ta' skart, inkluż siringi, kif ukoll ġrieden li qed ikunu ta' detriment kontinwu għas-saħħa tar-residenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċevix ilmenti f’dan ir-rigward iżda saret spezzjoni mill-uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali fil-25 t’April, 2019 fil-plot imsemmija, fejn ġie kkonfermat akkumulu ta’ skart. Peress li s-sid/sidien tal-imsemmija plot għadhom mhux magħrufa, bħala prekawzjoni sar trattament għal kontra l-ġrieden minn ħaddiema tal-Pest Control Unit. Dan id-Direttorat ser ikompli bl-investigazzjonijiet neċessarji sakemm jinstab/u s-sid/sidien tal-plot u jiġi ordnat li jneħħi l-akkumulu ta’ skart fi żmien stipulat.

Raħal il-Ġdid — Ċentru tas-Saħħa – teħid ta’ parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex (jekk hu l-każ) il-parkeġġ għat-tobba u l-pazjenti ħdejn u quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid ġie meħud minn imwejjed u siġġijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ħtieġa ta’ massaġġi – każ ta’ individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li ssir komunikazzjoni lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba ħtieġa ta' massaġġi, minħabba l-qagħda gravi tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.

Persuni mejta – donazzjoni ta’ organi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mis-sena 2016 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ kien hemm li fih il-qraba ta' persuna li tkun mietet u li ma kinitx donatur reġistrat, iddeċidew li jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex issir donazzjoni tal-organi tal-persuni li tkun mietet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Diċembru 2016 sal-2017 kien hemm 14 il-donatur, fl-2018 kien hemm 12 u fl-2019 sal lum kien hemm 3 donaturi li l-kunsens inġabar mill-qraba.

Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – programm ta’ sapport

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk il-management taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, ifassalx programm personali ta’ sapport għal kull klijent ta’ dawn iċ-Ċentri bil-parteċipazzjoni tagħhom diretta u l-qraba tagħhom? Jekk iva, jista’ jgħid meta dawn il-programmi jiġu riveduti u jekk jingħatawx kopja ta’ dawn il-programmi lill-klijenti u l-qraba tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull klijent jiġi assessjat u l-programm jitfassal skont l-għanijiet identifikati mill-persuna referuta. Il-programmi jsiru kemm f'sessjonijiet individwali kif ukoll fi grupp. Fil-każ tal-qraba, dawn ukoll ikollhom sessjonijiet kemm individwali kif ukoll fi grupp. Kemm fil-każ tal-persuna bi problemi ta' saħħa mentali, kif ukoll fil-każ tal-qraba, isiru diversi links ma' għaqdiet u aġenżiji oħra li jistgħu ukoll ikunu ta' sapport u ta' għajnuna għal dawn il-persuni/familji. Peress li l-programmi jiġu mfassla skont l-għanijiet tal-persuna/qraba/familji, dawn jiġu reveduti kontinwament u l-informazzjoni tingħata kemm b'mod verbali kif ukoll miktuba f' forma ta' handout .

Ċentri ta’ Matul il-Jum – strateġiji ta’ reklutaġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk il-management taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum implimentax strateġiji ta’ reklutaġġ f’dawn l-aħħar tliet snin sabiex aktar persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull tim, taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum jaħdem ma' aġenziji u servizzi oħra kemm dawk provduti mill-gvern kif ukoll Ngo's, fosthom tobba tal-familja, Mental Health Clinics, LEAP Centres, Day Centres tal-anzjani, Kunsilli Lokali, Paolo Freire Institute, Richmond Foundation, fil-Parroċċi ecc. Kull entità msemmiha, kif ukoll oħrajn, ġew mgħarrfa dwar is-servizz tagħna u kif persuna tista’ tiġi referuta mill-Psikjatra.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – staff imħarreġ għall-amministrazzjoni tal-Ewwel Għajnuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk l-istaff kollu taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum ġewx imħarrġa sabiex jamministraw l-Ewwel Għajnuna f’każ ta’ emerġenza? Jekk iva, meta sar dan it-taħriġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant ili t-taħriġ imsemmi minnu isir minn żmien għal żmien. L-aħħar taħriġ li ngħata lill-istaff kollu taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum dwar l-amministrazzjoni tal-Ewwel Għajnuna f’każ ta’ emerġenza sar fl-2018.

Drittijiet u dmirijiet tal-klijenti li jużaw is-servizzi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jgħid jekk il-management jagħtix dokument iddettaljat lill-klijenti tas-servizzi kollha dwar id-drittijiet u r-responsabbilitajiet tagħhom? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’kull sala ġewwa l-isptar Monte Karmeli u f’kull Community Mental Health Clinic kif ukoll fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum wieħed jista’ jsib informazzjoni rigward id-Drittijiet u d-Dmirijiet u r-responsabbilitajiet tiegħu bħala pazjent u tal-familjari tiegħu. Kull pazjent li jiġi ammess ġewwa l-isptar Monte Karmeli jingħata Admission Pack li tinkludi diversi informazzjoni. Din l-informazzjoni tiġi provduta kemm bil-lingwa Maltija kif ukoll Ingliża. Nfakkru ukoll illi fl-2016 ġie ppublikat il- Patients Charter . Dan jinkludi tmien prinċipji sabiex il-pazjenti ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom kif ukoll biex ikunu konxji mid-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom waqt li jkunu qed jagħmlu użu mid-diversi servizzi tal-kura tas-saħħa disponibbli fi ħdan is-sistema tas-Servizz Pubbliku tas-Saħħa.

Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani – persuni reġistrati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mis-sena 2016 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna ġiet irreġistrata fir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani? Jista' jagħti rendikont dwar l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-imsemmija persuni kif ukoll dwar liema organi, tessuti u ċelloli partikolari l-imsemmija persuni ddeċidew li jagħtu jew li ma jridux jagħtu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. li sat-12 ta’April ta’ din is-sena kien hemm 19,639 persuna rreġistrata fir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani. Għal aktar informazzjoni nitolbu jirreferi għat-tabelli t’hawn taħt. Eta’ Numru ta’ reġistrazzjonijiet 16 - 25 3,889 26 - 40 6,654 41 - 60 6,264 61 - 80 2,728 81 + 104 Organi/Tessuti li jistgħu jiġu mogħtija Donaturi Nisa Donaturi Irgiel Kliewi 11,451 7,353 Fwied 11,442 7,139 Musrana iz-zghira 11,423 7,134 Pulmun 11,113 7,342 Frixa 11,610 7,135 Qalb 11,124 8,029 Cartilage 11,049 7,114 Ligamenti 11,197 7,188 Tessuti tal-Ghadam 11,055 7,117 Kornea 10,976 7,307 Heart Valves 11,098 7,132 Tendons 11,551 7,117 Rigward in-nazzjonalita tal-persuni rregistrati, skont il-liġi wieħed irid ikun residenti f’Malta u jkollu karta tal-identità Maltija.

Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani – persuni li ma ridux jibqgħu reġistrati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mis-sena 2016 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna talbet li ma tibqax irreġistrata jew li tbiddel ir-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani? Jista' jagħti rendikont dwar l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-imsemmija persuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 7 persuni li rtiraw ir-reġistrazzjoni tagħhom u 6 persuni oħra li ma jridux ikunu donaturi tal-Organi u Tessuti Umani.

Sptar Mater Dei — spejjeż għal proċedura ta' twelid ta' tarbija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma l-ispejjeż mitluba li jitħallsu mill-Isptar Mater Dei jew entità oħra, li jikkonċernaw il-proċedura ta' twelid ta' tarbija f'każ ta' mara ta' nazzjonalità Pollakka u f'każ ta' mara ta' nazzjonalità Spanjola rispettivament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min mhux intitolat għal servizzi tas-saħħa b’xejn, f’każ ta’ twelid naturali f’Mater Dei, l-ispiża hija ta’ madwar €780 li tinkorpora t-twelid u żewġ iljieli fl-istess sptar. Il-prezz indikat ma jinkludix servizzi oħra li jista’ jkun hemm bżonn u li jvarjaw minn każ għal ieħor.

Statistika ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba sustanzi eċċessivi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk teżistix statistika ta' pazjenti li ddaħħlu l-emerġenza minħabba sustanza eċċessiva ta' droga jew alkohol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filfatt tinżamm statistika tan-numru ta’ attendenzi ġewwa d-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei minħabba ‘Overdose’ jew abbuż ta’ xi tip ta’ droga (jew mediċina), sew jekk seħħet jew jekk kien hemm suspett li ġrat, kif ukoll minn abbuż ta’ alkoħol.

Għawdex — Klinika

Question

Peress li x-xogħol fuq il-Klinika ta’ Għawdex ilu wieqaf aktar minn sena u peress li ċ-ċentru preżenti joffri lok li mhux idoneju, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-ħsieb għal dan? Meta ser jitwettaq l-proġett?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-Klinika ta’ Għawdex għaddej b’rata mgħaġġla. Bħalissa qed isiru l-preparazzjonijiet neċessarji sabiex il-binja l-ġdida li ġiet identifikata biex takkommoda dan iċ-ċentru jsirulha t-tibdiliet meħtieġa biex tkun tista’ tiġi transformata f’Ċentru tas-Saħħa tal-aqwa kwalità, b’apparat mediku modern bil-għan li jingħata servizz ta’ prevenzjoni u kura tal-għola livell. Diġà tlestew il-pjanti kollha taċ-Ċentri, flimkien mar-room loading, il-mechanical u l-electrical requirements, tlestew it-tenders tal-għamara u tal-appart mediku. Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda’ x-xogħol tat-tfassil tal-kmamar.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – appuntamenti għad-Dipartiment tal-Ophthalmic Out-Patients

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex daż-żmien meta pazjent jiġi riferut minn tabib għad-Dipartiment tal-Ophthalmic Out-Patients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-pazjent jingħata appuntament għal aktar minn erba’ xhur wara, meta qabel tali appuntamenti kienu jingħataw biss ftit ġimgħat wara li kien isir ir-riferiment? Jaf il-Ministru li dan qed iwassal għal inkonvenjenza kbira għall-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li kien hemm żieda fid-domanda għad-dipartiment imsemmi minnu, bħalissa fl-isptar Ġenerali t’Għawdex għaddej il-proċess sabiex jiġi mpjegat Konsultant addizzjonali għall-Oftalmoloġija.

Il-Mellieħa – Ċimiterju Omm il-Ħniena – Bill of Quantities

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8417 u li kienet tirrigwardja ċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Bill of Quantities li d-dipartiment konċernat kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sa minn Ġunju 2012?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku Bill of Quantities li ġie ppreparat mill-2012 sal lum kien dak li diġà poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta Seduta 210 tal- 25 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Ma nstabet l-ebda informazzjoni li kien sar xi Bill of Quantities għaċ-ċimiterju Omm tal-Ħniena fil-Mellieħa qabel l-2013.

Investigazzjoni fuq individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk tlestitx l-investigazzjoni dwar il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienu l-konklużjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjoni dwar il-każ tal-individwu msemmi minnu saret minn bord ta’ investigazzjoni maħtur mill-Kummisarju tas-Saħħa Mentali. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża. Peress li r-rapport tal-bord fih dettalji mediċi u personali tal-persuna msemmija, ma jistax jiġi ppublikat. Pero qiegħed nippublika kelma b’ kelma mill-konklużjoni tar-rapport, kif ġej: Having taken all the evidence in consideration, the Board does not consider that Mr Portelli’s rights as a mental health service user were breached during the period indicated for investigation. The Police acted under Article 44(4) of the Mental Health Act. The admission process was effected through a first medical assessment at Mater Dei Hospital and subsequently completed with a second specialist assessment effected within 24 hours of admission at Mount Carmel Hospital.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inizjattivi ttieħdu matul l-2018 u s’issa fl-2019 sabiex fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, il-binjiet li minnhom joperaw, ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2018 u l-ewwel xhur ta’ din is-sena, saru diversi xogħlijiet fil-binjiet li minnhom joperaw diversi dipartimenti u entitajiet fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa sabiex ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Fil-binja fejn jinsab is-CPSU matul l-2018 saret rampa fit-tarf tal-amministrazzjoni kif ukoll fl- emergency exit . Bħala parti mill-proġett tat-tieni sular tal-istess binja ser isir lift sabiex kull persuna b’nuqqas ta’ mobilità u b’diżabilità tkun tista’ tagħmel użu minnu. Ġie rinovat il-parkeġġ u fiż-żmien li ġej mistenni jkun hemm numru ta’ parkeġġi assenjati lill persuni li għandhom il- badge il-blu. Fid-Dipartiment tal-Kura Primarja, ittieħdu diversi inizzjattivi matul l-2018 sal-lum, li huma: Inizjattiva Kirkop Ċentru tas-Saħħa Aċċess għall-entratura prinċipali permezz ta’ rampa Lift u toilets apposta biex ikun jistgħu jintużaw minn persuni b’diżabilità. Mosta Ċentru tas-Saħħa Il-lift ġie mibdul biex ikunu jistgħu jidħlu bil- wheelchairs u stretchers . Haż-Żebbuġ Klinika fil-Komunita’ Aċċess għall-entratura prinċipali permezz ta’ rampa li titpoġġa meta jkun hemm mil-ħtieġa peress lit-triq ma tippermettix rampa fissa. Pieta’ Klinika fil-Komunita’ Wheelchair lift u toilet aċċessibbli għall-pazjenti b’diżabilita’. Proġetti oħra li jinsabu f’diversi fażijiet tal-proċess fl-istess imsemmi dipartiment, huma: Bini / Immodernizzar taċ-Ċentri tas-Saħħa skont il-liġijiet li jħarsu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilita’ Ċentru Reġjonali Vincent Moran, Paola Meta jitlesta ser ikun aċċessibbili għall-persuni b’diżabilità Gżira L- istretcher lift ser jiġi installat waqt l-programm ta’ immodernizzar, filwaqt li ser isiru xogħolijiet sabiex il-binja issir aċċessibli ukoll għal persuni b’diżabilità Victoria, Għawdex Meta titlesta ser tkun aċċessibili għall-persuni b’diżabbilità Il-progetti kollha tal-isptar Ġenerali t’Għawdex li saru jew li qed isiru matul iż-żmien indikat huma aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Dawn l-proġetti jinkludu s-sala il-ġdida tal-Ortopedija li ser tiġi inawgurata fil-ġimgħat li ġejjin, ċ-Ċentru ġdid tal-Anatomija tal-iskola medika ta’ Barts li ġie inawgurat f’Diċembru 2018 kif ukoll l-iskola medika ta’ Barts li ser tospita’ l-ewwel studenti f’Settembru 2019. Matul l-2018, fil-binja tal-Ministeru tas-Saħħa t-taraġ li kien jagħti għall-uffiċini ġie mibdul f’rampa biex l-istess binja u l-uffiċini kollha fi ħdan il-binja ikunu aċċessibbli għal kullħadd. Ninfurmah ukoll illi l-bini tad-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa minn fejn jingħata servizz mediku diġa huma aċċessibbli għal-persuni b’diżabilita’.