Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuna li korriet tarbija
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24496, jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-fetu sħiħ li skont ma qalet l-omm, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ratu ffurmat bir-ras, bl-idejn u saqajn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-informazzjoni mitluba fuq dan il-każ speċifiku tkun qed tikser il-kunfidenzjalità kif ukoll l-etika professjonali, sakemm ma jkunx hemm il-permess u l-kunsens tal-pazjenta ikkonċernata. Il-policy fid-Dipartiment tal-Patoloġija tgħid li, jekk jinstab fetu fit-tessuti, għandha ssir difna u jekk fit-tessuti jirriżulta li ma jkunx hemm fetu issir inċinerazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li l-prodotti gluten free jibqgħu jiġu provduti f'kull spiżerija taċ-ċentri tas-saħħa u mhux f'uħud minnhom biss?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bl-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, is-servizz li se jibda jingħata mill-ispiżeriji fiċ-Ċentri tas-Saħħa se jinbidel sabiex primarjament jindirizza l-ħtiġijiet taċ-Ċentri tas-Saħħa nfushom kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ pazjenti li jinħtieġu mediċini urġenti permezz tal-kartuna r-roża.
Peress li l-prodotti tal-ikel gluten free mhumiex mediċini, ma hemmx il-ħtieġa li jitqassmu minn spiżjara. Għaldaqstant ġie deċiż li jinstab post ċentrali minn fejn jitqassmu l-prodotti tal-ikel gluten free. Ġie identifikat l-ispazju okkupat mill-Ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkira. Dan sar bi qbil mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u mas-Coelic Association of Malta. Is-servizz tat-tqassim tal-prodotti gluten free se jibda jiġi offrut bejn is-1.00 p.m. u s-7.30 p.m. kemm għaliex dan il-ħin huwa konvenjenti għal min jaħdem u anke sabiex ma jkunx hemm problemi ta’ parkeġġ viċin iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara fejn jarma s-suq fil-għodu f’ċerti ġranet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' persuni li qed japplikaw biex ikunu jistgħu jidħlu bħala residenti fid-dar residenzjali għall-anzjani fil-Mellieħa? Minn liema lokalità huma dawk li bħalissa għandhom applikazzjoni pendenti biex jidħlu f'din id-dar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
General Services Board — applikazzjonijiet ikkunsidrati mill-MEPA
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-General Services Board li jaqa' taħt il-Ministeru tas-Saħħa hux ukoll l-istess bord li f'ċerti ċirkostanzi jevalwa applikazzjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk iva, kemm kien hemm każi ta' applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġew evalwati mill-General Services Board matul l-2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-funzjoni tal-General Services Board hija li jservi ta’ appell minn deciżjonijiet tal-awtoritajiet sanitarji. Il-Bord ma jevalwax applikazzjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħlief dawk li dwarhom ikun sar appell.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li fix-xhur tas-sajf ikun hemm ambulanza on call fl-inħawi tal-Mosta, jew aħjar f'San Pawl il-Baħar, biex f'każ ta inċident fil-bajjiet tat-Tramuntana ta' Malta (u f'partijiet oħra fl-istess inħawi) l-ambulanza tkun tista' tasal fil-post fl-iqsar żmien possibli b'mod partikolari fit-tmiem tal-ġimgħa (weekend)?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li huwa mistenni li fix-xhur tas-sajf is-servizz tal-ambulanza miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta ser jibqa’ jiġi offrut kif inhu bħalissa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet biex n-nursing aids kollha jiġu skala 13? Jista' jgħid kemm hemm minn dawn il-ħaddiema involuti f'dawn id-diskussjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat
Jista' l-Ministru jgħid il-berġa tal-Imtarfa kemm-il darba tiftaħ fil-ġimgħa? Xi rwol għandha fil-qasam mediku u kemm intużat minn pazjenti matul is-sena 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-berġa tal-Imtarfa għandha rwol differenti mill-bereġ l-oħra. Is-servizzi offruti mill-berġa tal-Imtarfa huma kif jidher hawn taħt:
·
Health Awareness Clinic
Dan is-servizz jiġi offrut minn tabib u infermiera imħarrġin f’dan il-qasam. Il-ħinijiet tal-
Health Awareness Clinic
huma:
Nhar ta’ Tnejn (kull ħmistax) bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar u
Kull nhar ta’ Erbgħa bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar.
·
Speech Language Pathology.
Kull nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis bejn is-7.30 a.m u 3.30 p.m)
·
Saħħa Mentali fil-Komunità
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa jiġi provdut servizz ta’ saħħa mentali fil-komunità ma’ professjonisti bħat-tabib, infermier, psikologu u
social worker
. Dan is-servizz jingħata permezz ta’ appuntamenti.
L-attendenza fis-sena 2010 kienet kif jidher fit-tabella hawn taħt:
Tip ta’ Servizz
Numru ta’ attendenzi
Health Awareness Clinic
93
Speech Language Pathology clinic
53
Mental Health Clinic (Community)
100
Il-berġa tal-Imtarfa tospita wkoll l-uffiċċju tal-koordinaturi tat-taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni għat-tobba fil-Mediċina tal-Familja. F’dan l-uffiċju isir ix-xogħol ta’ kordinament ta’ dan it-taħriġ li bħalissa jinvolvi 28
General Practioners Trainee
.
Hemm ukoll l-uffiċċju tal-Practice Development Unit li huwa responsabbli għat-taħriġ kontinwu u regolari tal-infermiera li jaħdmu fil-Kura Primarja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex vera li hemm kollox mixtri biex tinbena kamra mortwarja ġdida għall-Isptar Karen Grech? X'qiegħed u x'kien ir-razzjonali li intuża biex wara li inxtraw l-affarijiet kollha neċċessarji dan il-proġett waqaf?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-kamra mortwarja tal-Isptar Karen Grech qiegħda fil-proċess li tiġi refurbished. Dan ir-refurbishment wasal fl-istadju fejn hemm id-design u l-Bills of Quantities lesti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti f'Casa Arkati fil-Mosta li qed jiġu sussidjati mill-gvern biex jinżammu f'din il-home? Kemm hi l-ispiża li qed joħroġ bħalissa l-gvern kull xahar għal dawn ir-residenti? Jista' jagħti ukoll din l-ispiża għas-snin 2008, 2009 u 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti f'Villa Messina fir-Rabat li qed jiġu sussidjati mill-gvern biex jinżammu f'din il-home? Kemm hi l-ispiża li qed joħroġ bħalissa l-gvern kull xahar għal dawn ir-residenti? Jista' jagħti ukoll din l-ispiża għas-snin 2008, 2009 u 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq residenti f'Roseville f'Ħ'Attard li qed jiġu sussidjati mill-gvern biex jinżammu f'din il-home matul l-2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ispiża tal-Gvern fuq residenti biex jinżammu ġewwa d-Dar Roseville minn Awwissu sa Diċembru 2010 kienet € 346,693.00.
Sptar Mater Dei — survey fuq kwalità tal-ikel tal-canteen
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21423 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tas-survey li sar fost l-impjegati tal-Isptar Mater Dei dwar il-kwalità tal-ikel fil-canteen tal-istaff tal-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li filwaqt li wieħed japprezza l-inizjattiva għal eżerċizzju biex ikun evalwat is-servizz tal-catering ipprovdut fl-isptar Mater Dei, bil-għan li dan jitjieb fil-kwalita’ għall-benefiċċju tal-istaff u ta’ dawk li jżuru l-isptar, ma’ dan kollu il-mod li bih sar dan l-eżerċizzju jħalli dubbji serji fuq il-validità u l-korrettezza tar-riżultati li r-rapport fuq dan is-survey wasal għalihom.
Fatturi mportanti fil-kumpilazzjoni ta’ studji simili, bħal per eżempju, l-anonimita’, ir-reviżjoni tas-
survey
innifsu wara li jinħargu r-riżultati tal-
pilot survey
, il-metodu tal-analiżi tar-riżultati, l-għażla tal-parteċipanti, dawn kollha jirriżultaw li ma sarux b’mod xjentifiku.
Ta’ min wieħed ifaħħar l-inizjattiva tal-
management
bil-għan li jitjieb is-servizz għall-aħjar sodisfazzjon tal-klijenti, però, minħabba n-nuqqasijiet determinanti fil-mod kif sar is-
survey
, ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jenħtieg li jkunu riveduti.
Jista' l-Ministru jikkonferma li se jdaħħal kokijiet ġewwa l-istituzzjoni tal-Isptar Monte Carmel bil-kuntratt ta' sena sena? Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu bżonn kokijiet għal dan il-għan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-gazzetti lokali ġiet ippubblikata expression of interest għall-post ta’ kok. Hemm seba’ (7) vakanzi għal dan il-post u hekk kif jinġiebu l-permessi meħtieġa, jitkompla il-proċess tar-reklutaġġ.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — konsum tal-fuel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Kemm kien jammonta f'litri?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-konsum tal-fuel matul l-2010 kien ta’ tlett mija u elfejn, disa’ mija u ħamsa u tletin Ewro, u tlieta u tletin ċenteżmu (€ 302,935.33) li huwa ekwivalenti għal mitejn, tlieta u sittin elf, wieħed u għoxrin litru ( 263,021).
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24016, jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel u t-tieni mistoqsija u jgħid kemm hija l-ispiża fid-Dipartiment tal-OPU għal saqajn artifiċjali mis-sena 2008 s'issa, sena b'sena? Kemm-il sieq saret u kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn? Jista' jgħid ukoll min huwa l-kuntrattur li fil-preżent rebaħ it-tender? Jista' jgħid ukoll kemm ilu jieħu dan it-tender u allura jekk din hux l-ewwel sena li rebaħ it-tender? Jekk kellu dan it-tender fis-snin li għaddew, kemm tħallas f'kull sena separatment? Jista' jgħid ukoll kemm tħallas fit-tender attwali jew inkella kemm kienet l-offerta li għamel l-istess kuntrattur għal dan it-tender attwali?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Għall-fini ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari il-kelma ‘sieq’ qegħda tiġi nterpretata whole lower limb. In-numru ta’ pazjenti li bbenefikaw minn servizz ta’ prostheses kien kif jidher fit-tabella hawn taħt. Din l-informazzjoni tirrifletti dawk l-invoices li ġew imħallsa f’kull sena partikolari.
Lower limb prostheses
Sockets for lower limb prostheses
Total
Other prostheses / prosthetic items
Overall total
2008
61
56
117
14
131
2009
93
103
196
29
225
2010
40
47
87
9
96
Il-Kuntrattur li fil-preżent rebaħ it-tender huwa RSL Steeper Ltd.
Dan it-tender ilu jingħata lil dan il-kuntrattur mill-1997. Il-kuntratt attwali daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru, 2009.
Tweġiba għall-ewwel u l-aħħar parti tal- mistoqsija mhux tingħata minħabba li hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — calls for application
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24743, u in vista li ċ-ċertifikati mediċi li kont qed nirreferi għalihom huma dawk mediċi li jinħarġu mill-BIBIC bħala riferta għas-servizz tas-saħħa, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għalfejn ċertifikat li jkun maħruġ mill-fergħa lokali tal-British Institute for Brain Injured Children, magħrufa aktar bħala BIBIC, ma jiġix rikonoxxut mill-awtoritajiet lokali tas-saħħa?
Għalfejn ċertifikat simili li jinħareġ fl-Ingilterra mill-istess BIBIC jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet Ingliżi u fl-istess istanza f'pajjiżna ma jiġrix l-istess?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul dawn l-aħħar 15-il sena, id-Dipartiment tal-Pedjatrija tal-Isptar Mater Dei ma rċeva ebda riferti jew ċertifikati mediċi mill-BIBIC. Jekk fil-futur jirċievu riferti jew rapporti mill-BIBIC, dawn jiġu evalwati skont il-merti tagħhom kif isir fil-każ ta’ kull rapport ieħor. Ġeneralment, kull rapport minn tabib rikonoxxut mill-Kunsill Mediku tal-pajjiż rispettiv ikun aċċettat bħala validu u jingħata l-attenzjoni mistħoqqa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta għandniex faċilitajiet pubbliċi jew privati biex isir gender reallignment surgery? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji fejn dan jista' jsir? Jekk le, jaħsibx li għandu jingħata dan is-servizz fejn il-gvern għallinqas joħroġ imqar frazzjon mill-ispiża, tenut kont anke li ċertu surgeries ta' dan it-tip qed isiru minn Maltin fis-Serbja li hu pajjiż għal kollox estranju minn tagħna inkluż fil-lingwa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fis-settur pubbliku ma jeżistux faċilitajiet biex issir gender realignment surgery. Sallum ma hemmx pjanijiet biex jiġi ntrodott dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24781 u jgħid kemm saru spezzjonijiet is-sena l-oħra fid-Djar tal-Anzjani tal-gvern u dawk tal-privat? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-ispezzjonijiet? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.