Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nefqa fuq il-fuljett tal-Metro

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-fuljett dwar il-Metro maħruġ mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-Awtorità għat-Trasport f'Malta u li ġie mqassam fid-djar f'Malta u Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet ġie mqassam bieb bieb l-imsemmi fuljett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport lin-nefqa għal l-istampar tal-fuljett hija €30,900 filwaqt li n-nefqa għad-distribuzzjoni f’residenzi okkupati ġewwa Malta li saret mill-Malta Post hija dik €4,927.00.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Safar fuq xogħol tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid a. liema kienu s-safar fuq xogħol tal-Gvern li huwa kellu fl-2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza; b. liema kienu mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea u liema kienu minn fondi nazzjonali; c. min kellu fid-delegazzjoni tiegħu/tagħha; d. x’kienet l-ispiża totali ta’ kull safra msemmija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dettalji mitluba rigward is-safar fuq xogħol tal-Gvern fl-2021 sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, huma li ġejjin; l-Italja bi spi¿a totali ta’ €1916.06 u Monaco, bi spiża totali ta’ €2389.30, koperti minn fondi nazzjonali. Fiż-żewgt safriet il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ġie akkumpanjat minn Mr. Ivan Sammut, Registrattur Generali tal-Bastimenti Merkantili u l-Bahhara, mill-Awtorita’ tat-Trasport f’Malta.

Mini tal-Qroqq — madum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-rigward tal-madum li twaħħal ħdejn il-mini tal-Qroqq: 1. Il-kuntrattur jew il-persuna involuta kienx l-aħjar għażla? 2. Il-kuntrattur jew il-persuna involuta kienx saħansitra kompetenti biex itemm ix-xogħol b'mod adegwat? 3. Il-kuntrattur jew il-persuna involuta kienx soġġetti għal tender kompetittiv? 4. Il-kuntrattur jew il-persuna involuta ngħatax ix-xogħol b'direct order? 5. Il-kuntrattur jew il-persuna involuta hu individwu li hu jaf personalment?

Response (BORG, IAN)

Il-proġett b’investiment ta’ €10 miljun minn Infrastructure Malta biex tirranġa u ssebbaħ l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni wasal fl-aħħar ftit xogħlijiet tiegħu. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern qed jagħti ħajja ġdida lil dawn il-mini, li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji bħala parti mix-xibka tat-toroq arterjali ta’ pajjiżna. Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-iżjed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u mmodernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Ix-xogħlijiet kollha saru minn kuntrattur li ntgħażel wara evalwazzjoni tal-offerti mitfugħa skont ir-regolamenti applikabbli. Il-kuntrattur magħżul kellu l-esperti meħtieġa biex iwettaq dan ix-xogħol, skond ir-regolamenti applikabbli. Fil-fażi inizjali tal-proġett, il-kuntratturi naddfu l-ħitan minn saffi ta’ nugrufun u ħmieġ ieħor li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin, li matulhom dawn il-mini ftit li xejn raw manutenzjoni jew tindif. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u kienu jeħtieġu anke xogħol kbir ta’ restawr fil-ġebel u l-konkos tagħhom. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni, li t-tnejn tħaffru fil-blat, sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali. Infrastructure Malta rrestawrat il-faċċati tad-daħliet tal-mini ta’ Santa Venera, Ħal Kirkop u Ta’ Giorni għad-dehra oriġinali tagħhom, bil-ġebla tal-franka. L-aġenzija talbet ukoll li d-daħliet tal-konkos mikxuf tal-Mini Tal-Qroqq, li kienu swiedu u kriehu bi snin ta’ dħaħen u nuqqas ta’ tindif, jingħataw dehra aktar sabiħa b’materjal ikkulurit li ma jaqbadx ħafna ħmieġ miegħu u li jkun jista’ jitnaddaf b’mod eħfef. Il-kuntratturi laħqu dan l-għan billi ksew id-daħliet b’madum li ġie mwaħħal b’kolla apposta. Id-disinn ikkulurit ġdid ta’ dawn il-ħitan ġie stampat fuq il-madum, li ġie wkoll glazed qabel twaħħal, ħalli jservi aktar fit-tul. B’hekk, ħitan li tħallew mitluqa għal ħafna snin issa qed jagħtu dehra ġdida lil dawk kollha li jivvjaġġaw f’din ir-rotta ewlenija ta’ pajjiżna. Tajjeb jingħad li rapporti fil-media dwar waħdiet minn dan il-madum li allegatament “waqa’ bix-xita” kienu fil-fatt foloz, għaliex il-madum imsemmi kien inqala’ mill-ħaddiema u twaħħal mill-ġdid minħabba li ġew innutati xi nuqqasijiet fl-istampar tad-disinn fuqhom waqt li kien qed jiġi ċċekkjat ix-xogħol. Permezz ta’ dan il-proġett il-kuntratturi għaddew cables u katusi għall-entitajiet tas-servizzi fl-istess mini, u wara ksewhom b’saffi t’asfalt ġodda. Wettqu wkoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita li diġa kien hemm f’dawn il-mini. Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, il-kuntratturi bnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta qed tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih. L-aġenzija tejbet ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien reżistenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. F’kull mina, il-kuntratturi tal-proġett installaw ukoll sistemi għall-provvista tal-ilma għat-tifi tan-nar u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar. Fl-aħħar fażijijiet tal-proġett, Infrastructure Malta biddlet is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin u ksiet il-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal speċjalizzata għal mini bħal dawn, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini tinbidel skont il-ħin u skont it-temp, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. Sabiex tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbilità tal-mini għal tul ta’ żmien, fl-2018 Infrastructure Malta kkummissjonat studji tekniċi bl-għajnuna t’esperti internazzjonali rinomati f’dan il-qasam. Permezz ta’ dawn l-istudji, ħareġ li t-tmien mini kien jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet f’diversi sistemi tagħhom. Fost affarijiet oħrajn irriżulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal fil-mini kollha kienet antikwata u kien jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Kien hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurezza u ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ t’emerġenza. It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajjiżna jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli

Vetturi Elettriċi irreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn Vetturi Elettriċi irreġistrati fil-31 ta’ Diċembru 2020?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba miġbura mill-Awtorita’ tat-Trasport tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt; Vetturi Elettrici rregistrat Dicembru 2020 3490 Jannar 2021 123 ħFrar 2021 106 Marzu 2021 103 April 2021 179 Mejju 2021 158 Gunju 2021 190 Lulju 2021 208 Awwissu 2021 230 Settembru 2021 188

Fast Ferries bejn Malta u Għawdex – diesel sussidjat

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-fast ferries bejn Malta u Għawdex hux qed jibbenefikaw minn diesel sussidjat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fast Ferries li qegħdin joperaw servizz skedat bejn il-Port il-Kbir u l-Mġarr, Għawdex kif stabbilit skond il-Port Notice maħruġa min Transport Malta TM/PYD/PN/2021 jibbenifikaw min rata zero. Dan kif stipulatt skond l-Att Dwar Dazju Tas-Sisa (Kap 382) f’paġna 49. Iż-żewġ dokumenti msemmija qed jitqiegħedu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infrastructure Malta — Triq is-Salina – xogħol – diskrepanzi fil-livell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li fuq ix-xogħol li kien għaddej minn Infrastructure Malta fil-bidu ta’ Triq is-Salina viċin ir-roundabout li tagħti għal Triq il-Kosta instabux diskrepanzi fil-livelli li fuqhom kien qed jaħdem il-kuntrattur?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 750 toroq residenzjali u rurali minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, bħal Marsa Junction Project u l-Breakwater tal-Qrejten, f’Marsaxlokk, u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed twettaq ukoll proġetti ewlenin oħrajn bħal Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, fir-roundabout tal-Ajruport, il-Gudja, il-proġett ta’ Triq Għeriexem, ir-Rabat, Central Link Project, bejn Ħ’Attard u l-Imrieħel u Grand Harbour Clean Air Project, l-investiment ta’ madwar €50 miljun li se jwassal għal tnaqqis ta’ 90 fil-mija mit-tniġġis tal-arja tal-vapuri għal aktar minn 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir. L-aġenzija ħadet f’idejha wkoll proġetti li kien ilhom fuq l-ixkaffa ħafna snin, iżda baqgħu ma sarux. Fost dawn hemm il-proġett fis-Salina li qed issir referenza għalih, u li qed jibdel ¿ona li tħalliet mitluqa żmien twil fi ġnien żgħir, b’għadd ta’ siġar ġodda, bankijiet u għamara oħra tal-ġonna, u bi spazji ta’ parkeġġ għal dawk li jgħixu fil-qrib jew iżuru dawn l-inħawi. Il-proġett qed jitwettaq ukoll taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minhabba s-sensittivita storika taż-żona. Ix-xogħlijiet kellhom jieqfu bla mistenni fix-xhur li għaddew minħabba diffikultajiet tekniċi li l-aġenzija, il-periti tagħha u l-kuntratturi ma’ kellhom l-ebda kontroll fuqhom. Il-proġett mistenni jkun lest, inkluż it-tħawwil tas-siġar u pjanti oħra biex din iż-żona tkompli tissebbaħ, fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Rigward il-livelli tat-toroq, huma determinati u rregolati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk, din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Infrastructure Malta – Triq is-Salina xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla u jitlesta x-xogħol li qed isir minn Infrastructure Malta fil-bidu ta’ Triq is-Salina viċin ir-roundabout li tagħti għal Triq il-Kosta liema xogħol issa ilu li nbeda għal numru ta’ xhur li iżda baqa’ ma’ tlestiex?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għal risposta tal-mistoqsija parlamentari 22566 tal-istess Seduta.

Trasport Pubbliku – rotta mill-Baħrija għall-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx ħsieb li jkun hemm rotta tat-trasport pubbliku mill-Baħrija għall-Belt Valletta biex jinqata’ l-inkonvenjent li r-residenti jridu kull darba jieqfu r-Rabat jew is-Siġġiewi biex jaslu l-Belt Valletta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Raħal Ġdid – Triq Sant’Ubaldesca – fdalijiet tal-bollards tal-ġebel

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-fdalijiet tal-bollards tal-ġebel li hemm fi Triq Sant’Ubaldesca, Raħal Ġdid jitneħħew mill-iktar fis, minħabba l-inċidenti stradali li qed ikun hemm regolarment minħabba fihom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità ta’ Transport f’Malta li ser tagħti struzzjonijiet biex dawn il-bollards jitneħħew kompletament.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ uffiċċju jew sular tal-quad towers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu laħaqx innegozja jew qed jinnegozja xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. interpellant li la l-Ministeru u lanqas l-entitajiet fi ħdanu ma krew jew xtraw xi parti mill-bini msemmi.

Sistema proposta ta’ metropolitana — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru mill-konsulenti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fir-rigward tas-sistema proposta ta' metropolitana?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22399 tas-Seduta 494.

Public Service Obligation – trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala l-Gvern qed jipproponi vot addizzjonali ta' € 2m euro għall-Obbligu ta' Servizz Pubbliku tat-trasport bejn Malta u Għawdex? Meta ser tinħareġ sejħa ġdida għal konċessjonarju sabiex jopera s-servizz tat-trasport bil-vapur bejn Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab nfurmat li l-Ministeru għaddej bħalissa bil-proċess li jipprepara sejħa għall-offerti kif ukoll jikseb l-approvazzjoni neċessarji tal-Istate Aid u tal-Kummissjoni Ewropea biex ikun jista’ joħroġ is-sejħa għall-offerti permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Niġbed ukoll l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li il-paragun li qed jagħmel fl-ewwel parti tal-mistoqsija huwa ma stima u mhux ma spiża attwali.

Ħal Tarxien – Triq Manuel Buhagiar – twaħħil ta’ Sleeping Policeman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser issir Triq Manuel Buhagiar Tarxien u jikkonsidrax li jkun hemm twaħħil ta’ żewġ sleeping policeman għax din hija traffikuża f’kull ħin tal-ġurnata?

Response (BORG, IAN)

Minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’709 toroq residenzjali u rurali, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Mill-bidu ta’ din is-sena s’Awwissu li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’123 triq residenzjali u 71 triq oħra qalb il-kampanja. Flimkien, jgħoddu mat-52 kilometru ta’ toroq aħjar, b’37 kilometru ta’ bankini ġodda u 122 kilometru ta’ katusi, pajpijiet u cables ġodda tad-distribuzzjoni ta's-servizzi taħt l-art. Sabiex tlesta l-bini mill-ġdid tagħhom intużaw 91,100 tunnellata asfalt u konkos. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq iż-Żejtun, Triq Marjanu Ġerada, Triq Santa Marija, Triq Paola, Triq Ġużeppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard u Triq Xintill. It-triq indikata, flimkien ma’ toroq oħrajn f’din il-lokalità, diġà qiegħda fil-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta biex issir fiż-żmien li ġej. Minn naħa ta’ Transport Malta bħalissa ma għandha l-ebda talbiet pendenti fuq it-triq imsemmija u ser tkun qed tikkomunika mal-kunsill lokali ħalli tara xi bżonnijiet jista’ jkun hemm.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21052 u jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta' hawn taħt: Dipartiment / Entità / Agenzija: Marzu 2013 - Diċembru 2013 € Jannar - Diċembru 2014 € Jannar - Diċembru 2015 € Jannar - Diċembru 2016 € Jannar - Diċembru 2017 € Jannar - Diċembru 2018 € Jannar - Diċembru 2019 € Jannar - Diċembru 2020 € Jannar - Mejju 2021 € Aktar dettalji MTIP 0 0 0 0 3404.8 4956 32886.83 31437.56 15569.28 Infrastructure Malta 0 0 0 0 0 0 0 9450 4050 Transport Malta 0 0 0 0 0 5310 15931 0 0 Malta Strategic Partnership Projects (MSPP) 0 0 0 0 51767 0 0 790 3160 Projects Plus 0 0 0 0 0 0 0 22762 7334 GHRC 0 0 0 0 0 0 0 0 0 MATS Ltd. 0 0 0 0 0 0 0 0 0 Yachting Malta Ltd. 0 0 0 3451 3681 0 19648 6279 4400 data provided by MoT - from March 2013 till Dec 2017 BAAI 0 0 0 0 0 0 0 0 0

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kunsill tal-Ewropa – traffic lights

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19551, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta ser jiġu installati l-pelican lights fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Fgura/Żabbar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta hija nfurmata li civil works ser isiru mill-kunsill lokali. L-Awtorita’ qiegħda tassisti kif meħtieġ.