Legislature:
Category:
Reset
Active:

bdiewa — Ħlas tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallsu għad-dawl u l-ilma r-raħħala u l-bdiewa u dan f'termini ta' metru kubu f'kilowatts?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Din il-mistoqsija tikkonċerna l-Enemalta u l-Water Services Corporation u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin — materjal li qed jintefa' fis-sit

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'materjal qed jintefa' fis-sit li qabel kien hemm mibni fuqu l-impjant tar-riċikilaġġ ta' Sant'Antnin? Għaliex qed jintefa' dan il-materjal? X'ġie demolit s'issa u x'inbena s'issa bħala parti mill-proġett tal-impjant il-ġdid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor. Membru jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Wastserv — family park ħdejn l-impjant ta' Sant Antnin

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-Environmental Planning Statement (EPS) u l-Environmental Impact Assessment (EIA) indikati fir-risposta tal- mistoqsija parlamentari 20342?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dawn ir-rapporti ġew ppreparati għall-MEPA u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Wastserv — family park ħdejn l-impjant ta' Sant Antnin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20342, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra: a) min kienet il-kumpanija li għamlet l-istudju Environmental Planning Statement (EPS); b) meta kien konkluż l-istudju; ċ) jekk saritx konsultazzjoni u ma' min saret; d) jekk xi kunsill/i ingħatax rapport EPS u fil-każ meta; u e) x'kienet ir-reazzjoni tal-kunsill/i, jekk kien hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istudju dwar l-Ippjanar Ambjentali (EPS) għall-iżvilupp tal-Park għall-Familja f'Wied il-Għajn sar mill-kumpannija Adi Associates Environmental Consultants Ltd. Peress li l-istudji jsiru għall-MEPA, nitlob lill-Onor. Interpellant jitlob dawn id-dettalji lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Triq il-Polverista - tindif

Question

Jista' l-Ministru jara li jitnaddaf il-post fi Triq il-Polverista, Bormla li jiġi fuq il-Ġibjuni ta' Santa Liena, liema post sar miżbla b'detriment għar-residenti tal-akkwati? Jista' jara li wara jsir dan it-tindif issir xi ħaġa sabiex ma jerġax jisfa fl-istat li qiegħed, kaġun ta' min hu irresponsabbli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi wara li ġie reġistrat rapport fid-Direttorat tal-Indafa ftit tal-ġimgħat ilu dwar din iż-żona qed isiru l-arranġamenti biex isir tindif permezz ta’ makkinarju kif ukoll ħaddiema tal-istess Direttorat fil-jiem li gejjin. It-tieni parti tal-mistoqsija ma tikkonċernax il-Ministeru tiegħi u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bejgħ ta' tonn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kenitx direttiva tal-Unjoni Ewropea jew biex insegwu xi direttiva internazzjonali oħra li ma nistgħux nbiegħu t-tonn wara Ġunju jew kenitx xi regola li adotta il-Gvern Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li t-tonn jista jinbiegħ dejjem basta li min qed ibiegħ ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu dokumenti uffiċjali li juru li dak it-tonn nqabad skont ir-regoli stabbiliti mill-ICCAT u mill-U.E.

Basktijiet tal-plastik

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kenitx direttiva tal-Unjoni Ewropea jew biex insegwu xi direttiva internazzjonali oħra li ma nistgħux nużaw basktijiet tal-plastik jekk ma nħallsux taxxi fuqhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Interpellant illi din il-miżura kienet inizjattiva tal-Gvern Malti fil-baġit tas-sena 2009.

Flixken tal-plastik

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kentix direttiva tal-Unjoni Ewropea jew biex insegwu xi direttiva internazzjonali oħra li nibdew nagħmlu użu mill-flixken tal-plastik u ineħħu l-flixken tal-ħġieġ għall-użu tal-poplu Malti u Għawdxi, liema flixken kienu jiġu riċiklati u re usediktar faċli milli jistgħu jiġu riċiklati l-flixken tal-plastik li qed nagħmlu uzu minnhom bħalissa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li Malta għamlet l-argument waqt in-negozjati biex tinżamm il-prattika li kellna. L-Unjoni Ewropea kienet għamlitha ċara li l-obbligu li kellu pajjiżna biex jintuzaw fliexken ‘reusable’ kien meqjus bħala ‘barrier to trade’ u għaldaqstant il-pajjiż kellu tliet snin mis-sħubija sabiex ineħħi dan l-obbligu (liema obbligu tneħħa fl-2007). Meta seħħ dan, l-operaturi kellhom id-dritt li jagħżlu liema materjal iridu jużaw ħalli jippakkeġġaw ix-xarbiet tagħhom skont il-bżonnijiet tas-suq. Id-deċizjoni li jibdew jintużaw fliexken tal-plastik flok dawk tal-ħġieġ għall-użu tal-poplu Malti u Għawdxi kienet waħda purament kummerċjali meħuda mill-operaturi kkonċernati. Irid jingħad, iżda, li dawn l-operaturi xorta baqgħlhom obbligu jottempraw wriehom mar-regolamenti ambjentali dwar skart tal-ippakkjar li daħħlu fis-seħħ mas-sħubija.

Korsijiet tal-mediċina veterinarja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19162 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’taħditiet qed isiru mal-Università ta’ Malta u bi ftehim ma’ universitajiet barranin biex jibda jingħata f’Malta stess il-kors tal-medicina veterinarja? Fejn waslu dawn it-taħditiet? Liema parti tal-kors se ssir f’Malta, liema parti se ssir f’università oħra u meta huwa mmirat li jibda dan il-kors? Peress li l-Ministru qed ikollu laqgħat mal-Università ta' Malta jista' jara x'jista' jsir dwar il-korsijiet tal-mediċina veterinarja lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 18590. It-taħditiet għadhom għaddejjin. Ta’ min jgħid ukoll li l-korsijiet li joffri l-Istitut tal-Agrikultura fi ħdan l-Università ta’ Malta kien ristrutturat b’mod li min għandu interess fil-produzzjoni tal-annimali jista` jsegwi din il-linja. Dan il-kors jista jwassal għal għarfien ta’ numru ta’ krediti f’korsijiet tal-Mediċina Veterinarja f’xi pajjiż Ewropej.

Mellieħa — inħawi tal-Ibraġġ - Park għall-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet agrikoli humiex isegwu dak li qed jiġri fir-raba' maħdum fl-inħawi fuq tal-Ibraġġ il-Mellieħa? Peress li l-Ministeru tiegħu hu nvolut f'dan il-progett ta' Park għall-Familja jista' jgħid jekk hux veru li l-proġett se jieħu aktar minn 30 tomna raba' li tista' tgħid jinħadem kollu tant li issa bdew jirċievu l-ittri bil-Qorti l-bdiewa? Jaf li qed isir tħarbit sħiħ fir-raba tal-inħawi? Jaf li minkejja li l-applikazzjoni biex isir il-proġett kien jinkludi 'the reconstruction of rubble walls' meta mank kien hemm ħajt wieħed imwaqqa' waqt li issa li beda x-xogħol hemm ħitan imwaqqgħin żgur għax il-gaffa qed taqleb kollox u ħitan li għandhom mijiet ta' snin qed jinqerdu u dawk li qegħdin jibnu m'għandhom x'jaqsmu xejn magħhom, biss biss il-ġebel li qegħdin jibnu bih hu kantun antik miġjub minn post ieħor u qed jitfgħulhom il-konkos fil-wiċċ? Jaf li mill-post inqalgħu l-orkidi endemiċi protetti mill-Habitat Directive tant li l-Kummissjoni Ewropea ġiet infurmata bil-qerda tagħhom u qalet li qed tinvestiga?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Magħtab — problemi tal-irwejjaħ

Question

Billi meta xi residenti qrib il-Magħtab kienu żaru il-proġett f’Mejju li għadda kienu ngħataw x’jifhmu li l-problema tal-irwejjaħ kellha tingħeleb sa qabel tmiem Awwissu, jista' l-Ministru jispjega l-fatt li dawn l-irwejjaħ qawwija għadhom joħolqu inkonvenjent kbir għar-residenti fil-viċin sa dawn il-ġranet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi li dak li ġie mwiegħed lir-residenti tal-Magħtab qed jitwettaq. Nirreferih għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19802 fejn huwa indikat kif tneħħa l-periklu tal-emissjonijiet. L-inkonvenjent li nħoloq dan l-aħħar jirriżulta mill-fatt li xi bjar li kienu inseriti fil-miżbla l-antika sabiex jiġbru l-emmisjonijiet kellhom bżonn manutenzjoni minħabba iċ-ċaqliq tas-sit innifsu. Bħalissa qed isiru t-tiswijiet meħtieġa. Nittama li l-Onor Brincat japrezza li x-xogħlijiet fuq il-miżbla għadhom għaddejjin u se jibqgħu għaddejjin sabiex l-impatt ta’ dik il-ġerħa titneħħa b’mod permanenti.

twaħħil ta' arloġġi għall-kejl ta' ilma

Question

B'referenza għat-twaħħil ta' arloġġi (meters) għall-kejl tal-użu tal-ilma minn bdiewa u persuni oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu s'issa arloġġi simili?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s’ issa twaħħlu 84 arloġġ fuq boreholes kummerċjali. Rigward il-bdiewa, bhalissa qed tinġabar l-informazzjoni fuq dawk il-bdiewa li se jiġu eliġġibli għal-arloġġ b’xejn. Sat-22 t’Ottubru kien hemm 2688 bidwi li taw l-informazzjoni mitluba. Malli din l-informazzjoni tkun proċessata jibda x-xogħol ta’ istalazzjoni tal-meters.

Volum ta' skart bħal slurry u demel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-volum ta' skart bħal slurry u demel mill-irziezet kollha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Din l-informazzjoni tinstab f’rapport li ilu jinstab fuq il-website; http://www.mrra.gov.mt/htdocs/docs/agri_waste_mgmt_plan.pdf sa minn Marzu 2009. Għall-benefiċċju tal-Onor Interpellant qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Kuntratt ta' pubbliċità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20435 u 19754 u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kriterji kif titqassam l-għajnuna mill-Ewropa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom qed jingħata l-aid mill-Ewropa? Għadha abbażi ta' min għandu l-kartuna r-roża jew hemm kriterji oħra? Fil-każ, x'inhuma dawn il-kriterji? Qed ikun hemm monitoring ta' kif qed jitqassmu l-affarijiet? X'tip ta' monitoring qed isir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-prodotti li jinghataw bħala għajnuna mill-Ewropa jitqassmu lill-dawk il-benefiċjarji li huma eliġibbli taħt waħda jew aktar minn dawn il-kriterji: · Penzjoni tal-etá · Għajnuna Soċjali · Għajnuna Soċjali għal Xebba Omm · Għajnuna għal min ma jaħdimx · Carers Assistance/Pension · Severely/mentally handicapped · Għajnuna lill-Għomja · Benefiċċju Speċjali tal-Qgħad · Persuna lil tikkwalifika għall-karta r-roża permezz tat-test tal-mezzi Rigward il-karta r-roża, din tiġi aċċettata biss wara li jkun sar it-test tal-mezzi. Id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali joħroġ ċertifikat lil dik il-persuna li hija eliġibbli taħt waħda mill-kriterji msemmija, liema ċertifikat jiġi ppreżentat lill-parroċċa/NGO biex tingħata l-prodotti tal-ikel. Il-kappillan tal-parroċċa jista’ juża d-diskrezzjoni tiegħu biex jagħti prodotti lil dik il-persuna li jħoss li għandha bżonn iżda ma jkollhiex iċ-ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. F’dan il-każ jimla u jiffirma formola apposta li tinżamm mar- records u ċ-ċertifikati. Isir monitoring kemm waqt li l-prodotti jkunu qed jinħattu minn fuq it- trailer/ container għal ġo l-imħażen kif ukoll fil-parroċċi/NGOs li jkunu qed jieħdu sehem fl-Iskema. Il- monitoring jinkludi: Verifika tal-kwantità tal-prodotti li jaslu u jinħattu fl-imħażen. Verifika tar- records li jinżammu fil-parroċċi/NGOs: Records taċ-ċertifikati Records ta’ x’jingħata lill-benefiċjarji Firem tal-benefiċjarji Verifika tal-kwantità tal-prodotti li jkun fadal għand il-parroċċi/NGOs permezz ta’spezzjonijet fuq il-post.

Wied il-Għajn — pjanta tal-family park

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta dettaljata tal-family park li hu proġettat li jinbena f'Wied il-Għajn? Meta se jibda x-xogħol? Fiex se jkun jikkonsisti dan il-park?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Wied il-Għajn — Impjanti tar-Riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-viċinanzi tal-Impjanti tar-Riċiklaġġ f'Wied il-Għajn hux qed isir moniteraġġ tal-kwalità tal-arja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li qed isir moniteragġġ permezz ta’ bacteriological quality of the air analysis fil-viċinanzi tal-impjanti li hemm f’Sant’ Antnin.

Wied il-Għajn — Family Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'materjal qed jintefa' fiż-żona u l-post ta' fejn suppost se jsir il-Family Park f'Wied il-Għajn eżattament ħdejn l-Impjant tar-Riċiklaġġ? Jista' jgħid ukoll meta huwa maħsub li jinbeda x-xogħol fuq l-istess Family Park?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-materjal li qed jintefa' fiż-żona u l-post ta' fejn suppost se jsir il-Family Park f'Wied il-Għajn huwa ħamrija mħallta b’ġebel li qed jitħammel bħala parti mill-proġett tal-Family Park stess. Dan il-proġett fih żewg fażijiet. L-ewwel fażi hija l-bini ta’ Visitors Centre u parti mill-storm water culvert system, liema parti tal-proġett diġà beda. It-Tieni parti tal-proġett hija r-rijabilitazzjoni taż-żona kollha tal-faċilita’ immexxija mill-Inspire sal-konfini tal-impjant tar-Riċiklaġġ. L-evalwazzjoni tat-tender għal dan ix-xogħol hi avvanzata u huwa mistenni li l-kuntratt jingħata sa’ l-aħħar ta’ din is-sena.

Ħal Qormi — Triq Correa u Triq Pawlu Farrugia - ftuħ għall-wied

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Widien, hux jevalwa x'jista' jsir fi Triq Pawlu Farrugia u Triq Correa f'Ħal Qormi, biex l-ilma tax-xita jkun jista' jkollu aktar ftuħ għal wied biex meta jseħħu maltempati bħal dik tal-25 ta' Ottubru 2010, il-volum ta' l-ilma ma jogħliex u jagħmel ħerba, ħsarat u jqiegħed f'riskju ħajjet in-nies? Jekk iva, x'se jsir u meta se jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-problema biex ikun hemm drenaġġ aħjar għall-ilma tax-xita mit-toroq imsemmijja hi relatata ma' l-livell ta' ilma li jgħaddi mill-wied. Din il-problema se tkun mtaffijja permezz tal-proġett li ser isir fejn parti mill-ilma li ġej minn Wied Incita għal fuq Ħal-Qormi se jkun devjat għall-mini li ser isiru ġewwa Ħ' Attard u B'Kara. Barra minn hekk se jsir titjieb fil-kanal tal-ilma li hemm il-Marsa biex l-ilma jkun jista' jisbokka b'mod aħjar u b'hekk il-livell ta' l-ilma fi triq il-Wied jitbaxxa konsiderevolment u b'hekk inkunu nistgħu nirranġaw is-sitwazzjoni li hemm fit-toroq li semmgħiet l-Onor. Membru. Dan il-proġett hu mistenni li jinbeda għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Il-parti li tikkonċerna l-kanal ta' Ħal-Qormi-Marsa hu mistenni li tkun kompluta sa l-aħħar tal-2012 waqt li il-proġett kollu mistenni jitlesta sa l-aħħar tal-2013.

Ħal Qormi — Flood relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern, fir-rigward tal-proġetti għal flood relief li qed jissemmew li se jsiru, għal widien u toroq mibnija f'Ħal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-proġett għal kontra l-għargħar jikkontempla li jitnaqqas il-volum tal-ilma li jaqa' fuq Ħal-Qormi billi jiddevja parti minnu għal fuq is-sistema ta' mini li se tinbena bejn Ħ’Attard -B'Kara u Ta' Xbiex. Barra minn hekk se jsir titjib fil-kanal li hemm fit-Triq il-Wied billi jinbiddlu il-pontijiet biex l-ilma jgħaddi aħjar, isir culvert kbir taħt l-art kif jispiċċa Wied is-Sewda, issir fetħa oħra ħdejn l- Skew Arch Bridge ta' ħdejn ir-roundabout tal-Lowenbrau, issir devjazzjoni ġdida fejn il-pont l-antik li hemm ħdejn il-golf course, u jsiru bridges ġodda taħt it-Triq Aldo Moro biex l-ilma jgħaddi aħjar għall-baħar.